Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – Senior Operating Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-job description u t-terms of reference tas-Senior Operating Officer li nħatar fuq bażi ta’ person of trust ma’ Transport Malta? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għalfejn inħass il-bżonn li tali kariga m’għandhiex tkun abbażi ta’ sejħa pubblika iżda nħass il-bżonn li tali kariga għandha timtela minn persuna li għandha tkun hand picked? Jista’ jgħid x’salarju għandu/għandha, inkluż kwalunkwe perkaċċi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li tokkupa l-grad ta’ Senior Operating Officer ġiet ingaġġata bħala person of trust minħabba s-sensittivita’ ta’ din il-pożiżżjoni. Il-funzjoni tas-Senior Operating Officer huwa li jassisti ċ-Ċermen / Kap Eżekuttiv fl-operat u l- amministrazzjoni ġenerali tal-Awtorita’.

Transport Malta –Acting CIO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-job description u t-terms of reference tal-Acting CIO li nħatar bħala tali fuq bażi ta’ person of trust ma’ Transport Malta? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għalfejn inħass il-bżonn li tali kariga m’għandiex tkun abbażi ta’ sejħa pubblika iżda nħass il-bżonn li tali kariga għandha timtela minn persuna li għandha tkun hand picked? Jista’ jgħid x’salarju għandu/għandha, inkluż kwalunkwe perkaċċi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-persuna li tokkupa l-grad ta’ Acting CIO ġiet ingaġġata bħala person of trust minħabba s-sensittivita’ ta’ din il-pożiżżjoni. L-Acting CIO huwa responsabbli mid-Direttorat tal-ICT u għandu l-funzjoni li jiżviluppa u jimplimenta policies u proċeduri fit-teknoloġija tal-informatika bil-għan li tiżdied l-effiċjenza u l-qsim tal-informazzjoni.

Transport Malta – Manager Media and Communications

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-job description u t-terms of reference tal-Manager Media and Communications li nħatar bħala tali fuq bażi ta’ person of trust ma’ Transport Malta? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għalfejn inħass il-bżonn li tali kariga m’għandhiex tkun abbażi ta’ sejħa pubblika iżda nħass il-bżonn li tali kariga għandha timtela minn persuna li għandha tkun hand picked? Jista’ jgħid x’salarju għandu/għandha, inkluż kwalunkwe perkaċċi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-funzjoni ta’ Manager Media & Communications huwa li jippromwovi l-operat tal-Awtorita’ permezz ta’ kampanji pubbliċitarji u attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi. Speċifikament, huwa wkoll responsabbli mill-fotografija, iffilmjar u editjar tal-materjal promozzjonali kollu sabiex jistabilixxi l-preżenza tal-Aworita’ fuq mezzi ta’ social media bħalma huma Facebook, Twitter etc.

Autobuses de Leon — ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus lill-kumpanija Autobuses de Leon bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-aħħar ta’ Mejju 2015? Jista’ jgħid x’bilanċ kien hemm ma’ Autobuses de Leon fl-aħħar ta’ Mejju 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Nifhem li l-Onor. Interpellanta qegħda tirreferi għas-sussidju illi l-Malta Public Transport tħallsu għall-perjodu ta’ bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena. Għaldaqstant, m’għandi xejn aktar x’inżid mat-tweġiba illi ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 16179.

Autobuses de Leon – kuntratt iffirmat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jippubblika l-kuntratt li ffirma l-Gvern mal-Autobuses de Leon matul is-sena 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 15988.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – PA to Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-PA to Chairman kellha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bejn l-1 ta’ Marzu 2013 u l-31 ta’ Mejju 2015?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kellha 3 personal assistants fiċ-Chairman’s Office f’perjodi differenti.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – Chairman – PA Advisor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid huwiex minnu li ċ-Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandu PA Advisor? Jekk iva, x’inhu r-rwol eżatt ta’ din il-persuna?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Executive Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandu Advisor mad-diviżjoni tiegħu fuq employee relations.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – karozzi on lease

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha karozzi tagħha il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u kemm għandha karozzi li qed jiġu mikrija jew qegħdin on lease fid-data li saret din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid min għandu karozza on lease?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 167 (mija, sebgħa u sittin) vettura tagħha u 143 (mija, tlieta u erbgħin) vettura on lease. Il-vetturi on lease jintużaw minn ħaddiema tal-Korporazzjoni f’ħafna livelli differenti skont l-esiġenzi tal-istess Korporazzjoni.

Enemalta – karozzi on lease

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, kemm għandha karozzi tagħha l-Enemalta u kemm għandha karozzi li qed jiġu mikrija jew qegħdin on lease fid-data li saret din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid min għandu karozza on lease?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent l-Enemalta plc tagħmel użu minn 177 (mija, sebgħa u sebgħin) vettura. Għandha 29 (disgħa u għoxrin) vettura mikrija u ma tagħmel l-ebda użu minn vetturi li huma on lease.

Kuntratti lill-kumpaniji Maltin – kostruzzjoni u turnkey

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti kumpaniji Maltin involuti fil-kostruzzjoni u turnkey mill-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, kuntrattur kuntrattur minn Transport Malta u mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura? Jista’ jagħti l-valur ta’ kull kuntratt, dettalji fuq in-natura tax-xogħol ta’ kull kuntratt u jekk il-kuntratt ingħatax wara sejħa pubblika jew b’mod dirett?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal liema tip ta’ kostruzzjoni qed tirreferi.

Kuntratti lill-kumpaniji Maltin – road works

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti kumpaniji Maltin involuti fir-rigward ta’ road works (kemm bini mill-ġdid kif ukoll irranġar) mill-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, kuntrattur kuntrattur minn Transport Malta u mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura? Jista’ jagħti l-valur ta’ kull kuntratt, id-dettalji fuq in-natura tax-xogħol ta’ kull kuntratt u jekk il-kuntratt ingħatax wara sejħa pubblika jew b’mod dirett?

Response (MIZZI, JOE)

l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li fil-perjodu msemmi ngħataw 191 kuntratt li l-valur tagħhom ivarja bejn €6300.00 u €26,647,208.58 . Dawn jinkludu proġetti kbar fosthom il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kosta. Dawn il-kuntratti ngħataw lil diversi kumpaniji u f’kull każ Transport Malta segwiet il-proċeduri ta’ procurement tal-Gvern.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – nefqa ta’ petrol u diesel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f’petrol u diesel mill-Ministeru tiegħu (kemm fil-qasam tal-enerġija kif ukoll fil-qasam tas-saħħa), inkluż id-dipartiment, l-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-aħħar ta’ Mejju 2015? Jista’ jgħid mil-liema pompi tal-petrol inxtara l-fuel u jagħti breakdown skont il-pompi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-gradi kollha tan-nies ġodda li ġew ingaġġati mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bejn l-1 ta’ Marzu 2013 u l-31 ta’ Mejju 2015? Kemm-il persuna hemm ingaġġata f’kull grad?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-gradi huma: · Architect Pipelaying - 4 · Chief Executive - 1 · Child Carer - 1 · Clerks - 13 · Consultant - 1 · Driver - 2 · Engineer - 3 · Engineer Mechanical - 1 · Executive Chairman - 1 · Health & Safety Officer - 2 · ICT Technician - 3 · Junior Applications Developer - 4 · Junior Business Analyst - 1 · Junior Draughtsman - 1 · Laboratory Technician - 2 · Manager - 1 · Multi skilled fitter Level 3 & 4 - 112 · Officer - 1 · PA to Chairman - 1 · Quantity Surveyor - 1 · Senior Applications Developer - 2 · TAS - 9

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – ingaġġ ta’ periti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati periti ġodda mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bejn l-1 ta’ Marzu 2013 u l-31 ta’ Mejju 2015? Jista’ jgħid min kienu l-membri tal-bord tal-għażla ta’ dawn il-periti l-ġodda? Jista’ jgħid kemm hemm periti b’kollox mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma preżentament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perjodu msemmi ġew ingaġġati erba’ (4) periti ġodda. Il-bordijiet tal-għażla kienu jikkonsistu minn żewġ inġiniera u d-Direttur tal-Riżorsi Umani. B’kollox hemm tminn (8) periti jaħdmu mal-Korporazzjoni.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – ingaġġ ta’ persuni mill-istess familja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex policy dwar ingaġġ ta’ persuni fil-Korporazzjoni mill-istess familja? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja tagħha jew inkella jgħid x’inhi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandiex policy dwar din il-materja.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – Quantity Surveyor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Quantity Surveyor għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Jista’ jgħid kemm minnhom daħlu qabel l-1 ta’ Marzu 2013 u l-31 ta’ Mejju 2015? Jista’ jgħid x’inhu r-rwol u r-responsabilità assenjata lil dawk li daħlu bejn l-1 ta’ Marzu 2013 u l-31 ta’ Mejju 2015?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha żewġ Quantity Surveyors li t-tnejn daħlu qabel l-1 ta’ Marzu 2013. Quantity Surveyor irtirat reġa’ ġie ngaġġat mal-Korporazzjoni fuq kuntratt definit u fuq bażi part-time fi Frar 2014. Ix-xogħol tiegħu huwa li jikkordina x-xogħlijiet mal-Kunsilli Lokali.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsulent, person of trust jew special advisor għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Jista’ jgħid min huma? Jista’ jgħid x’inhu s-salarju tagħhom u x’perkaċċi jgawdu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għandha sitt (6) persuni fil-karigi msemmija.

Ir-Rabat – Area Tas-Salib – inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inċident tat-traffiku sar fl-area magħrufa Tas-Salib, limiti tar-Rabat (fejn l-ex-fabbrika tal-mushrooms) bejn l-1 ta’ Mejju 2015 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fl-assenza tal-isem tat-triq relatata mat-talba tal-interpellant, ma kienetx possibli li tiġi identifikata fl-area msemmija, minħabba li din l-area hi f’żona rurali. Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tkun aktar speċifika għal liema triq qed tirreferi.

Electrogas – kuntratt iffirmat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm l-Electrogas ħallset s’issa mit-€30 miljun li suppost kellha tħallas mal-iffirmar tal-kuntratt għall-art li ngħatat? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dan il-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistqosija parlamentari 15700 (ħmistax-il elf u seba’ mija).

Powerstation il-ġdida – Security of Supply Agreement

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li sar Security of Supply Agreement fir-rigward tal-powerstation il-ġdida? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-agreement qiegħed jiġi studjat mill-Kummissjoni Ewropea.