Legislature:
Category:
Reset
Active:

Swieqi – għassa tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jserraħ moħħ ir-residenti tas-Swieqi u jikkonferma jekk l-għassa tal-pulizija hiex qed tinfetaħ 24 siegħa kuljum?

Response (ABELA, CARMELO)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li tista tagħmel mistoqsija dwar l-għassa ġewwa s-Swieqi għax kien dan il-gvern li fetaħ din l-għassa b’kuntrast mall-amministrazzjoni Nazzjonalista li kellha biss wegħdiet.

Swieqi – għassa tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma u jgħid kemm-il pulizija hemm assenjati mal-Għassa tas-Swieqi u x’inhu r-roster tagħhom? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll jekk dawn il-pulizija humiex assenjati purament mal-għassa tas-Swieqi jew inkella humiex qed iservu lokalitajiet oħrajn?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsijiet parlamentari numru 19519 u 23488.

Malta Public Transport – konsum ta’ fuel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ikkunsmat fuel, il-Malta Public Transport matul l-aħħar 6 xhur tal-2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni tirrigwarda l-operat kummerċjali ta’ entita’ privata u għaldaqstant ma tistax tingħata. Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet riċenti tal-Onor. Interpellant fuq xiri ta’ fuel, ninfurmaha li bħal ma għamel l-operatur ta’ qabel, din l-kumpanija għandha dritt tinnegozja l-aqwa prezzijiet ma’ dawk li jfornuha bid-diżil. Għandha flotta ta’ 360 karozza tal-linja u topera 30 miljun kilometru fis-sena – dawn jagħmluha waħda mill-akbar konsumaturi tad-diżil u għalhekk, huwa normali li tixtri minn fejn jaqblilha l-aktar. Huwa tajjeb li wieħed jitlob l-informazzjoni u dan biex l-affarijiet isiru sewwa, però mhux sew li jitqanqlu kerti dubji li jkunu saru xi abbużi għas-sempliċi raġuni għax ikun hemm xi ħadd li ma hax il-kuntratt.

Tallinja card – skema pay €10 and get €10 for free

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq l-iskema introdotta fuq tallinja card ta “pay €10 and get €10 for free”?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22053, ninfurmaha wkoll li tali ammonti tħallsu minn fondi tal-Unjoni Ewropea bħala parti mill-proġett Modus. Dawn l-istess fondi ġew allokati għal dawn l-iskemi wara li ma ġewx utilizzati kollha fuq komponenti oħra tal-istess proġett. L-għan ta’ dawn l-iskemi kien sabiex jinċentivaw il-pubbliku jesperjenza l-benefiċċji ta’ mezzi alternattivi tat-trasport, f’dan il-każ it-trasport pubbliku, fl-isfond tal-proġett Modus li l-iskop ewlieni tiegħu hu li jippromwovi u jinkoraġġixxi modal shift f’dak li jirrigwarda trasport fuq l-art. Minkejja l-kampanja negattiva tal-Oppożizzjoni, l-għan prinċipali tal-card huwa biex jinħela anqas ħin sabiex jitgħabbew il-passiġġieri u għaldaqstant jonqos ukoll il-ħin tat-traġitt, b’riżultat ta’ inqas emmissjonijiet fl-arja li jwasslu għal anqas tniġġiż. Apparti minn hekk, hemm nollijiet inqas għal min juża l-card ikkumparat ma’ min jixtri biljett sabiex jivjaġġa. Permezz tal-istess card, jeżisti wkoll capping għal kategoriji differenti ta’ passiġġieri, li jfisser li min jivjaġġa l-aktar ma jonfoqx iktar minn ammont stabbilit. Nista’ ngħid li sal-lum hemm ‘l fuq minn 223,000 li huma abbonati f’ din l-iskema, kif ukoll hemm ‘l fuq minn 160,000 li jużaw il-tallinja card.

Trasport Pubbliku – customer care

Question

Peress illi wasluli diversi ilmenti minn persuni illi ppruvaw jagħmlu kuntatt mal-customer care fuq in-numru 21222000 wara d-9pm u ma qabdux, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu illi l-customer care contact number illi fuqu jċemplu n-nies meta jkollhom bżonn għajnuna u informazzjoni dwar it-trasport pubbliku m’għadux mit-Tnejn sal-Ħadd mis-7am sal-11pm, iżda issa sar mit-Tnejn sal-Ħadd mis-7am sas-7pm ? Jekk iva, minn meta ddaħlet fis-seħħ din id-deċiżjoni u għaliex ġie deċiż illi jitnaqqas dan is-servizz ta’ customer care? U jista’ jgħid x’għandhom jagħmlu n-nies meta jkollhom bżonn jagħmlu kuntatt bejn id-9pm u l-11pm?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Call Centre tal-operatur tat-trasport pubbliku ma’ kienx jopera sal-11:00 iżda sad-09:00 ta’ filgħaxija. Kontrattwalment, l-operatur tat-trasport pubbliku huwa obbligat li jopera l-Call Centre bejn is-07.00 ta’ filghodu u is-07.00 ta’ filgħaxija. Mill-1 ta’ Frar 2016 dan il-Call Centre beda jopera propju hekk kif jitlob l-istess kuntratt. L-operatur tat-trasport pubbliku ħa din id-deċiżjoni minħabba li d-domanda għal dan is-servizz wara is-07.00 ta’ filgħaxija kienet baxxa ħafna. Infurmat ukoll li l-uffiċċju tal-operatur ġewwa l-ajruport jibqa’ miftuħ sal-10:30 ta’ filgħaxija kuljum.

Tallinja card – durability tal-card

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’tip ta’ durability għandha tallinja card, jiġifieri kemm hi b’saħħitha in kwantu illi diffiċli titgħaffeġ jew tinqasam? Jista’ jispjega għal-liema tip ta’ elementi trid tiġi esposta biex ma tibqax funzjonabbli?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni ipprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, it-tallinja cards huma magħmulin mill-istess materjal li bihom huma magħmulin l-credit cards. Għaldaqstant, dawn għandhom l-istess durabilita’ u karatteristiċi fir-rigward ta’nuqqas ta’ funzjonabbilita li għandhom il-credit cards.

Replacement ta’ tallinja card

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma illi biex wieħed jitlob replacement għal tallinja card, ma jistax jagħmel dan la online, la permezz ta’ email u lanqas permezz tat-telefon, imma jrid imur fiżikament fl-uffiċini tal-Public Transport (Valletta, Airport, Mater Dei, Buġibba, Rabat Għawdex)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex wieħed jitlob għal replacement għal tallinja card, wieħed irid imur f'wieħed mill-uffiċini tal-operatur tat-trasport pubbliku li jinstabu ġewwa l-Belt Valletta, l-Isptar Mater Dei, l-Ajruport, Buġibba, tas-Sliema, kif ukoll ir-Rabat Għawdex.

Replacement ta’ tallinja card

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma illi biex tinħareġ replacement card għall-tallinja card l-oriġinali, hemm miżata ta’ 5 euro għal kull card?

Response (MIZZI, JOE)

Nikkonferma li sabiex tinħareġ replacement card, wieħed irid iħallas €5.00.

National Household Travel Surveys

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar tliet National Household Travel Surveys illi għandha Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-National Household Travel Survey (NHTS) isir bejn wieħed u ieħor kull għaxar snin. L-ewwel żewġ surveys li ttieħdu fis-snin 1989 u 1998 saru mill-MEPA u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi wkoll din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. It-tielet National Household Travel Survey sar minn Transport Malta fis-sena 2010, u ġie kkummissjonat lill-kumpanija PWC għall-valur totali ta’ €239,540. Rapport li jinkludi detttalji tal-istatistika li ħarġet minn dan is-survey qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il direct order ħareġ il-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet kollha illi jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Marzu 2013 sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jagħti l-ammont totali ta’ kull direct order u lil min ingħataw?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-Onor. Interpellant għandha tkun infurmata li d-direct orders ingħataw skont ir-regolamenti ta’ procurement tal-Gvern bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.

Proġett tal-Coast Road – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders kollha illi ngħataw fuq il-proġett tal-Coast Road? Jista’ jagħti l-ammont totali ta’ kull direct order illi ngħatat u lil min ingħatat?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 23473, liema informazzjoni hija nkluża bħala parti minn din ir-risposta.

Proġett tal-Coast Road — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefaq f’reklamar għall-proġett tal-Coast Road, u x’tip ta’ reklamar sar? Jista’ jelenka separatament l-ispiża (i) f’reklami illi dehru fuq gazzetti lokali, (ii) f’reklami fuq online portals, u (iii) f’videos?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont li ntnefaq f’reklamar għall-proġett tal-Coast Road huwa hekk kif ġej: Reklami f’Gazzetti - €5,089.68 + Vat Reklami fuq Radju - €3,864 + Vat Video - €750 + Vat Ta’ min wieħed jinnota li r-reklamar li sar fuq gazzetti u fuq ir-radju ma kienx jinvolvu promozzjoni tal-proġett nnifsu iżda avviżi lill-pubbliku rigward road closures u devjazzjonijiet relatati mal-proġett.

Tfittix taż-żejt – konsulenti jew persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti jew persons of trust illi taw is-servizz tagħhom lill-Ministeru fir-rigward tat-tfittix taż-żejt, bejn l-1 ta’ Marzu 2013 sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid meta jiskadi t-term ta’ konsulenza ta’ kull wieħed minnhom? Jista’ jgħid x’inhi r-remunerazzjoni (salarju u perkaċċi) tagħhom u kemm tħallsu sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22633, inżid li l-kumpanija UK Hydrographic Office ingħatat xogħol ta’ konsulenza fit-3 ta’ Marzu 2013 għal valur ta’ €42,764.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – Transport Malta – konsulenti jew persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti jew persons of trust illi taw is-servizz tagħhom lill-Ministeru fir-rigward ta’ kwalunkwe materja illi taqa’ taħt Transport Malta, bejn l-1 ta’ Marzu 2013 sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ l-Ministru jgħid meta jiskadi t-term ta’ konsulenza ta’ kull wieħed minnhom? Jista’ jgħid x’inhi r-remunerazzjoni (salarju u perkaċċi) tagħhom u kemm tħallsu sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tkun iktar speċifika fil-mistoqsija tagħha.

Ħal Lija – Triq Pantar – dewmien fix-xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jara u jgħid x'qiegħed jikkawża d-dewmien esaġerat biex jitlesta x-xogħol li qed isir fuq Triq Pantar f’Ħal Lija,u dan peress li issa x-xogħol fuq din it-triq ilu li nbeda iktar minn erba’ xhur ilu? Jista’ jara li tiġi indirizzata din il-problema minnufih? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu sabiex din il-problema tiġi riżolta immedjatament u mingħajr iktar dewmien li qed ikun ta' detriment u inkonvenjent bla bżonn, kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jgħaddu minn hemm?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Lija – Triq Pantar – dewmien fix-xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jara u jgħid x'qiegħed jikkawża d-dewmien esaġerat biex jitlesta x-xogħol li qed isir fuq Triq Pantar f’Ħal Lija,u dan peress li issa x-xogħol fuq din it-triq ilu li nbeda iktar minn erba’ xhur ilu? Jista’ jara li tiġi indirizzata din il-problema minnufih? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu sabiex din il-problema tiġi riżolta immedjatament u mingħajr iktar dewmien li qed ikun ta' detriment u inkonvenjent bla bżonn, kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jgħaddu minn hemm?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illi kif jiġu nstallati s-servizzi kollha neċessarji, jkun jista’ jingħata t-tarmac skont il-kundizzjonijiet maħruġa minn Transport Malta.

Valletta Summit u ċ-CHOGM li ltaqgħu Malta – xogħlijiet infrastrutturali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22262, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi (l-isem tagħhom) li għamlu x-xogħlijiet infrastrutturali (inkluż xogħlijiet fuq toroq) li saru b’rabta mal-Valletta Summit u maċ-CHOGM u jgħid ukoll in-nefqa tal-istess xogħlijiet b’mod individwali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ingħad fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22262, ix-xogħlijiet saru kollha taħt il-proviżjonijiet u mill-kuntratturi li jiffurmaw parti mill-Framework Agreement 2014.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u Transport Malta — kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tad-diversi konsulenti li għandu miegħu preżentament (jiġifieri sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari) fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u f’Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratti mitluba jinkludu dettalji personali kif ukoll informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Fid-dawl ta’ dan, bħal ma kienet il-prassi f’amministrazzjonijiet preċedenti, ma nħossx li jkun prudenti li tingħata l-informazzjoni mitluba. Fl-istess ħin nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li fis-Seduta Parlamentari numru 20 tal-20 ta’ Mejju 2013, kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-linji gwida dwar konsulenti fl-Strategic and Priorities Unit.

Transport Malta — Billboards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għamlitx jew jekk hux qed tagħmel eżerċizzju biex tassigura li l-billboards li jinsabu fit-toroq arterjali u distributorji humiex konformi mal-Placing of Billboards and Advertising on the Road Regulations, b’referenza partikolari għall-Iskeda bl-isem Guidelines for the Safe Placing of Billboards, peress li jidher li hawn numru ta’ billboards fost il-ħafna li pproliferaw fl-aħħar sentejn u nofs li mhumiex konformi ma’ dawn il-linji gwida?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, Transport Malta, flimkien mal-MEPA, qed iħejju tibdil fir-regolamenti kif ukoll tibdil fil-liġi li tirrigwarda t-tqegħid ta’ billboards, sabiex kull abbuż li jista’ jkun hemm jitnaqqas u finalment jiġi eradikat. F’każi fejn Transport Malta tara li hemm periklu kkawżat minn billboards dawn jiġu mneħħija b’mod immedjat. Transport Malta, flimkien mal-MEPA, kienu wkoll ħarġu avviż sabiex individwi jew kumpaniji li poġġew billboards mingħajr permess tal-awtoritajiet jirregolarizzaw is-sitwazzjoni jew ineħħuhom sa żmien stabbilit.

Stallazzjonijiet ta’ Advertising Boards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-diversi stallazzjonijiet ta’ advertising boards li qed jiġu stallati f’diversi bankini,junctions u traffic islands madwar Malta u Għawdex għandhomx il-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet jew dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 23145, ninfurmaha wkoll li Transport Malta toħroġ biss no objection u mhux l-approvazzjoni għal dawn l-istrutturi.