Legislature:
Category:
Reset
Active:

Marsa Powerstation — attività

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-attività li ttelgħet fil-powerstation tal-Marsa fid-9 ta' Marzu 2015 dwar l-għeluq tagħha? Jista' jagħti elenku tal-ispejjeż kollha?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ispiża tal-attività msemmija kienet ta’ €6,574 (sitt elef, ħames mija, erbgħa u sebgħin Ewro), VAT mhux inkluż.

Raħal Ġdid – Triq Valletta k/m vjal Sir Paul Boffa – bus stop

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13686, jista’ l-Ministru jpoġġi quddiem il-Mejda id-disinn il-ġdid għall-bus stop fir-roundabout bejn Triq Valletta k/m Vjal Sir Paul Boffa, Raħal Ġdid?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li bħalissa qed isir id-disinn tal-bus shelter li għandu bżonn xi tibdil u għaldaqstant d-disinn finali qed jiġi emendat.

Dellimara – Palm maqlugħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqalgħu palm minn Dellimara? Jista’ jgħid fejn tpoġġew?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 12-il palma li nqalgħu minn Delimara. Dan sar biex jiġi segwit l-Environmental Impact Statement li jispeċifika li ma jridx ikun hemm siġar ħdejn il-Power Station minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

Water Saving Kits – tqassim

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14195, jista’ l-Ministru jgħid kemm tqassmu water saving kits sena b’sena bejn Jannar 2014 u Diċembru 2014 u bejn Jannar 2015 sad-data ta’ meta ġiet intavolata din il-mistoqsija? Jista’ jagħti t-tender reference number u d-data tal-pubblikazzjoni tagħha?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14195 (erbatax-il elf, mija, ħamsa u disgħin).

Water Saving Kits – tqassim

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14195, jista’ l-Ministru jgħid meta se jitqassmu water saving kits lill-familji li jgħixu f’Malta? Jista’ jgħid jekk għandux roll out plan u jekk iva, jista’ jgħid meta se jibdew jitqassmu u f’liema lokalitajiet?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġi fformulat kit addattat għall-karatteristiċi tal-konsum tal-ilma f’Malta biex jiġi żgurat l-aħjar impatt minn dan l-eżerċizzju.

Il-Gżira – passiġġieri fil-karozza tal-linja li għaddu minn Triq ix-Xatt

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14442, filwaqt li ngħarraf li l-Ministru qal li l-operatur tat-trasport pubbliku preżenti m’għandux informazzjoni dwar kemm hu n-numru ta’ passiġġieri li jużaw il-karozza tal-linja siegħa b’siegħa, li jirkbu jew jgħaddu minn Tas-Sliema għal Triq ix-Xatt il-Gżira matul il-jiemm tal-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd, jista’ allura flok siegħa b’siegħa jgħid kemm hu n-numru ta’ passiġġieri li jużaw il-karozzi tal-linja li jirkbu jew jgħaddu minn Tas-Sliema għal Triq ix-Xatt, il-Gżira matu,l il-jiem tal-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li preżentament, l-operatur tat-trasport pubbliku m’għandux l-informazzjoni li qed tiġi mitluba.

Trasport pubbliku — Vetturi mikrija

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14178, jista’ l-Ministru jgħid x’hemm kummerċjalment sensittiv biex ma jweġibx il-mistoqsija inkwistjoni u jgħid b’kemm qed jinkrew is-7 seaters, 14 seaters u l-18 seaters li ddaħħlu fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku, ġaladarba dawn qed jitħallsu mit-taxxi tal-poplu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li m’għandi xejn iktar x’inżied mar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14178.

Toroq asfaltati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq illi se jiġu asfaltati matul Marzu 2015? Jista’ jgħid jekk sarx eżerċizzju illi jevalwa l-kondizzjoni tat-toroq u jekk l-istess rapport jelenkax liema huma dawk it-toroq illi għandhom jiġu asfaltati minnufih, u jekk iva, liema huma? Jekk kemm-il darba sar tali rapport, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-roll out plan ta’ kif, meta u fejn se jsir l-asfaltar?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 15201 fejn fiha ġew elenkati lista ta’ toroq residenzjali li fuqhom għaddejjin xogħlijiet bħalissa. Rigward toroq arterjali u distributorji, il-field officers flimkien mall-periti, kontinwament jirrevedu l-istat tan-netwerk. Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni huma mbagħad assenjati skont l-urġenza u d-disponibbilta’ ta’ fondi. F’dan ir-rigward, Transport Malta kontinwament tirrevedi u taġġorna l-pjanijiet tagħha skont kif is-sitwazzjoni tkun qed tevolvi.

Road Safety Audits

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13686, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il road safety audit hemm għaddejjin bħalissa (u ċjoè fid-data illi qed issir din il-mistoqsija parlamentari) u minn min qegħdin isiru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13686, Road Safety Audits isiru fuq disinji ġodda ta’ toroq arterjali u distributorji skont id-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja. Ninsab infurmat, illi l-aħħar road safety audit li sar kien tal-proġett tal-inkroċju tal-Addolorata, Marsa/Paola.

Vehicle Activated Sign

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13686, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vehicle activated sign dwar limitu ta’ veloċità tas-sewqan u ta’ kisriet fit-toroq u roundabouts ġew installati minn Jannar 2014 sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Jannar 2014 sal-lum ġew installati dawn il-vehicle activated signs: 9 dwar limitu ta’ veloċita’ tas-sewqan, 3 ta’ kisriet fit-toroq u 4 ta’ roundabouts.

Twaħħil ta’ tabelli ‘Irkib taż-Żwiemel’

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13686, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk ir-rotot illi ġew identifikati biex fihom jitwaħħlu t-tabelli “Irkib taż-Żwiemel” u kemm-il sinjal se jitwaħħal? Kemm twaħħlu sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Sa meta hemm il-ħsieb illi jitlesta l-proċess?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li fil-preżent, qed jerġgħu jiġu ddettaljati r-rotot fl-isfond ta’ xogħol iehor li qed isir, fosthom il-qafas regolatorju rigward l-liċenzjar u l-irkib ta’ żwiemel fit-toroq tagħna.

Titjib ta’ saħħa u sigurtà fit-toroq

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13686, jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti illi saru biex titjieb is-saħħa u s-sigurtà fit-toroq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13686, diġa ġew elenkati numru ta’ miżuri sabiex jitjiebu s-saħħa u sigurta’ fit-toroq u tiżdied l-effiċjenza tas-sistema tat-traffiku. Transport Malta tibqa’ mpenjata sabiex b’mod kontinwu timplimenta miżuri simili f’lokalijiet differenti wara li tiddentifika l-ħtiġijiet li jkun hemm bżonn u dan skont l-linji gwida mniżżla fl-istess strateġija għas-sigurtà fit-toroq.

Sistema tat-traffiku – żieda fl-effiċjenza

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13686, jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti illi saru biex tiżdied l-effiċjenza tas-sistema tat-traffiku?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14986.

Trasport pubbliku – vetturi 7, 14 u 18 seaters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi 7-seaters, 14-seaters u 18-seaters, separatament għal kull kategorija, fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku fid-data ta’ meta ġiet sottomessa din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi mit-8 ta’ Marzu 2015 ir-rotot kollha tat-trasport pubbliku qed jiġu mħaddma minn karozzi tal-linja tal-operatur tat-trasport pubbliku u għaldaqstant m’għadhomx jintużaw vetturi mikrija tat-tip imsemmija.

Trasport Pubbliku – vetturi importati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14133, jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun qed jimporta s-17-il karozza tal-linja oħra li hu rrefera għalihom?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi niċċara li huwa l-operatur tat-trasport pubbliku li qed jimporta l-karozzi tal-linja u mhux il-Ministeru tiegħi. Ninsab infurmat illi l-karozzi tal-linja li kellu jimporta l-operatur tat-trasport pubbliku, wasslu kollha.

Trasport Pubbliku – kiri ta’ vetturi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14130, jista’ l-Ministru jgħid għala kien hemm bżonn illi jinkrew 7-seaters, 14-seaters u 18-seaters?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi meta ġie biex jiġi estiż b’mod temporanju l-ftehim illi kien hemm bejn l-operatur tat-trasport pubbliku u l-entita’ illi kienet tforni sewwieqa u coaches jew minivans sabiex jipprovdu servizz fuq ċertu rotot tat-trasport pubbliku, ma kienx intlaħaq ftehim. Għaldaqstant, l-operatur tat-trasport pubbliku kellu jirrikorri għal mezzi alternattivi ta’ trasport sabiex jiġi żgurat illi s-servizz jibqa’ jingħata skont l-iskeda. Infurmat ukoll illi l-aħħar illi ntużaw vetturi tat-tip 7 seaters fuq is-servizz tat-trasport pubbliku kien fid-19 ta’ Frar 2015, filwaqt illi il-vetturi tat-tip 14, 16, 18 u 21 seaters l-aħħar illi ntużaw kien fis-7 ta’ Marzu 2015. Mit-8 ta’ Marzu 2015 ir-rotot kollha tat-trasport pubbliku bdew jiġu mħaddma minn karozzi tal-linja tal-operatur tat-trasport pubbliku.

Autobuses de Leon – diskussjoni fuq kiri ta’ vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma illi fl-ebda ħin, la l-Ministeru u lanqas Transport Malta ma ddiskutew ma’ Autobuses de Leon il-possibiltà illi din l-istess kumpanija tikri 7-seaters, 14-seaters u 18-seaters biex jipprovdu transport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma sarux diskussjonijiet ma’ l-Autobuses de Leon.

Trasport pubbliku — kiri ta’ vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ir-rotta ħadmu separatament is-7-seaters, 14-seaters u 18-seaters illi inkrew biex jipprovdu servizz ta’ trasport pubbliku bejn it-8 ta’ Jannar 2015 u d-data ta’ meta ġiet sottomessa din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm-il vjaġġ għamlu separatament, u kemm tellgħu nies separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, l-Malta Public Transport, jirriżulta illi: · Fil-każ ta’ vetturi 7 seaters kien hemm mhux aktar minn għaxar vetturi illi ntużaw f’ġurnata. Fil-perjodu bejn it-8 ta’ Jannar 2015 u d-19 ta’ Frar 2015, li kienet l-aħħar data meta ntużaw dawn it-tip ta’ vetturi fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, dawn il-vetturi għamlu total ta’ 3,259 vjaġġ. · Fil-każ ta’ vetturi 14 seaters kien hemm mhux aktar minn ħames vetturi illi ntużaw f’ġurnata. Fil-perjodu bejn it-8 ta’ Jannar 2015 u s-7 ta Marzu 2015, li kienet l-aħħar data meta ntużaw dawn it-tip ta’ vetturi fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, dawn il-vetturi għamlu total ta’ 3,032 vjaġġ. · Fil-każ ta’ vetturi 16, 18 jew 21 seaters kien hemm mhux aktar minn ħdax-il vettura illi ntużaw f’ġurnata. Fil-perjodu bejn it-8 ta’ Jannar 2015 u s-7 ta Marzu 2015, li kienet l-aħħar data meta ntużaw dawn it-tip tal-vetturi fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, dawn il-vetturi għamlu total ta’ 11,898 vjaġġ. Ta’ min wieħed jinnota li mit-8 ta’ Marzu 2015 ir-rotot kollha tat-trasport pubbliku qed jiġu mħaddma minn karozzi tal-linja tal-operatur tat-trasport pubbliku u għaldaqstant, m’għadhomx jintużaw vetturi mikrija tat-tip imsemmija. L-operatur tat-trasport pubbliku m’ għandux figuri ta’ kemm passiġġiera għamlu użu minn dawn il-vetturi.

Malta Public Transport Services Ltd – company secretary

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13837, jista’ l-Ministru jgħid kif u minn min intgħażel il-company secretary tal-Malta Public Transport Services Ltd? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument illi ntuża bħala gwida illi wasslet biex saret l-għażla?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 13673.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — kuntratti ta' service replacement

Question

Fir-rigward tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt tas-service replacements ġie fi tmiemu bejn l-1 Jannar 2014 u 31 ta’ Jannar 2015? Fir-rigward ta’ dawk li ġew fi tmiemhom, jista’ jikkonferma li kollha tħallsu għas-servizz li taw matul il-kuntratt li kellhom? Jista’ jgħid jekk sussegwentament ħarġux tenders jew call for quotations oħrajn għas-service replacements? Jista’ jgħid jekk ħarġux direct orders għas-service replacements bejn l-1 Jannar 2014 u 31 ta’ Jannar 2015, u jekk iva, kemm kien il-valur ta’ dawn id-direct orders? F’każ li ngħataw direct orders, jista’ jgħid jekk hux il-kuntratturi kollha qed jitħallsu fiż-żmien stipulat, u jekk hemm mingħandu pagamenti b’lura jista’ jgħid meta se jitħallsu? Fir-rigward tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jista’ jgħid minn qed jaħdem ix-xogħlijiet tal-emerġenza?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt mgħarraf mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li fil-perjodu msemmi ġew fi tmiemhom tlettax-il kuntratt għal service replacement u dawn kollha tħallsu. Is-sejħa għall-offerti kienet ġiet ippubblikata fid-19 ta’ Settembru 2014 mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Ix-xogħlijiet tal-emerġenza jsiru mill-Koperattiva.