Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx statistika ta' kemm għandna biology teachers fil-livell sekondarju fl-iskejjel ta' l-istat, tal-knisja u tal-privat?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li din il-Mistoqsija waslet f'dan il-Ministeru l-bieraħ, 8 ta' Lulju 2002, it-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol ta' kostruzzjoni (tender no 211/2000) li sar fil-control room tal-Mgħatab f'Ottubru li għadda baqa' ma' tħallasx? Billi dan ix-xogħol tlesta f'Ottubru tas-sena l-oħra, jista' jgħid għaliex dam daqshekk biex jitħallas il-kuntrattur li d-dettalji tiegħu qed jingħataw under separate cover?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-'Final Account' tax-xogħol imsemmi tlesta. Id-dewmien kien dovut għal-fatt li l-Perit li kien inkarigat minn dan ix-xogħol ingħata kariga f'Ministeru ieħor u allura kien jeħtieġ li jiġi kkonsultat biex jiġi kkonfermat il-kontenut u l-kwalita tax-xogħol li sar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna fi grad ta' supervisor (mad-diviżjoni ta' l-ambjent) li ġie boarded out minħabba mard għal perjodu ta' tliet snin jistax jerġa' jidħol lura għax-xogħol ladarba jiġi ċertifikat li hu tajjeb biex jerġa' jibda' jaħdem?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
MISTOQSIJA NUMRU 34546
Ninsab infurmat illi mpjegat pubbliku li jiġi rtirat minn bord mediku jista’ jerġa’ jidħol lura għax-xogħol ladarba jiġi ċċertifikat li hu tajjeb biex jerġa’ jibda jaħdem, bil-kundizzjoni li:
1. jipproduċi ċertifikat minn speċjalista mediku, li jgħid li fieq mill-kundizzjoni li kien ibati minnha u li għalhekk hu tajjeb għax-xogħol;
2. il-Kap tad-Dipartiment fejn kien jaħdem l-impjegat irid jiċċertifika li għandu bżonn is-servizzi ta’ dan l-impjegat u jirrikmanda li jerġa’ jidħol lura għax-xogħol;
3. l-impjegat irid ikun għadu taħt il-ħamsin sena;
4. l-impjegat jiġi eżaminat mill-bord mediku tal-Gvern u jkun iċċertifikat li hu tajjeb għax-xogħol;
5. fil-każ li jkun ibbenefika minn xi pensjoni, irid jintrabat li jħallas sitta fil-mija (6%) fis-sena fuq is-somma li jkun ħa, jekk ikun ħa pensjoni u somma.
6. impjegati li jidħlu lura fis-servizz jitpoġġew fl-aħħar tal-lista ta’ l-anzjanita’ fil-grad tagħhom; u
7. l-impjegat jidħol lura għax-xogħol biss fuq ir-rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna ta’ nazzjonalita’ Tuneżina li isimha qed nagħti under separate cover għandiex visa biex tibqa’ Malta? Wara li dan it-Tuneżin tilef żewġ kawżi kostituzzjonali u ma ngħatax il-permess biex jibqa’ Malta, jista’ jgħid x’passi ħadet il-pulizija biex dan it-Tuneżin jitkeċċa? Hija infurmata l-pulizija li dan it-Tuneżin fil-qorti stess li qed jaħdem bħala bennej mingħajr permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qegħda tingħata estensjoni tal-visa peress li għandha kawża kriminali pendenti u ma tistax tħalli Malta mingħajr il-permess tal-Qorti. Sadanittant il-kawża kostituzzjonali li kien għamel biex jibqa` Malta ġiet deċiża kontrih anki mill-appell.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tagħmel l-investigazzjoni meħtieġa.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 34284, billi jirriżulta li hemm numru kbir ta' kawżi ċivili quddiem il-qorti ta' l-appell pendenti u għadhom ma ġewx appuntati, jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa jew jista' jieħu l-gvern biex jirrimedja għal dan id-dewmien esaġerat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġijiet ta` pajjiżna jpoġġu fuq l-Imħallfin d-dover li jappuntaw il-kawżi. Il-Gvern la għandu u l-anqas għandu jkollu rwol f`dan is-sens.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Maltapost hux se tosserva l-istandards Ewropej biex il-letter boxes ikunu f'għoli u b'mod li jkunu aċċessibli għall-persuni b'diżabilita' inkluż dawk li jagħmlu użu minn wheelchairs? Jista' jgħid x'sar s'issa, x'inhu jsir mill-Maltapost biex dawn il-letterboxes ikunu kompattibli ma l-istandards Ewropej w aċċessibli għall-persuni b'diżabilita'?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li d-direzzjoni tal-Maltapost tinsab fi trattattivi biex tasal għal soluzzjoni, iżda wieħed irid iqis li b'total ta' aktar minn ħames mitt kaxxa ta' l-ittri, kwalunkwe soluzzjoni titlob spiża kbira u tieħu t-tul. Sadanittant, ta' min jgħid li kaxxi bl-ittri ġodda, li qed jieħdu post kaxxi qodma, qed jitwaħħlu f'livell aktar baxx bil-għan li jkunu aktar aċċessibbli għal persuni b'diżabbilta'.
Fid-dawl tal-liġi li għaddiet dan l-aħħar mill-Parlament kontra l-moħqrija ta' l-annimali, jista' l-Ministru jgħid jistax id-dipartiment tal-veterinarji jinvestiga ċerti entertainers li f'parties tat-tfal qed iqassmu lit-tfal żgħar 'flieles' li jispiċċaw jinħaqru f'idejn dawn it-tfal?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li it-Taqsima tal-Ikel u Attivita' Veterinarja għandha poter taħt il-liġi kontra l-moħqrija ta' l-annimali li tinvestiga u tieħu azzjoni legali kontra kull persuna li tagħmel xi moħqrija fuq kull tip ta annimal u f'kull ċirkustanza. Sadanittant, it-Taqsima ta' l-Ikel u Attivita' Veterinarja ma rċeviet l-ebda rapport ta' każijiet simili kif imsemmija mill-Onor. Interpellant. Għaldaqstant, nitolbu biex jekk għandu xi informazzjoni jgħaddiha lit-Taqsima konċernata biex tiġi nvestigata minnufih.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli l-WSC tinvestiga l-ilma tajjeb li hemm ħiereġ minn Triq ix-Xedha u Triq is-Salini Wied il-Għajn? Billi dan l-ilma ilu ħiereġ madwar ġimgħatejn possibli titieħed azzjoni minnufih?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija immedjatament lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u minn informazzjoni li għandi jirriżulta li l-Korporazzjoni ħadet l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Enemalta tassigura li Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn tinxtgħel kollha għax qed tkun mitfija u billi qed isir xi xogħol fiha qed tkun perikoluża mudlama?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fil-fatt il-manutenzjoni meħtieġa diġa' saret.
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni tressqu l-qorti tul is-sena 2001 u 2002 (sa l-1 ta' Lulju) għax inqabdu jġorru l-ħamrija bla permess tad-dipartiment ta' l-agrikoltura?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 2001 u l-1 ta` Lulju 2002, il-Pulizija ressqet żewġ persuni quddiem il-Qorti talli ġarrew ħamrija mingħajr il-permess meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq is-substation li se ssir fi Triq is-Suq, Żejtun għaliex ilha ħafna imwiegħda u hemm diversi djar li qed ibatu minħabba provista baxxa ta' elettriku? Billi kawża ta' din il-problema hemm nies tal-business fosthom stampatur li għandhom nies impjegati magħhom li ġieli jkollhom jieqfu mix-xogħol għax jiqfulhom il-makni, meta hu maħsub li jibda dan ix-xogħol? Jista' jintervjeni personalment għaliex ilhom iwedgħuhom snin sħaħ? Vera li l-permessi ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar ħarġu? Jekk iva, meta ħarġu?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każi ta' lmenti quddiem it-Tribunal għal talbiet tal-konsumaturi li għad ma ġewx appuntati? Kemm hemm każi li nstemgħu u għadhom ma ġewx deċiżi? Kemm ilhom pendenti għas-sentenza f'kull każ? Kemm normalment idum każ biex jinstema' wara li jkun intavolat u kemm normalment jieħu żmien it-Tribunal biex jagħti d-deċiżjoni tiegħu dwar l-istess każ? Hemm każi appellati quddiem il-qorti minn sentenzi mogħtija mit-Tribunal għall-talbiet tal-konsumaturi? Jekk fl-affermattiv kemm hemm każi u kemm ilhom pendenti għas-smiegħ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li hemm tlieta u tmenin każ pendenti quddiem il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Ħamsa u sittin każ qiegħdin fi stadju li tingħata s-sentenza. Dawn il-każi ilhom għas-sentenza bejn xahrejn u tlitt xhur, pero' numru minnhom waslu għas-sentenza riċentement. Normalment każ idum biex jinstema' bejn tlieta u erba' xhur. Iż-żmien biex tingħata s-sentenza ivarja skond il-gravita' tal-każ. Per eżempju jkun hemm każi fejn qabel tingħata s-sentenza, it-Tribunal ikun qed jistenna rapport mingħand espert jew avukat.
Hemm każijiet appellati quddiem il-Qorti minn sentenza mogħtija mit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur. Rigward in-numru ta' dawn il-każi u ż-żmien pendenti, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru lill-Ministru responsabbli mil-Qrati.
Jista' l-Ministru jgħid billi s-sena 2003 hi s-sena Ewropea għall-persuni b'diżabilita' tikkunsidra l-Maltapost li tfakkar din is-sena b'sett ta' bollol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Maltapost għall-kunsiderazzjoni tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli d-dipartiment konċernat jara li tiġi rranġata t-triq tal-mini ta' Santa Venera għax għandha bżonn patching u jiġu rranġati l-ispralli tat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq kontinwament ikun għaddej b'xogħol ta' manutenzjoni bħal dak indikat mill-Onor. Interpellant fit-toroq arterjali u distributorji kollha. Ix-xogħol imsemmi qiegħed fil-proċess li jsir.
Jista' l-Ministru jgħid tul l-2001 u tul l-2002 sa l-1 ta' Ġunju kemm saru applikazzjonijiet biex tkun tista' tinġarr ħamrija minn post għal ieħor?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul is-snin 2001 u 2002 (sa' l-1 ta' Ġunju) saru 77 applikazzjoni biex tkun tista' tinġarr ħamrija minn post għal ieħor. 55 applikazzjoni saru matul is-sena 2001, u 17-il applikazzjoni saru fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru permezz tad-dipartiment tat-toroq jgħid min suppost jirranġa Triq il-Muxar, Wied il-Għajn li fiha joqgħodu għadd ta' residenti u tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista' jirranġaha d-dipartiment tat-toroq fid-dawl tal-fatt li baqgħat ma saritx mill-kunsill lokali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq imsemmija mill-Onor. Interpelllant għad fiha żvilupp xi jsir kif ukoll xogħol għat-tqegħid ta' servizzi.
Id-Direttorat għat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali qed jimplimenta programm għall-asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokalita' jsir skond il-prijoritajiet li jkunu qegħdin jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru permezz ta' l-Enemalta jara li jinbiddlu l-bozoz li huma kollha mitfija fi Triq Sir Philip Pullicino, Imtarfa għaliex ilha mitfija żmien twil? Possibbli jinterveni l-Ministru għaliex ir-residenti ilhom żmien jiġru mingħand il-kunsill għall-Enemalta u sadattant it-triq baqgħat mitfija?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni relattiva u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir Triq l-Immakulata, f'Wied il-Għajn? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jsiru xi toroq fl-inħawi ta' Munita, Wied il-Għajn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 33761.
B'riferenza għall-mistoqsijiet preċedenti tiegħi, jista' l-Ministru ġentilment jgħid għaliex Triq San Ġużepp, Żejtun/Żabbar għadha s'issa mhijiex mixgħula, minkejja li hemm l-arbli u l-istreet lighting? Billi din it-triq tintuża ta' spiss għall-attivita` illeċita, fost l-oħrajn abbuż ta' droga u dumping ta' materjal, possibbli li l-Enemalta tieħu passi biex din it-triq tinxtegħel immedjatament ħalli dan l-abbuż jiġi mrażżan?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-parti l-kbira tax-xogħol fit-triq imsemmija huwa lest u għaldaqstant fi żmien mhux il-bogħod għandha tinxtegħel.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib jiddaħħlu wardens fil-faċilita` korrettiva ta' Kordin? X'inhu l-complement eżistenti ta' prison wardens?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ser tittieħed deċiżjoni fil-ġimgħat li ġejjin dwar dil-materja.
Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm jaħdmu bħala Uffiċjali Korrettivi kif ġej:-
Grad Numru
Direttur 1
Manager 1
Assistant Manager 4
Supervisors 5
Maġġur 22
Maġġur Acting 4
Uffiċjal Korrettiv 156