Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u tal-konsulenti u l-persons of trust li taw is-servizz tagħhom bejn Marzu 2013 sad-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari kif ukoll dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizz, lid-dekasteru tiegħu inkluż l-awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ persons of trust jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14947. F'dak li jirrigwarda għall-konsulenti, nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika jekk hux qed tirreferi ukoll għal dawk li ġew ingaġġati mill-amministrazzjoni preċedenti u aktar ‘l quddiem ġew imġedda. Dan biex tkun tista’ tingħata informazzjoni korretta.
Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa– persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u tal-konsulenti u l-persons of trust li taw is-servizz tagħhom bejn Marzu 2013 sad-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari kif ukoll dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizz, lid-dekasteru tiegħu inkluż l-awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 10742 (għaxart’elef, seba’ mija, tnejn u erbgħin) u 15396 (ħmistax-il elf, tlett mija, sitta u disgħin).
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' skrutinju qed isir sabiex jiġi assigurat li x-xufiera tal-linja li qed jitħaddmu fuq ir-rotot preżenti għandhom kondotta nadifa? Jista' jikkonferma li l-persuni kollha li servew bħala xufiera tal-linja bejn Jannar 2015 sad-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari kollha kellhom u għandhom il-kondotta tal-pulizija nadifa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waħda mir-rekwiżiti sabiex persuna tkun tista’ tagħmel xogħol ta’ xufier ta’ karozza tal-linja hija li din trid, fost l-oħrajn, tkun ta’ kondotta tajba, skont kif definita fir-Regolamenti dwar is-Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri (SL499.56).
Transport Malta tikkonferma li fil-mument li persuna tinħarġilha permess ta’ xufier, dik il-persuna tkun ikkonfermata li hija ta’ kondotta tajba.
Transport Malta tikkonferma li dawk il-persuni kollha li ngħataw permess ta’ xufier minn meta daħlu fis-seħħ ir-regolamenti s’issa, kienu kollha jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ reputazzjoni u kondotta tajba skont ir-regolamenti msemmija aktar qabel.
Barra minn hekk, Transport Malta terġa’ tivverifika jekk xufier għadux ta’ kondotta tajba meta jkun imġedded il-permess ta’ xufier.
Fil-każ li xufier ma jibqax ta’ kondotta tajba fil-perjodu illi jkollu permess ta’ xufier validu, huwa għandu l-obbligu li jinforma lill-Awtorità skont l-istess regolamenti. Fejn l-Awtorità tkun infurmata minn sorsi oħra illi xufier m’għadux ta’ kondotta tajba, il-permess ta’ dak ix-xufier, jew ikun sospiż, jew revokat skont il-każ.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx unit jew persuna fi Transport Malta illi tagħmel il-quality control fuq it-tabelli tat-traffiku qabel jittellgħu fuq il-post? Jekk m’hemmx unit jew persuna fi Transport Malta, jista’ jgħid fuq min qed taqa’ r-responsabbiltà illi jiċċekkja li t-tabelli tat-traffiku jkunu miktuba korrettament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li t-tabelli tat-traffiku jiġu ordnati u nstallati mill-persuni, direttorati u units differenti fi ħdan Transport Malta skont kif ikun jeħtieġ. Ovvjament, ir-responsabbilta’ li dawn jiġu ċċekjati kemm għall-grammatika, għall-ortografija kif ukoll li ġew imwaħħla fejn u kif ordnat taqa’ fuq l-istess persuna li tkun ordnathom. Qatt ma hu aċċettabli li jkun hemm żbalji imma meta jkun il-każ jittieħdu dawk il-miżuri sabiex jiġu rranġati mill-aktar fis possibli u kemm jista’ jkun ma jerġgħux isiru.
Swieqi, Madliena, Ibraġġ, San Ġwann, Kappara, Msida, Ta’ Xbiex u Għargħur – xogħlijiet fit-toroq
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tax-xogħlijiet li saru minn Marzu 2013 sad-data illi saret din il-mistoqsija parlamentari fuq toroq ġodda jew resurfacing ta’ toroq mill-Gvern fil-lokalitajiet tas-Swieqi, Madliena, Ibraġġ, San Ġwann, Kappara, Msida, Ta’ Xbiex u Għargħur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ xogħlijiet li saru minn Marzu 2013 sad-data illi saret din il-Mistoqsija Parlamentari fuq toroq ġodda jew resurfacing ta’ toroq mill-Gvern fil-lokalitajiet tas-Swieqi, Madliena, Ibraġġ, San Ġwann, Kappara, Msida, Ta’ Xbiex u Għargħur hija hekk kif ġej:
2013
Triq l-Iskud, Swieqi
Triq it-Tiben, Swieqi
2014
Triq il-Ħabba / Triq l-Iskud, Swieqi
Triq l-Istasija u Triq Menville, Swieqi
Triq Talja, Swieqi
2015
Triq il-Qasam, Swieqi (xogħol għadu mhux komplut)
p/o Triq Nani, Ta’ Xbiex
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tat-trasport pubbliku illi ġie ffirmat mal-ABDL?
Response (MIZZI, JOE)
Infakkar lill-Onor. Interpellanta f’dak li ntqal fit-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti rigward il-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-operatur ġdid tas-servizz pubbliku, ċjoè li l-istess kuntratt jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-mument opportun.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-waste streams li ġew esportati bejn Jannar 2014 u Marzu 2015? Jista’ jgħid lejn liema pajjiż qed tiġi esportata kull waste stream? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża totali tal-Gvern ta’ kull waste stream li ġiet esportata?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta li skond kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-kumpanija WasteServ ma tesportax waste streams. F’ċertu każijiet tbiegħ waste streams li jinġabru mill-kumpanija lill-Operaturi Maltin u f’każijiet oħra l-kumpanija tkun trid tħallas lill-operaturi privati biex jieħduh u jiddisponu minnu huma.
Rigward il-mistoqsijiet l-oħra nitlob l-Onor. Interpellanta tagħmel dan lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15533, jista’ l-Ministru jwieġeb għat-tieni parti tal-mistoqsija u ċjoè lil min ingħataw u kemm żdiedet il-payroll komplessivament riżultat ta’ dawn il-promotions?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gradi tal-persuni li ġew mogħtija promotion huma ndikati fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 15533. Iż-żieda kumplessiva b’riżultat ta’ dawn il-promotions hija ta’ € 115,166.68.
Il-Marsa – traffic count fuq l-impatt ta’ pelican lights
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju li sar, inkluż it-ttraffic counts fuq l-impatt li l-pelican lights li qed jitqiegħdu ħdejn is-Super One se jkollhom fuq it-traffiku li ġej min-naħa taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u l-vjal ta’ ħdejn ix-ship building?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li oriġinarjament kellhom isiru traffic lights fl-inkroċju bejn Triq Garibaldi u Triq Aldo Moro. Tali traffic lights kienu ser jinkludu wkoll pelican crossing. Iżda fl-isfond tal-proġett il-ġdid tal-flyover fl-inkroċju ta’ Vjal Santa Luċija k/m Triq Garibaldi k/m Triq Aldo Moro, dawn it-traffic lights kienu ser jiġu għalxejn u għaldaqstant mhux ser jinbnew. Iżda, minħabba l-bus stop u wkoll minħabba li t-triq bejn il-fabbriki hija wiesgħa, jaqsmu ammont ta’ nies mill-akwata distanza twila. Għaldaqstant, ġie deċiż li l-pelican crossing tinbena xorta għas-saħħa u sigurta’ tal-pedonali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat ġie impjegat ma’ Transport Malta bejn Jannar 2014 u d-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari mingħajr ma saret l-ebda sejħa pubblika? Jista’ jgħid x’kariga għandhom? Jista’ jgħid x’inhu s-salarju individwali tagħhom inkluż il-perkaċċi kollha li huma intitolati għalihom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li ġew impjegati ma’ Transport Malta mingħajr sejħa pubblika huma dawk li ġew ngaġġati fuq bażi ta’ position of trust minħabba s-sensitivitta’ tal-pożizzjoni tagħhom.
Dawn huma hekk kif ġej:
Senior Operating Officer
Acting Chief Information Officer
Executive Assistant to the Chairman
Driver (Chairman’s Office)
Manager (Media & Communications)
Is-salarju u l-kundizzjonijiet ta’ dawn l-persuni huma ekwivalenti għal dawk ta’ impjegati oħra fl-Awtorita’ li qegħdin fi gradi jew pożizzjonijiet simili.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi li għandhom il-permess biex joperaw bħala vintage bus?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li skont informazzjoni li għandha Transport Malta, hemm seba’ vetturi li huma reġistrati bħala vintage buses u li minnhom hemm erba’ li għandhom permess biex joperaw fuq ir-rotta ta’ vintage bus.
Jista’ l-Ministru jgħid, meta sar it-tibdil għal servizz ta’ Trasport Pubbliku mogħti mil-Arriva, kemm kien hemm buses li aċċettaw is-somma ta’ €58,000 fuq il-kundizzjoni li jiġu ggaraxxjati u ma joperawx għax-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi meta kienet saret il-bidla minn trasport pubbliku ipprovdut mill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku (ATP) għal dak ipprovdut mill-Arriva, is-sidien preċedenti kienu ngħataw għażla min- numru ta’ offerti ta’ kumpens għall-irtirar tal-liċenzji tagħhom. Iżda minn imkien ma jirriżulta illi fost l-offerti li ngħataw kien hemm valur ta’ kumpens li jikkorrispondi għas-somma indikata mill-Onorevoli Interpellanta. Lanqas ma jirriżulta illi fost dawn l-offerti kien hemm xi kundizzjoni illi tobbliga lis-sidien biex jiggaraxxjaw il-buses tagħhom.
Public Private Partnership – Manutenzjoni ta’ toroq
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li mhu se jidħol ebda ħlas jew forma ta’ taxxa, kemm diretta u indiretta, jekk il-Gvern jagħżel li l-maintenance u l-upkeep tat-toroq isir permezz ta’ public private partnership?
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-Kappara Junction?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-junction tal-Kappara mistenni li jibda wara li l-proġett ta’ Triq il-Kosta jkun komplut, hekk biex ikun hemm ippjanar tat-traffiku aħjar.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitlestew dawn it-toroq:
(a) Triq in-Niġem, Ħal Għaxaq;
(b) Parti minn Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa;
(c) Triq Ġdida fi/u parti minn Triq Ninu Cremona, Raħal Ġdid;
(d) Triq l-Ibjar/Arkati, Raħal Ġdid;
(e) Parti minn Triq Annetto Caruana, San Pawl il-Baħar;
(f) Triq San Benedettu, Ħal Kirkop;
(g) Triq Jean de la Cassiere, San Pawl il-Baħar; u
(h) Triq Ġdida fi Triq il-Wilġa, Marsaxlokk?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti:
Triq in-Niġem, Ħal Għaxaq
Ix-xogħlijiet fuq din it-triq huma mistennija jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif jiġu kkonfermati soluzzjonijiet tekniċi marbuta mal-ilma tax-xita.
Parti minn Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa
Ix-xogħlijiet fuq din it-triq huma lesti ħlief għall-wiċċ tat-triq li ma ngħatax minħabba xogħlijiet fil-viċinanzi. Ġaladarba jispiċċaw dawn ix-xogħlijiet, Transport Malta se tkun qiegħda tagħti l-aħħar saff ta’ asfalt.
Triq Ġdida fi/u parti minn Triq Ninu Cremona, Raħal Ġdid
Ix-xogħlijiet fuq din it-triq għaddejjin bħalissa u għandhom jitlestew fix-xhur li ġejjin.
Triq l-Ibjar/Arkati, Raħal Ġdid
Ix-xogħlijiet fuq din it-triq għaddejjin bħalissa u għandhom jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.
Parti minn Triq Annetto Caruana, San Pawl il-Baħar
Ix-xogħlijiet fuq din it-triq għaddejjin bħalissa u għandhom jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.
Triq San Benedettu, Ħal Kirkop
Ix-xogħol fuq din it-triq kien inbeda pero’ kellhom jieqfu minħabba kawża l-Qorti. Ghalkemm intrebħet il-kawża, ir-residenti għadhom jikkontestaw in-natura tax-xogħlijiet.
Triq Jean de la Cassiere, San Pawl il-Baħar
Ix-xogħol mistenni jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin.
Triq Ġdida fi Triq il-Wilġa, Marsaxlokk?
Ix-xogħlijiet fuq din it-triq għaddejjin bħalissa u għandhom jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14985 dwar ir-rotot li ġew identifikati biex fihom jitwaħħlu t-tabelli “Irkib taż-Żwiemel” jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta l-qafas regolatorju rigward il-liċenzjar u l-irkib taż-żwiemel fit-toroq u meta mistenni li jkunu ġew dettaljati tali rotot?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi l-qafas regolatorju dwar l-użu tal-annimali fit-triq huwa mistenni li jitlesta fil-futur qrib, wara li jkunu ġew konklużi l-konsultazzjonijiet mal-oqsma kollha involuti. Fl-istess waqt, jien infurmat li l-pjanti fejn ser jitwaħħlu tabelli ‘Irkib taż-Żwiemel’ ġew dettaljati u issa qed jiġu verifikati anki fuq il-post.
Transport Malta/Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Kuntratti ta’ Kostruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti kumpaniji Maltin involuti fil-kostruzzjoni u turnkey minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari, kuntrattur kuntrattur minn Transport Malta u mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura? Jista’ jagħti l-valur ta’ kull kuntratt, dettalji fuq in-natura tax-xogħol ta’ kull kuntratt, u jekk il-kuntratt ingħatax wara sejħa pubblika jew b’mod dirett?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika il-perjodu eżatt li għalih qed tirreferi f’din il-mistoqsija parlamentari, jekk hux sad-data li fiha saret din il-Mistoqsija Parlamentari jew sal-ġurnata li fiha ser tinqara din l-istess Mistoqsija, u dan sabiex l-informazzjoni mogħtija tkun waħda korretta.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14453, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-toroq rispettivi għal kull perjodu li ssemma, it-tul tal-istess toroq, triq triq, kif ukoll il-kuntrattur li ħadem fuq kull triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba u disponibbli qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.