Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw sussidju l-Autobuses de Leon sad-data illi fiha saret din il-mistoqsija parlamentari u jgħid ukoll liema perjodu qed tkopri ċ-ċifra mogħtija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill Onor. Interpellant li l-ammont ta’ sussidju li ngħata lill-Malta Public Transport Services Ltd kien jammonta għal €9,583,330, liema ammont jkopri l-perjodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2015.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il parking bayżdied f’Ħal Luqa minn Marzu 2013 sad-data illi fiha saret din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jikkonferma illi kollha kemm huma saru bil-permess ta' Trasport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li Transport Malta approvat disa’ kaxxi ta’ parkeġġ minn Marzu 2013 sal-lum ġewwa l-lokalità ta’ Ħal Luqa.
Jista' l-Ministru jgħid ta' min hi r-responsabilità ta' Triq B. Bontadini, Birkirkara? Jista' l-Ministru jgħid meta din se tingħata wiċċ ġdid ta' tarmak?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq B. Bontadini ġewwa Birkirkara ma taqax taħt ir-responsabilità ta' Transport Malta. Għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma x-xogħlijiet ta' tindif ta' widien madwar Malta ppjanati għall-perjodu bejn Mejju u Awwissu? Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun hemm ħaddiema jaħdmu fuq dan ix-xogħol, kemm se jiswa u kemm kilometri ta' widien se jkunu qed jitnaddfu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sezzjoni tal-Immaniġġar tal-Widien twettaq diversi interventi fil-widien li jinkludu xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni komprensiva permezz ta’ kontroll u tneħħija ta’ speċijiet ta’ pjanti aljeni u nvażivi, tħawwil ta’ arbuxelli u siġar indiġeni, ħarsien tal-infrastrutura rurali fil-korsa tal-ilma u tneħħija ta’ materjal akkumulat biex jittaffa l-impatt tal-għargħar ġewwa żoni speċifiċi. Għall-perjodu bejn Mejju u Awwissu 2015, huma ppjanati interventi ġewwa dawn il-widien:
· Wied Qannotta, limiti ta’ Burmarrad, fejn se jitneħħa l-qasab;
· Wied Baqqiegħa, limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ, fejn se jitneħħew s-siġar tar-riġnu u l-qasab u se jitħawlu arbuxelli indiġeni;
· Wied tal-Qlejgħa, limiti tar-Rabat, fejn se jitneħħa materjal u pjanti nvażivi u se jiġu mħawla arbuxelli u siġar indiġeni;
· Wied tal-Ġnejna, limiti tal-Imġarr, fejn se jiġu msewwija ħitan tas-sejjieħ u jitneħħa parti mill-materjal li akkumula. F’dan il-wied hemm diversi pjanti ndiġeni li m’humiex daqstant komuni fil-Gżejjer Maltin, fosthom is-simar l-iswed. Numru ta’ pjanti minn din l-ispeċi se jiġu maqlugħa u mħawla f’partijiet differenti f’dan il-wied sabiex din l-ispeċi tiġi kkonservata;
· Wied Ħarq Ħamiem, Pembroke, fejn se jitranġa kanal tal-ilma, jitneħħa materjal akkumulat u tinbena struttura għaż-żamma tal-ħamrija.
L-istima totali ta’ dawn ix-xogħolijiet hija ta’ €35,000 u b’kollox se jsiru interventi fuq 1,430 metri ta’ widien. Tnax-il ħaddiem se jkunu qegħdin iwettqu dawn ix-xogħlijiet.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – ingaġġ ta’ ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem ġdid iddaħħal jaħdem mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minn Marzu 2013 sad-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid f’liema kariga ddaħħlu? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu sejħiet interni, kemm minnhom saru permezz ta’ sejħa pubblika u kemm minnhom idaħħlu abbażi ta’ position of trust?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ jgħid kemm-il advisor għandu l-Executive Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? X’remunerazzjoni u perkaċċi għandu kull advisor? X’inhu r-rwol ta’ kull advisor?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm min fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tela’ diversi skali bejn Marzu 2013 u d-data illi fiha saret din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid kemm kien hemm, min huma u f’liema grad?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn jidħlu promozzjonijiet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma timxi skont il-ftehim kollettiv.
Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa persuni f’position of trust
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15741 u jelenka l-ismijiet tal-konsulenti u tal-persuni f’position of trust illi tqabbdu mill-Ministru jew minn dipartimenti u entitajiet illi jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sad-data illi fiha saret din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’inhu s-salarju tagħhom u x’perkaċċi għandhom? Peress illi l-Ministru huwa responsabbli kemm mill-enerġija kif ukoll mis-saħħa, jista’ jgħid kemm hemm minn dawn il-persuni fil-qasam tal-enerġija u kemm hemm fil-qasam tas-saħħa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15741 (ħmistax-il elf, seba’ mija, wieħed u erbgħin), niġbdilha l-attenzjoni li dawn huma persuni fil-qasam tal-enerġija. Għal qasam tas-saħħa nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15963 (ħmistax-il elf, disa’ mija, tlieta u sittin).
Sospensjoni tad-dawl u l-ilma ta’ Stabbilimenti kummerċjali u residenzi privati
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul l-ewwel erba' xhur tal-2015, kemm kien in-numru ta' stabbilimenti kummerċjali u residenzi privati li l-Korporazzjoni Enemalta ssospenditilhom il-provvista tad-dawl u l-ilma f'Malta u Għawdex separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li dak li wiegħed fl-Istqarrija tal-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa tas-17 ta’ Frar2015, (https://www.gov.mt/en/Government/Press%20Releases/Pages/2015/February/17/PR-150315.aspx) li fil-kumpaniji li ħarġu mill-Korporazzjoni Enemalta, fosthom l-Enemed Co. Ltd u l-Enemalta plc,u ċjoè li l-ewwel preferenza għall-istaff kollu li llum qed jaħdmu f’dawn l-ażjendi se tingħata lill-impjegati tal-Engineering Resources Ltd, qiegħed fil-fatt isir?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema tal-Engineering Resources Ltd qegħdin jingħataw l-ewwel preferenza sabiex jimlew postijiet fl-Enemalta plc u l-Enemed Ltd. Meta ma jinstabux kandidati li jħaddnu l-kwalifiċi, esperjenza u kompetenza neċessarja, jintużaw meżżi oħra ta’ ingaġġ.
Engineering Resources Ltd – impjegati fi grad maniġerjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati mal-Engineering Resources Ltd fi grad maniġerjali li huma rġiel, u kemm hemm li huma nisa,? Jista’ jikkonferma kemm minnhom għandhom grad universitarju u fiex?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li fuq il-kotba tal-Engineering Resources Ltd hemm 43 (tlieta u erbgħin) raġel u 7 (seba’) nisa li jokkupaw gradi maniġerjali. Minn dawn hemm 48 (tmienja u erbgħin) li jippossjedu kwalifiki Universitarji.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew approvati residential gas storage tanks mill-MRA? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm lokalità lokalità?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 130 (mija u tletin) residential gas storage units tal-Liquified Petroleum Gas li jinsabu ġewwa residenzi u li ġew approvati mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Dawn imqassmin fi 43 (tlieta u erbgħin) lokalita’ differenti f’Malta u Għawdex.
Swieqi, Madliena, Ibraġġ, San Ġwann, Kappara, Msida, Ta’ Xbiex u Għargħur – xogħlijiet fuq toroq
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tax-xogħlijiet illi hemm il-ħsieb illi jsiru fuq toroq ġodda jew resurfacing ta’ toroq mill-Gvern fil-lokalitajiet tas-Swieqi, Madliena, Ibraġġ, San Ġwann, Kappara, Msida, Ta’ Xbiex u Għargħur, matul Ġunju 2015 u Lulju 2015?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onore. Interpellant li Transport Malta tfassal programm ta’ xogħlijiet fuq toroq skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-karozzi kollha tal-linja li qegħdin jitħaddmu bħalissa għandhom l-arja kundizzjonata? Jekk le, jista’ jgħid kemm-il vettura hemm illi m’għandhiex l-arja kundizzjonata? Jista’ jgħid kemm-il vettura kellha xi ħsara fl-arja kundizzjonata mill-1 t’April 2015 sad-data illi fiha ġiet mressqa din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent, il-flotta tal-karozzi tal-linja kollha, minbarra għaxar vetturi li qegħdin jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, huma mgħammra b’arja kkundizzjonata.
Infurmat ukoll li l-operatur tat-trasport pubbliku, fil-preżent qiegħed iwettaq programm estensiv ta’ manutenzjoni fuq l-apparat tal-arja kkundizzjonata fuq il-karozzi tal-linja kollha sabiex titnaqqas l-inċidenza li dan l-apparat jiżviluppa xi ħsarat. Fl-istess waqt, l-operatur qiegħed jimplementa proċeduri ġodda sabiex ikun jista’ jżomm kont aktar akkurat ta’ ħsarat illi dan l-apparat ta’ arja kkundizzjonata jista’ jiżviluppa.
Transport Malta – pakkett finanzjarju tal-uffiċjali bit-titlu ta’ chief
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15540, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li telenka l-pakkett finanzjarju kollu (inkluż il-perkaċċi) ta’ kull Chief separatament li jaħdem ma’ Transport Malta, u espressament jekk dan jinkludix ukoll fuel allowances u/jew l-użu ta’ vettura u/jew xufier?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 15540.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15529 u jgħid meta mar l-ewwel darba l-Ażerbajġan minn mindu daħal fil-politika? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba mar l-Ażerbajġan minn mindu daħal fil-politika sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija? Jista’ jgħid min mar miegħu kull darba li mar l-Ażerbajġan?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15529 (ħmistax-il elf, ħames mija, disgħa u għoxrin).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsumatur inqatgħatlu l-provvista tal-elettriku minn Marzu 2013 sad-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari minħabba kontijiet mhux imħallsa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.
Jista’ l-Ministu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Financial Statements tal-Enemalta għall-2012 u l-2013? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-annual report tal-2012 u l-2013?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15021 (ħmistax-il elf, wieħed u għoxrin).