B'riferenza għall-sejħa għall-vakanzi ta' kok mad-diviżjoni tas-saħħa li ħarġet xhur ilu jista' l-Ministru jgħid jekk sarux l-interviews u jekk dan il-post inteliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor.Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid hux possibbli l-amministrazzjoni ta' l-Airmalta tinvestiga għaliex il-passiġġieri li jkunu għadhom kif waslu Malta fl-ajruport ta' Ħal Luqa qed jiġu ippressati qishom sardin fil-coach li toħodhom sat-terminal?
Billi din il-ħaġa qed issir ta' spiss bil-konsegwenza li qed ikun hemm ilmenti minn diversi passiġġieri fosthom turisti li jkunu fil-coach, ma jaħsibx li dawn l-istess turisti qed jieħdu impressjoni ħażina kemm ta' pajjiżna kif ukoll tal-kampannija?
Kemm suppost jitilgħu passiġieri ġo kull coach?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li mhux il-prattika li passiġġieri li jaslu Malta jiġu ppressati fil-coaches. Madanakollu jista' jagħti l-każ li meta jkun fadal għadd żgħir ta' passiġġieri, dawn jitħallew jitilgħu l-coach għall-vjaġġ qasir sat-terminal biex ma jitħallewx jistennew.
Jista' l-Ministru jgħid hux possibli l-awtoritajiet kompetenti fl-ajruport ta' Ħal Luqa jieħdu ħsieb li jinbiddlu jew jiġu miżbugħa t-trolleys li hemm għaliex ħafna minnhom huma maħmuġa u imsadda w iwaqqgħu l-livell ta' l-ajruport?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb li t-trolleys tal-passiġġieri użati fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta jinbidlu gradwalment. Fil-fatt diġa' saru kuntatti ma' kumpanija li timmanifattura dawn it-trolleys bil-ħsieb li tiġi stmata l-ispiża meħtieġa u jibda l-proċess ta' tibdil tat-trolleys fil-futur mhux il-bogħod. Madanakollu ta' min jinnota li t-trolleys eżistenti ssirilhom manutenzjoni regolari.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li ġew irranġati f'din l-aħħar sena, li qed jiġu rranġati jew li se jiġu rranġati fil-futur qarib f'Wied il-Għajn mill-gvern?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-toroq li ġew irranġati f'din l-aħħar sena f'Wied il-Għajn huma parti minn Triq il-Qrempuċ, Triq l-Iskall, Triq l-Ikħal, parti minn Triq iż-Żinżell u Triq Għaxqet il-Għajn.
It-Toroq li qed jiġu rranġati bħalissa huma Triq Gidwet, Triq Maħsel, parti minn Triq Miklem Malti, Triq Sliem u Triq Ħabaq.
Jien infurmat ukoll li ħarġu tenders biex jibda xogħol fuq Triq Mriekeb, Triq Wistin Borne u Triq Qawwala. Qed isiru stimi biex ikunu jistgħu jsiru Triq Aħdar, Triq Hurds Bank, Triq Artelliri u parti minn Triq Ta' Monita.
Jista' l-Ministru ġentilment jinvestiga ilment li wasal għandi li traffic hump (sleeping policeman) li sar fil-parti t'isfel ta' Triq Kananea, Attard sar kontra l-ispeċifikazzjonijiet tat-traffic control board u mingħajr il-permess ta' l-istess board.
Jekk dan jirriżulta, jista' l-kunsill jintalab ineħħi jew jirranġa din il-hump?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-traffic hump li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ma sarx bl-approvazzjoni tad-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku.
Nista' nikkonferma wkoll li dan il-hump mhux skond l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa, għaldaqstant id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku talab lill-Kunsill Lokali ta' H'Attard biex dan il-hump jitneħħa.
Jista' l-Ministru jinvestiga dak li ġie rrapportat fl-istampa lokali, jiġifieri li l-kunsillier tal-Fgura, is-Sur Mark Lombardo, ġie maħruġ minn laqgħa tal-kunsill lokali mill-pulizija wara ordni tas-sindku?
Minn meta 'l hawn il-pulizija għandhom is-setgħa li joħorġu bil-forza minn laqgħa tal-kunsill, kunsillier elett demokratikament?
X'investigazzjonijiet saru jew qed isiru fuq dan l-inċident serju?
X'investigazzjonijiet saru jew qed isiru mill-pulizija? Minn min qed jitmexxew?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nhar it-Tlieta filgħaxija, il-Pulizija tad-Distrett ta` Raħal Ġdid kellhom talba għal assistenza mingħand is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Fgura sabiex tkun tista` titkompla laqgħa tal-Kunsill. Dan peress illi skond is-Sindku kien hemm Kunsillier li kien irrifjuta li jobdi mozzjoni li huwa joħroġ il-barra mill-laqgħa. Fuq ordni tas-Supretendent tad-Distrett, il-Pulizija aċċediet fil-bini tal-Kunsill, fejn tat l-assistenza mitluba mis-Sindku sabiex dan il-Kunsillier jinħareġ mill-post. In vista ta` l-allegazzjonijiet li saru dwar dan l-inċident, il-Kummissarju tal-Pulizija ordna li ssir investigazzjoni meħtieġa dwar l-operat tal-Pulizija f`dan il-każ, inkluż jekk skond il-liġi l-Pulizija kellhiex dover li tintervjeni f`dan il-każ. Din kienet l-ewwel darba li saret talba ta` din ix-xorta, u skond ma jirriżulta minn din l-investigazzjoni jinħarġu direttivi għal futur.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu l-applikazzjonijiet li saru minn bdiewa fl-iskema biex tingħata qbiela fuq art agrikola tal-gvern?
Bdew jiġu proċessati u f'hiex wasal il-proċess?
Response (BORG, TONIO)
L-iskema tal-Qbiela bħalissa qiegħda fl-istadju tal-public screening. Fil-fatt sa` l-aħħar ta` Mejju ikun lest il-proċess ta` public screening għal Malta kollha. It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ħadet ħsieb biex id-dettalji tal-applikanti ta` fejn sar il-public screening iddaħħlu kollha f`sistema kkomputerizzata li ġiet mibnija għal dan il-għan. Kif jitlesta il-proċess ta` public screening ikun jista` jinbeda il-proċess biex isiru il-kuntratti relattivi fejn dan ikun il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-complement ta' l-ispiżjara impjegati mad-diviżjoni tas-saħħa?
Fid-dawl ta' l-isptar il-ġdid hemm il-ħsieb li l-gvern jimpjega aktar spiżjara miegħu fil-futur qrib?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-complement ta' spiżjara impjegati mid-Diviżjoni tas-Saħħa huwa 87.
L-eżerċizzju dwar in-numru ta' spiżjara li jkun hemm bżonn għall-iSptar il-ġdid qed jiġi finalizzat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-compliment ta' tapizzara li d-Divizjoni tas-Saħħa timpjega? Hemm il-ħsieb li jiġu impjegati tapizzara fil-futur qarib?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-compliment ta' ħaddiema fid-Diviżjoni tas-Saħħa fuq xogħol ta' tapizzerija huwa ta' tnejn (2). Dawn il-ħaddiema huma fil-grad ta' Senior Tradesman.
M'hemmx il-ħsieb li jiġu mpjegati ħaddiema oħra f'din is-sengħa fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-applikazzjonijiet li saru minn numru ta' familji maltin biex madwar tmint itfal russi li diġa inġabru għall btala f'Malta jiġu addottati?
Billi dawn it-tfal se jerġgħu jinġiebu għall btala f'Malta f'Mejju li ġej, meta hu maħsub li jiġi konkluż il-ftehim mal-awtroitajiet russi biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jiġu addottati minn familji maltin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Familja ma kienx involut fil-proċess biex tfal Russi li nġiebu Malta għall-btala jiġu adottati. Li nista ngħid hu li m'għandux ikun li jinġiebu tfal għal btala biex jiġu adottati, jkunu ġejjin minn liema pajjiż ikun. L-adozzjoni ta' tfal hi ħaġa serjissima u ma naħsibix li għandha ssir a bażi tal-ftit ġranet li tifel jew tifla jkunu Malta fuq btala.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali għamel kuntatti preliminari mal-Gvern Russu bil-ħsieb li adozzjonijiet ta' tfal minn dak il-pajjiż ikunu regolati minn ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi u dan għall-ġid kemm tat-tfal infushom kif ukoll għall-ġenituri adottivi. Għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid meta ser jiġi konkluż dan il-ftehim.
Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-ċertifikat ta' yachtmaster (offshore) certificate min-nautical school jkoprix il-liċenzja li ssuq lanċa tas-sajd ta' 26 metru skond il-liġijiet ta' pajjiżna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-Regolamenti ta' l-2001 dwar bastimenti zgħar jispeċifikaw li ħadd m'għandu jsuq kull tip ta' biċċa tal-baħar li titħaddem b'mutur b'qawwa ta' iżjed minn 100HP kemm il-darba ma jkollux liċenzja tal-baħar maħruġa mill-Awtorita' Marittima ta' Malta.
Iċ-ċertifikat ta' Yachtmaster Offshore flimkien ma' ċertifikati oħra ta' Fire-Fighting u First Aid kif ukoll tipi oħra ta' kwalifiki maħruġa mill-Istitut Marittimu ta' l-MCAST jistgħu jwasslu għall-ħruġ ta' liċenzja tal-baħar kif stipulat fir-Regolamenti ta' l-2001.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx importati route buses miċ-Ċina tul ix-xahar ta' Marzu, April 2002 li m'humiex super low floor?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Trasport Pubbliku qatt ma pprova jew awtoriżża l-importazzjoni ta' xarabanks li m'humiex super low floor jew low floor matul ix-xhur ta' Marzu u April ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' applikazzjonijiet pendenti għall-ispiżeriji ġodda fiż-Żejtun?
Meta saret kull applikazzjoni u f'isem min saret?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' applikazzjonijiet pendenti għal spiżjeriji ġodda fiż-Żejtun.
Dawn l-applikazzjonijiet (sebgħa s'issa) saru f'dati kif indikati fl-istess lista. Dettalji oħra mitluba ma jistgħux jingħataw minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom.
Jista' l-Ministru jispjega jekk il-ħaddiema tal-Maltacom li jispiċċaw biż-żmien humiex intitolati li jieħdu somma jew le meta jispiċċaw?
Hemm ħaddiema tal-gvern li huma seconded mal-Maltacom li huma intitolati li jieħdu somma w oħrajn li m'humiex li ma jieħdux?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-ħaddiema tal-Maltacom li ġew ingaġġati wara li twaqqfet il-Korporazzjoni Telamalta, illum Maltacom plc, jiġifieri wara Ġunju 1975, m'humiex intitolati għal somma meta jirtiraw bl-eta' tal-pensjoni.
Fil-kumpanija Maltacom għad baqa numru ta' ħaddiema detailed, trasferiti jew sekondati mill-Gvern u li huma ntitolati li jieħdu somma (commuted pension) meta jirtiraw bil-pensjoni.
Jista' l-Ministru jgħid possibli jsiru xi traffic lights fil-By pass ta' Wied il-Għajn eżattament fejn din il-By pass taqsam Triq San Ġużepp, Żabbar għax minn din il-parti jaqsmu ħafna niex, fosthom tfal għall-iskola u jista' faċilment jiġu xi inċident?
Billi f'mistoqsijiet parlamentari preċedenti intqal li se jittieħdu passi biex dan il-periklu jiġi indirizzat, possibli jittieħdu passi fl-aqsar żmien possibli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li diġa twaħħlet traffic lights fil-lokalita' u ftit aktar 'il fuq minnha hemm ukoll zebra crossing, għalhekk mhux possibbli li jsiru aktar postijiet fejn jaqsmu n-nies f'din il-parti tat-triq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies l-MIA f'dawn l-aħħar sitt xhur? Liema grad daħlu u kemm applikaw għall kull vacancy kemm ġew impjegati?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perjodu bejn it-18 ta' Awissu 2001 u t-18 ta' Frar 2002, ġew impjegati seba' Airport Attendants mal-kumpanija Malta International Airport minn fost mitejn u ħames applikanti li kienu ġew riferuti mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Awtorita' għat-Trasport mhux qed tħalli s-sidien ta' karozzi tal-linja jbiddlu l-ħġieġ u jagħmluh ftit tinted li hu aktar komdu anki għall-passiġieri minħabba x-xemx? Kif tispjega l-Awtorita' tat-Trasport li għad hemm wħud bil-ħġieġ tinted waqt li oħrajn ġew sfurżati jbiddluh?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' ġagħlet lil dawk is-sidien li kellhom adhesive dark paper titneħħa minn mal-ħġieġ, waqt li dawk li tħallew bil-ħġieġ light tinted, kien għar-raġuni sempliċi li dan huwa l-istess ħġieġ maħruġ mill-fabbrika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq il-Kavallieri, M'Scala huex inkluża mal-lista ta' toroq li se jsiru issa f'Wied il-Għajn? Jekk iva, ħarġet it-tender u ġiet aġġudikata?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 25635.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 31285?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-toroq li ntalbu prijorita' mill-Kinsill Lokali ta' Wied il-Għajn huma kif ġej:
Triq Għaxqet il-Għajn Triq il-Batterija taż-Żonqor
Triq il-Munxar Triq il-Miklem Malti
Triq il-Maħsel P/O Triq Qrempuċ
Triq l-Imriekeb Triq l-Iskall
Triq is-Sliem Triq l-Ikħal
Triq ta' Gidwet Triq Żinżell u P/O Sant Antnin
Triq is-Sibbien
Possibli li r-Roads Department jinvestiga ilment li wasal għandi minn residenti ta' Triq Lia, Żabbar li meta sentejn ilu sar xogħol ta' tarmac f'din it-triq intużaw katusi ta' 8" bħala rain water culvert bil-konsegwenza li illum diversi djar qed jispiċċaw flooded kif jagħmel ftit ilma għax dan il-culvert mhux qed ilaħħaq ma' l-ilma? Meta wieħed iqis kemm damu jistennew ir-residenti biex fl-aħħar sar dan il-culvert, possibli jittieħdu passi biex il-kuntrattur jirrimedja s-sitwazzjoni għax jiena infurmat li waqt li kienet issir din il-katusa tat 8" kienet inġibdet l-attenzjoni li din hi żgħira biex tlaħħaq ma' l-ammont ta' l-ilma tax-xita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jinvestiga l-ilment.