B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17415, fejn tlabt lill-Ministru jgħid jekk ix-xufiera tal-karozzi tal-linja humiex qegħdin jitħallsu tal-ħin li jieħdu x’ħin imorru jdaħħlu l-vettura tagħhom fid-depot u meta jmorru jpoġġu l-flus li jkunu ġabru wara li jkunu lestew ir-rotot rispettivi tagħhom, u peress li t-tweġiba kienet li billi l-kumpanija li llum tmexxi t-trasport pubbliku hija waħda privata l-informazzjoni mhijiex disponibbli, jista’ jgħid x’passi qed jieħu sabiex jassigura li l-ħaddiema mhumiex qed jiġu sfruttati? Jista’ jgħid jekk ġiex avviċinat minn xi persuna fejn infurmatu li x-xufiera tal-karozzi tal-linja mhumiex qegħdin jitħallsu tal-ħin li jieħdu x’ħin imorru jdaħħlu l-vettura tagħhom fid-depot u meta jmorru jpoġġu l-flus li jkunu ġabru wara li jkunu lestew ir-rotot rispettivi tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 19538.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-kuntratt li ġie ffirmat fl-20 ta’ Diċembru 2014, skont kif irrapurtat fl-artiklu: http://www.independent.com.mt/articles/2015-01-20/local-news/No-sign-of-new-bus-contract-despite-Minister-s-promise-to-table-it-over-a-week-ago-6736129146, ma nbidel l-ebda klawsola fih minn dakinhar sal-lum?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija li ħadet f’idejha t-tmexxija tat-trasport pubbliku, ma nbidlet l-ebda klawsola fih minn dakinhar li ġie ffirmat sal-lum.
Jista’ l-Ministru jagħti l-isem eżatt tal-entità jew entitajiet li magħhom iffirma l-kuntratt jew kuntratti għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku ġie iffirmat bejn l-Awtortita’ għat-Trasport f’Malta, il-Malta Public Transport Services (Operations) Limited u Autobuses de Leòn S.L.
Jista’ l-Ministru jagħti garanzija li kull min applika għall-tallinja card waslitlu u jista’ jużaha? Jista’ jagħti garanzija li n-nies li qegħdin jużaw it-tallinja card mhumiex se jkollhom iżjed diffikultajiet biex jużaw il-card u b’mod speċjali jagħti garanzija li t-topping qed isir b’mod korrett u ċjoè li l-ammont kollu li huma qegħdin ipoġġu fuq il-tallinja card qed jiġi reġistrat u li meta jħallsu biha mhux qed jinqatgħalhom ammont aktar milli suppost?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi minn meta issir r-reġistrazzjoni għal tal-linja card sakemm dawn jiġu stampati u jintbagħtu bil-posta hemm perjodu ta’ ħmistax-il ġurnata.
Infurmat ukoll li dan il-lead time qiegħed jinżamm u fil-preżent m’hemmx backlog ta’ cards li għadhom ma’ ħarġux. Għalkemm huwa minnu li numru żgħir ta’ persuni għadhom ma’ rċevewx il-card tagħhhom, dan jista’ jkun għal diversi raġunijiet fosthom illi jkun hemm xi informazzjoni mhux korretta fl-indirizz meta ssir l-applikazzjoni. Meta l-operatur tat-trasport pubbliku jiġi nfurmat b’każi bħal dawn jerġa’ joħroġ card ġdida lill-passiġġier.
Wieħed irid jirrimarka illi is-sistema tal-cards hija kumplessa u tiddependi minn numru ta’ fatturi differenti. Bħal kull sistema oħra simili, jista’ jkun hemm xi każijiet fejn il-card ma’ tiffunzjonax kif suppost bħal per eżempju l-card ma tiġix ittoppjata b’mod korrett jew inkella il-passiġġier ma’ jinqatalux l-ammont korret tan-noll li suppost iħallas. Fejn l-operatur tat-trasport pubbliku jiġi a’ konoxxenza ta’ każi bħal dawn jieħu il-passi kollha meħtieġa sabiex jirranġa dawn l-inkorrettezzi. Ta’ min wieħed jenfasizza illi dawn mhumiex każijiet illi jiġru ta’ spiss.
Ta’ min wieħed jgħid li sa tlett xhur ilu, 95% tal-passiġieri kienu jixtru l-biljett tagħhom direttament mingħand ix-xufier. Illum , 75% tal-passiġieri qed jużaw tallinja card. Ta’ min jgħid ukoll, li mill-1 ta’ Lulju ta’ din is-sena sal-lum, nofs il-popolazzjoni ta’ Malta għandu tallinja card personalizzata, kif ukoll 60% tal-anzjani ukoll għandhom tallinja card tagħhom.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li dawk il-persuni li għadhom ma rċevewx il-card tagħhom huwa ta’200, cards li ġew ittopjati jammonta għal 165,000, cards li bbenefikaw mit-top-up campaign kienu 36,000 , filwaqt li l-medja ta’ cards li jiġu użati telgħet għal 80%.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ taħriġ qed jingħata lil dawk kollha li eventwalment jidħlu jaħdmu bħala xufiera tal-karozzi tal-linja? Jista’ jgħid kemm-il siegħa ta’training qed jingħata lil kull xufier li għadu trainee, u fiex jikkonsisti dan it-training? Jista’ jgħid jekk ix-xufiera humiex qegħdin jingħataw ongoing training jew one-off training? Jekk qed jingħata on-going training, jista’ jgħid x’inhi l-frekwenza tat-training li qed jingħata u fiex jikkonsisti dan it-training?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, it-taħriġ li jingħata lil dawk kollha li eventwalment jidħlu jaħdmu bħala xufiera tal-karozzi tal-linja huwa s-sussegwenti:
Persuni li m’għandhomx il-liċenzja kategorija D
· 155 siegħa ta’ taħriġ inizjali li jinkludi taħriġ rigward License D u CPC (
Certificate of Professional Competence
);
· Bejn 44 u 88 siegħa ta’ taħriġ fuq ir-rotot;
· Bejn 44 u 65 siegħa ta’ taħriġ magħruf bħala
“Buddy Training”.
Persuni li għandhom il-liċenzja kategorija D
· Bejn 44 u 88 siegħa ta’ taħriġ inizjali;
· Bejn 44 u 88 siegħa ta’ taħriġ fuq ir-rotot;
· Bejn 44 u 65 siegħa ta’ taħriġ magħruf bħala
“Buddy Training”.
Wara dan it-taħriġ, isir assessment fuq ix-xufier fejn jekk ikun hemm il-ħtieġa, xufier jista’ jintbagħat għal taħriġ addizzjonali skont il-bżonn tal-persuna ikkonċernata.
Persuni illi għandhom il-liċenzja fil-kategorija D, perjodikament jattendu għal taħriġ fis-CPC filwaqt li jingħataw ukoll taħriġ prattiku li jinkludi s-saħħa u s-sigurta’ tal-passiġġieri u prevenzjoni ta’ inċidenti.
Infurmat ukoll illi dawk ix-xufiera li jkollhom numru ta’ inċidenti waqt li jkunu fuq is-servizz jingħataw taħriġ addizzjonali bbażat fuq analiżi li tkun saret mid-driving instructor fejn jindirizzaw in-nuqqasijiet li setgħu waslu għal tali inċidenti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17618 u jgħid min hi l-kumpanija li ngħatat l-istampar tal-ktieb li ntbagħat fid-djar kollha ta’ Għawdex minn Transport Malta dwar ir-rotot?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-ktieb dwar ir-rotot il-ġodda li tqassam fid-djar kollha ta’ Għawdex minn Transport Malta ġie stampat minn Velprint, wara sejħa għall-offerti
Jista’ l-Ministru jelenka kull spiża (jgħid x’kienet l-ispiża u kemm kienet) li b’xi mod hija relatata mas-servizz tat-trasport pubbliku, li tħallset minn Transport Malta bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u d-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont li tħallas minn Transport Malta bejn l-1 ta’ Jannar 2015 sal-lum, fi spejjeż relatati mas-servizz tat-trasport pubbliku, huwa hekk kif ġej:
Servizzi ta’ surveying € 40,349.39
Rilokazzjoni ta’ bus shelters € 5,428.00
Manutenzjoni ta’ bus stops € 16,408.00
Spejjeż relatati ma’ marketing u reklamar € 26,398.31
Spejjeż relatati ma’ infrastruttura fil-vened / interchanges € 25,750.00
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – konsulenti u persuni f’position of trust
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet tal-konsulenti u tal-persuni f’position of trust li tqabbdu mal-Ministru jew minn dipartiment u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid x’inhu s-salarju tagħhom u x’perkaċċi għandhom? Jista’ jgħid x’inhu t-terms of reference ta’ kull konsulent?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġibiet mgħotija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 14947, 15740 , 16183 u 17744.
Transport Malta – Assistant Enforcement Officers — impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati Assistant Enforcement Officers ma’ Transport Malta mit-8 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid mil-liema lokalità huma?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn it-8 ta’ Marzu 2013 u t-30 ta’ Settembru 2015 ġew impjegati 25 Assistant Enforcement Officers ma’ Transport Malta, mill-lokalitajiet ta’ Bormla, Fgura, Kalkara, Mosta, Pieta’, Qormi, Isla, San Pawl il-Baħar, Ta’ Xbiex, Valletta, Ħaż-Żabbar u Żebbuġ Malta.
Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – ingaġġ ta’ persuni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġdida ġiet impjegata mal-Ministeru tiegħu inkluż ma’ kwalunkwè entità, korporazzjoni, jew dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Lulju 2015, kemm jekk l-impjieg tagħha hu wieħed dirett, kemm jekk l-impjieg tagħha hu tramite l-kuntrattur, kemm jekk huwa on secondment, kif ukoll jekk fuq bażi ta’ self-employed?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tgħid x’tifhem eżatt bil-frażi “persuna ġdida”.
Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – konsulenti u persuni f’position of trust
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet tal-konsulenti u tal-persuni f’position of trust li tqabbdu mal-Ministru jew minn dipartiment u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid x’inhu s-salarju tagħhom u x’perkaċċi għandhom? Jista’ jgħid x’inhu t-terms of reference ta’ kull konsulent?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il persuna ġdida ġiet impjegata mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru inkluż ma’ kwalunkwè entità, korporazzjoni, jew dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Lulju 2015, kemm jekk l-impjieg tagħha hu wieħed dirett, kemm jekk l-impjieg tagħha hu tramite l-kuntrattur, kemm jekk huwa on secondment, kif ukoll jekk fuq bażi ta’ self-employed?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant tgħid x’tifhem ezattament bil-frażi ‘persuna ġdida’.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – konsulenti u persuni f’position of trust
Question
Jista’ l-Prim Ministru jelenka l-ismijiet tal-konsulenti u tal-persuni f’position of trust li ġew impjegati mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru jew ma’ dipartiment u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid x’inhu s-salarju tagħhom u x’perkaċċi għandhom? Jista’ jgħid x’inhu t-terms of reference ta’ kull konsulent?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari numri 1048, 2334, 4380, 4590 u 17739.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa sabiex is-Swieqi tiġi monitored aħjar mill-pulizija u dan in vista tal-vandaliżmu, illegalitajiet, parking bl-addoċċ u serq li qed isir fil-lokal?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Għassa tal-Pulizija tas-Swieqi tkun miftuħa u jkollha l-uffiċċjali erbgħa w għoxrin siegħa kulljum. Dawn qiegħdin hemm biex jikkontrollaw l-illeġalitajiet deskritti fil-mistoqsija, fost xogħol u doveri ohra. Għal aktar informazzjoni nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 19519.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-Għassa tal-Pulizija tas-Swieqi mhijiex qed tinfetaħ 24 siegħa kuljum? Jista’ jgħid meta se tibda tinfetaħ 24 siegħa kuljum? Jista’ tal-anqas jassigura li minnufih l-għassa tibda tinfetaħ 24 siegħa kuljum matul il-ġranet ta’ tmiem il-ġimgħa u ċjoè l-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi ghal mistoqsija parlamentari 19519.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pulizija hemm stazzjonat ġewwa l-Għassa tal-Pulizija tas-Swieqi? Jista’ jgħid x’inhu r-roster tagħhom, kemm-il siegħa hemm koperta f’ġimgħa u ċjoè mit-Tnejn sal-Ħadd, u f’liema ġranet u ħinijiet qegħda tinfetaħ l-għassa?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fl-Għassa tal-Pulizija tas-Swieqi hemm Surġent, u erba Pulizija kif ukoll Pulizija ta’riserva. Dawn jaħdmu bix-xiftijiet normali tal-għasses u cioe mit-tmienja ta’ fil-għaxija sal-ħamsa ta’ filghodu – mis-siegha ta’ wara nofs inhar sad-disa’ u nofs ta fil-għaxija u mil-ħamsa ta’ fil-għodu sas-siegħa u nofs ta’ wara nofs inhar. L-Għassa tiftah kuljum mit-tnejn sal-Ħadd. Normalment ikun hemm tlett uffiċċjali dejjem filgħodu u tnejn oħra jkunu xoghol wara nofs inhar u bil-lejl kuljum.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inċident tat-traffiku ġie reġistrat bejn Jannar 2013 u Diċembru 2013, bejn Jannar 2014 u Diċembru 2014, u Jannar 2015 u Settembru 2015? Kemm-il fatalità kien hemm fl-2013, 2014 u fl-2015 separatament u fejn seħħew dawn il-fatalitajiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-nformazzjoni relatata ma’ nċidenti tat-traffiku reġistrati mal-Pulizija, li ma jinkludux dawk magħrufa bħala bumper to bumper u lanqas dawk l-inċidenti semplici li jieħdu ħsiebhom il-Gwardjani Lokali, matul il-perjodu bejn Jannar u Diċembru tas-snin 2013 u 2014 u bejn Jannar u Settembru 2015, tinsab fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġdida ġiet impjegata ma’ Transport Malta mill-1 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Lulju 2015, kemm jekk l-impjieg tagħha hu direttament ma’ Transport Malta, kemm jekk l-impjieg tagħha hu tramite l-kuntrattur, kemm jekk huwa on secondment, kif ukoll jekk fuq bażi ta’ self-employed?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika xi trid tfisser bil-kliem “impjegati ġodda”, u dan sabiex tkun tista’ tingħata l-informazzjoni kompleta u korretta.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – ingaġġ ta’ persuni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġdida ġiet impjegata mal-Ministeru tiegħu inkluż ma’ kwalunkwè entità, korporazzjoni, jew dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Lulju 2015, kemm jekk l-impjieg tagħha hu wieħed dirett, kemm jekk l-impjieg tagħha hu tramite l-kuntrattur, kemm jekk huwa on secondment, kif ukoll jekk fuq bażi ta’ self-employed?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika xi trid tfisser bil-kliem “impjegati ġodda”, u dan sabiex tkun tista’ tingħata l-informazzjoni kompleta u korretta.