Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment li sar f'San Vincenz de Paule f'bini ġdid u rranġar ta' swali? Jista' jgħid x'titjib sar fir-residenza?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-immodernizzar tas-Swali f'San Vinċenz huwa mpenn kontinwu li ilu għaddej fuq medda ta' snin. Jekk l-Onor Interpellant jogħġbu, jagħti ndikazzjoni ta' xi perjodu partikulari, tkun tista' tiġi stabbilita n-nefqa rispettiva.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani u persuni b'diżabilita' li qed jibbenefikaw min servizzi li jingħataw fid-djar bħal meal on wheels, telecare, handyman u home help?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid minn Jannar tas-sena 2002, xahar b'xahar l-Air Malta kemm kellha coaches li jġorru l-passiġieri bil-ħsara? Kemm inkrew jew sar użu minn coaches privati fl-istess perjodu? X'kienet l-ispiża?
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il enforcement notice ħarġet mill-awtorita' ta' l-ippjanar tul l-2002 xahar b'xahar, lokalita' b'lokalita' f'Malta u Għawdex? Kemm sar twaqqiegħ jew żarmar ta' strutturi jew bini fl-istess perjodu xahar b'xahar, lokalita' b'lokalita'? Kemm kien hemm każi fejn it-twaqqiegħ sar mis-sid innifsu u f'liema lokalitajiet sar dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li jżuru għaddasa Malta u Għawdex kull sena? Tinżamm statistika ta' liema postijiet (f'Malta u Għawdex) huma l-aktar popolari jew frekwentati għal dan l-isports?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu li ma tinżammx statistika dwar kemm jiġu għaddasa u l-lokalitajiet li jiffrekwentaw.
Minn stħarriġ tal-MTA joħorġu r-riżultati li qed inpoġġi separatament fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-pulizija tiftaħ għassa tal-pulizija f'Wied il-Għajn? Jekk iva fejn hemm il-ħsieb li tinfetaħ din l-għassa biex ikun asigurat li din tkun fiċ-ċentru u aċċessibbli? Il-korp tal-pulizija għandu proprjeta' f'Wied il-Għajn fejn jista' jiftaħ din l-għassa jew għad irid jixtri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi qed ikun mistħarreġ il-ħsieb illi l-Għassa tal-Pulizija f`Wied il-Għajn tkun traslokata għal post ieħor.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33499 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Intern u l-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu: B'riferenza għall-vakanzi ta' assistant technical officer (discharge permit unit) mad-dipartiment tad-drenaġġ tat-taqsima ta' xogħlijiet jista' l-Ministru jgħid sarux l-interviews?
Jekk iva, meta saru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-interviews biex jimtlew vakanzi ta' Assistant Technical Officer (Discharge Permits Unit) mad-Dipartiment tad-Drenaġġ fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet għadhom ma sarux.
B'riferenza għall-sejħa għall-vakanzi ta' kok mad-diviżjoni tas-saħħa li ħarġet xhur ilu jista' l-Ministru jgħid jekk sarux l-interviews u jekk dan il-post inteliex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li intervisti ta' l-applikanti għall-mili ta' vakanzi ta' kok fid-Diviżjoni tas-Saħħa ser isiru fi ftit jiem oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew approvati proġetti ġodda u estensjonijiet kull sena mill-1999 'l hawn mill-MDC? Liema kienu? Kemm kien l-investimenti u l-ammont ta' impjiegi li mistenni joħloq?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew approvati estensjonijiet, tibdil u bini ta' lukandi ġodda mill-1999 'l hawn? Liema kienu dawn il-lukandi u f'liema xahar u sena ġew approvati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Jannar 1999 l`hawn, ġew approvati 60 applikazzjoni għal xi tip ta` żvilupp turistiku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
B'riferenza għall-vakanzi ta' assistant technical officer (discharge permit unit) mad-dipartiment tad-drenaġġ tat-taqsima ta' xogħlijiet jista' l-Ministru jgħid sarux l-interviews?
Jekk iva, meta saru?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mir-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Jista' l-Ministru jgħid possibli jittieħdu passi biex terġa issir l-extension tat-telefon mill-isptar San Luqa għall-isptar Monte Karmeli billi din l-extension tenħħiet ftit ilu u ma reġgħetx saret?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-extension qatt ma tneħħiet.
Infurmat li arranġamenti diġa' saru mall-Maltacom biex il-ħsarat jiġu rranġati iżda ftit taż-żmien irid jgħaddi peress li jridu jinġiebu xi "spare parts" minn barra.
Jista' l-Ministru jgħid possibli tiġi iċċekjata l-extension tat-telefon bejn l-isptar San Luqa ma' l-isptar Boffa għax din qed tkun bil-ħsara ta' spiss?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li arranġamenti diġa' saru mall-Maltacom biex il-ħsarat jiġu rranġati iżda ftit taż-żmien irid jgħaddi peress li jridu jinġiebu xi "spare parts" minn barra.
B'riferenza għar-rapport tas-Senat Awstraljan li jittratta dwar tfal Maltin u Ingliżi li kienu intbagħtu l-Awstralja wara l-Gwerra bejn 1947 u 1967 u li issa rriżulta li wħud minnhom ġew mitfugħa f'orfanatrofiċi u abbużati sesswalment, fiżikament u psikoloġikament, jista' l-Viċi Prim Minstru jgħid jekk il-gvern hux qed isegwi dak li ħareġ minn dan ir-rapport?
Saru xi kuntatti mal-Gvern Awstraljan dwar dan il-każ?
Billi l-Gvern Awstraljan se joħroġ madwar Lm900,000 fi flus biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom, saru jew qed isiru jew se jsiru xi kuntatti biex Maltin fl-Awstralja li kienu abbużati u li se jibbenefikaw minn dawn il-flus jiġu mgħejjuna jiġu Malta u jidentifikaw il-familjari tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern qed isegwi l-iżvilupp dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Jekk dawk li jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Gvern Awstraljan ikunu jeħtieġu assistenza biex jittraċċaw il-familjari tagħhom f'Malta, d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja jkun lest li joffri din l-assistenza meta jkun mitlub.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid meta bejn wieħed u ieħor se toħroġ sejħa għal SRNs speċjalment in vista ta' persuni li minn ENs għamlu l-conversion course biex jilħqu staff nurses?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s-sejħa għal applikazzjonijiet għall-postijiet ta' Staff Nurse fid-Diviżjoni tas-Saħħa għandha tiġi ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern fil-jiem li ġejjin.
B'riferenza għar-rapport fl-istampa lokali li qed jiġu investigati sabutaġġi fil-PBS, jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu dawn is-sabutaġġi?
X'irriżulta s'issa mill-investigazzjonijiet?
Minn min qed jitmexxew l-investigazzjonijiet?
Liema programmi ġew milquta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Programm Xarabank dwar Paceville li kellu jixxandar fuq TVM nhar il-Ġimgħa 10 ta' Mejju 2002 instab li ma setax jiġi mxandar minħabba li parti sostanzjali minnu kienet imħassra.
Wara li għamlet l-istħarriġ tagħha l-PBS irreferiet il-każ għand il-pulizija biex tinvestiga.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-traffic control board approvax li Triq l-Irmiġġ, Wied il-Għajn issir one way?
Jekk iva, meta saret it-talba u minn min saret?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li kienet saret talba mill-Kunsill Lokali ta' Marsaskala fl-24 ta' Ottubru 2001 biex Triq l-Irmiġġ issir one way. Id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku għamel survey neċessarju u approva din it-talba fil-5 ta' Diċembru 2001.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 33255, jista' l-Ministru jinnota li minkejja l-informazzjoni li ngħatat xorta jibqa' l-fatt li hemm numru mhux żgħir ta' trolleys li huma fi sstat ħażin u dan iwaqqa' l-livell ta' l-ajruport?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-trolleys ta' l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta ssirilhom manutenzjoni regolari. Huwa minnu li hemm numru żgħir ta' trolleys li mhumiex ta' livell li jixraq lil Ajroport, fil-fatt il-kumpanija għandha programm ta' xiri ta' trolleys ġodda biex jissostitwixxu lil dawn it-trolleys.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 33254, jista' l-Ministru jinvestiga l-informazzjoni li ngħatat għaliex il-passiġġieri li jkunu għadhom kif waslu Malta ta' spiss u b'mod regolari qed jiġu ppressati fil-coaches u mhux kif kien informat il-Ministru "li dan isir biss meta jkun fadal għadd żgħir ta' passiġġieri"?
Jista' l-Ministru jwieġeb kemm suppost jittellgħu passiġġieri ġo kull coach?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Air Malta għandha coaches li jesgħu ammonti differenti ta' passiġġieri. Id-daqsijiet ivarjaw bejn l-iżgħar li tesa' 62 passiġġier u l-akbar li tesa' 131 passiġġier. Jiena nfurmat li l-ammont ta' passiġġieri li jitilgħu fuq kull coach ivarja skond id-daqs tal-vettura. Għal kull titjira li tasal Malta jintbagħat numru ta' coaches skond id-daqs ta' l-ajruplan li jkun. L-ispazju fuq kull coach jiddependi mill-mod kif jiskjeraw ruħhom il-passiġġieri bil-wieqfa, li huma l-maġġoranza, għall-vjaġġ qasir sat-terminal.
Jista' l-Ministru permezz ta' l-Enemalta jispjega għaliex Triq is-Santwarju, Zabbar għadha ma tistax tinxtegħel kollha minħabba xogħol pendenti li jrid isir mill-Enemalta? Billi din it-triq għadha s'issa ma tistax tinxtegħel kollha, possibbli dan ix-xogħol isir fi żmien qasir?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u jekk ikun il-każ jittieħdu l-passi meħtieġa.