Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Meter tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li sid il-flat, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u li hi single parent b'erbat itfal għandha l-meter tad-dawl u l-ilma fi flat ieħor li hu okkupat minn xi ħaddieħor? Jista' jiġi trasferit għall-flat tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien informat li r-raġuni li l-meter indikat mill-Onor. Interpellant qiegħed f'blokk ieħor kien li dan l-appartament li jinsab fil-ground floor ma setax jingħatalu aċċess għat-tromba komuni ta' l-appartamenti ta' ma ġembu minħabba d-diżlivell bejn l-art tal-flat u l-art tat-tromba komuni. Madanakollu jien informat li l-inkwilini għandhom ċ-ċwievet tal-bieb u tal-meter cupboard u għalhekk m'hemm ebda diffikulta biex ikollhom aċċess għal dan il-meter. Għaldaqstant mhux possibbli li l-meter jiġi trasferit għall-flat tagħhom.
Leg 9 PQ #37192 Sitting 823 2002-12-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Użu ta' l-Internet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tinżammx xi forma ta' statistika dwar gender digital divide, partikolarment biex ikun stabbilit: 1. jekk hawnx aktar irġiel minn nisa li jużaw l-internet f'Malta? 2. jekk in-numru ta' nisa li huma computer illiterate huwiex ogħla minn dak ta' l-irġiel?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li f'Lulju li għadda l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika nieda ICT Survey fost elf u ħames mitt household. Bħalissa t-tweġibiet qed ikunu ivverifikati u huwa ttamat li r-riżultati ta' dan is-survey jitħabbru fil-futur mhux il-bogħod.
Leg 9 PQ #37273 Sitting 823 2002-12-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Nurses — Sptar San Luqa u Karen Grech

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi il-Mistoqsija Parlamentari numru 37181?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li fid-dipartiment tal-ġinekoloġija u l-obstetrija ma jkunx hawn nurses/midwives li jkunu "on call". Fil-Hyperbaric Unit jkun hemm 3 nurses (2SN 1 EN) Cardiac Cathlab jkun hemm 2 nurses (SN u EN) Renal Unit jkun hemm 1 nurse (SN) Angio Suite 2 nurses biex ikopru ir-radiology urgent cases (Deputy Nursing Officer u Enrolled Nurse) Infection Control N.O. u Dept. N.O. Cardiac on call- Scrub side 3 Anaesthesia side 1 Transplants 1

Magħtab — Kostruzzjoni ta' Control Room

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid għalfejn il-kuntrattur tat-tender numru 211/01 li kien jinvolvi l-kostruzzjoni ta' control room fil-Magħtab twaqqaf f'nofs ix-xogħol, għal-ebda raġuni bi ksur ta' l-istess kuntratt? Min awtoriżża li x-xogħol imsemmi ma jitkompliex? X'kienet ir-raġuni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kuntrattur imsemmi kien waqa' xi ftit lura fuq ix-xogħol u d-Dipartiment ħass li seta' jintervjeni bir-riżorsi tiegħu stess biex il-proġett jitlesta fl-iqsar żmien possibbli.
Leg 9 PQ #37181 Sitting 820 2002-11-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Nurses — Sptar San Luqa u Karen Grech

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm hemm nurses li jkunu on call fl-isptar San Luqa u Karen Grech? F'liema untis/swali qegħdin u x'inhu l-grad tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #37182 Sitting 820 2002-11-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Staff — Direttorat tan-Nursing

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm hemm staff jaħdem fid-Direttorat tan-Nursing? X'inhu l-grad tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fil-preżent fid-Direttorat tan-Nursing hemm jaħdem id-Direttur u żewġ staff nurses. Qed jittieħdu l-passi biex jiġu mgaġġati tlett assistenti diretturi.
Leg 9 PQ #37187 Sitting 820 2002-11-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Karta ta' l-identita' — Tiġdid

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jara għalfejn il-persuna li d-dettalji tagħha qed nehmez under separate cover u li hu anzjan ta’ 91 sena u bedridden, baqgħu ma marux id-dar tiegħu biex iġeddulu l-ID card? X'inhi r-raġuni li meta ċċempel waħda mill-qraba tiegħu qed jgħidulha "li jridu jgħaqqdu 4 flimkien" meta suppost li l-proċess ta' tiġdid ta' l-ID cards f'dan il-post issa ilu li spiċċa u suppost li s'issa jafu bil-morda u anzjani li jridu jmorru għandhom id-dar? Possibbli jittieħdu l-passi neċessarji biex lil dan l-anzjan issirlu l-ID card?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-residenza tal-persuna msemmija hija f`lokalita` li t-tiġdid għaliha sar f`April ta` din is-sena. Dawk kollha irrappurtati bħala housebound f`din il-lokalita` sarilhom it-tiġdid fid-dar privata tagħhom fi żmien raġonevoli. Iżda l-persuna msemmija kienet irrappurtata ferm tard, eżattament wara nofs Ottubru, 2002. Infurmat ukoll illi l-Uffiċċju Elettorali ser jieħu ħsieb jagħmel dan it-tiġdid partikolari iżda ta` min jgħid li l-karta ta` l-identita` li għandha fil-pussess tagħha din il-persuna għadha valida għall-finijiet kollha tal-liġi f`Malta.
Leg 9 PQ #37029 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Local Plans

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jkunu lesti l-local plans għan-naħa t'isfel ta' Malta partikolarment fl-inħawi ta' Ħaż-Żabbar? Jikkonferma l-Ministru li m'għadhiex reali id-data ta' l-aħħar ta' din is-sena kif kien imħabbar aktar qabel?

Response (BORG, TONIO)

Hu maħsub li l-pjan lokali għan-Nofsinhar ta` Malta joħroġ għal konsultazzjoni pubblika għal ħabta ta` Marzu 2003.
Leg 9 PQ #37030 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dawl Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Enemalta tara li ssir imqar bozza oħra fi Triq l-Arzell, Wied il-Għajn għax din it-triq minkejja li hi kollha abitata għadha mudlama ħafna? Jista' l-Ministru jinformani x'inhi r-raġuni li s'issa minkejja diversi talbiet l-Enemalta baqgħet qatt ma għamlet imqar bozza oħra f'din it-triq.

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.

San Vincenz De Paule — Care Workers

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk dawk li applikaw għal care workers fir-residenza San Vincenz de Paule u li qagħdu għall-interview aktar minn sentejn ilu, għadhomx fuq il-waiting list? Billi kien hemm dawk li għaddew u li baqgħu ma ġewx impjegati , hemm ħsieb li jiġu mpjegati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninfoma lill-Onor. Interpellant li r-recruitment tal-care workers tal-grupp imsemmi, issa ġie magħluq.
Leg 9 PQ #37119 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Inċident waqt titjira

Question

Jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 36918?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-inkjesta li saret mill-Air Malta dwar l-inċident tat-13 ta' Ottubru 2002 meta ajruplan AMC455 tal-kumpanija lokali niżel madwar tlitt mitt pied f'daqqa, stabbiliet li dan l-inċident seħħ meta ajruplan Boeing 747 tal-kumpanija Egypt Air ingħata l-clearance mill-awtoritajiet Taljani biex jitla' mal-livell ta' l-ajruplan ta' l-Air Malta mingħajr is-separazzjoni laterali meħtieġa. L-Air Malta infurmat b'dan l-inċident lill-awtoritajiet ta' l-avjazzjoni, kemm lokali kif ukoll dawk Taljani. Ebda membru tal-crew ma' ġie grounded b'riżultat ta' l-inċident. Fil-fatt korrew sitt persuni, erba' passiġġieri, li tnejn minnhom irrifjutaw li jiġu imdewwija, u tnejn mill-cabin crew. Peress li r-rapport ta' l-investigazzjoni fih informazzjoni teknika, kif ukoll ta' natura kummercjali sensittiva, ma nħossx li jkun prudenti li npoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #37158 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Brigata Laburista — Propjeta tal-Gvern

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37007, jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' kera għaż-żewġ proprjetajiet mikrija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-kera ta` l-istore fi Triq it-Torri ta` San Ġwann fil-Birgu hija ta` sebgħin lira maltija fis-sena (Lm70) u l-kera ta` l-istore fil-Pjazza tal-Fosos il-Furjana hija ta` mija u disgħin lira maltija fis-sena (Lm190).
Leg 9 PQ #37007 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Brigata Laburista — Proprjeta' tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-Brigata Laburista għandhiex f'idejha xi art jew proprjeta' tal-gvern? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv fejn u meta ngħatat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond informazzjoni miġbura mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, il-Brigata Laburista għanda mikrijin lilha żewġ proprjetajiet tal-Gvern. Dawn huma store fi Triq it-Torri ta` San Ġwann il-Birgu u store ieħor fil-Pjazza tal-Fosos il-Furjana. Dawn kienu inkrew lill-Brigata Laburista fl-20 ta` Jannar 1977 u fit-12 ta` Marzu 1977 rispettivament.

Ħaż Żabbar — Inspection

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 36611, jista' l-Ministru ġentilment jgħid meta saret l-inspection imsemmija fi Triq Ħadd in-Nies, Żabbar, għax din it-triq illum hi kważi kollha żviluppata u allura r-raġuni migjuba fir-risposta għall-fatt li għadha ma saritx it-triq, jiġifieri li "għad hemm ħafna żvilupp xi jsir", assolutament ma treġix?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-inspection saret riċentement. It-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hi maqsuma fi tliet biċċiet żviluppati illi iżda mhumiex magħqudin ma' xulxin u illi komplessivament ma jammontawx għall-aktar minn 50% ta' l-iżvilupp totali li jrid isir f'din it-triq. Madankollu peress illi l-Onor. Interpellant jidher ċar li qed jirreferi għal kull biċċa minn din it-triq separatament, tajt struzzjonijiet lid-Direttorat tat-Toroq biex jagħmel spezzjoni oħra u jara jekk xi parti minn din it-triq tistgħax tiġi asfaltata.
Leg 9 PQ #36941 Sitting 816 2002-11-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Water Service Corporation — Ħaddiema

Question

X'inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar ħaddiema li jaħdmu mal-water services corporation u li jixtiequ jmorru jaħdmu mal-gvern?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-kundizzjonijiet tal-haddiema tal-Gvern li huma “detailed” mal-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma huma regolati minn Att Nru XXIII tal-1991 (Parti V). Talbiet li jsiru minn dawn il-haddiema ghal trasferiment jigu kkunsidrati fuq il-meriti taghhom, u skond il-htigijiet tas-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #36942 Sitting 816 2002-11-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Arbli tad-dawl

Question

B'referneza għall mistoqsija parlamentari preċedenti tiegħi fuq arbli tad-dawl ta' l-elettriku li jinsabu f'għalqa fis-Sqaq taċ-Ċaqma fi Triq tar-Rumi, M'Scala possibbli li l-Enemalta tinnota li l-arbli msemmija kellhom jinqalgħu madwar sena ilu u minkejja li kien inqala' wieħed, l-oħrajn baqgħu ma nqalawx? Billi dawn l-arbli huma ta' inkonvenjent għal sid l-għalqa, possibli tittieħed azzjoni biex dawn l-arbli jinqalgħu għax lis-sid ta' l-għalqa in kwestjoni qed itellfuh fix-xogħol tar-raba'? Jekk l-Enemalta qed issib problema biex issib fejn huma dawn l-arbli, tista' tikkuntatja lili biex nindikalhom fejn joqgħod sid l-għalqa.

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment u s-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ġew mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta għall-kunsiderazzjoni tagħha.

Wied il-Għajn — Tqegħid ta' mains ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jinfurmani meta hu maħsub li l-kuntrattur jibda xi xogħol fuq it-tibdil ta' mains ta' l-ilma fi triq l-Imriekeb, Wied il-Għajn? Liema toroq se jsiru fl-istess tender flimkien ma' din it-triq? Meta se jibda dan ix-xogħol u minn liema triq se jibda l-kuntrattur? Meta hu maħsub li jintemm dan ix-xogħol bejn wieħed u ieħor?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi Triq il-Qawwara, Triq Wistin Born u Triq l-Imriekeb huma t-tlett toroq li se jiġu asfaltati skond il-kuntratt imsemmi mill-Onor. Interpellant. Ix-xogħol ta' tibdil ta' mains beda fil-11 ta' Novembru fi Triq il-Qawwara. Ix-xogħol ta' kostruzzjoni mistenni li jdum għaddej 10 ġimgħat u għandu jkun lest fil-bidu ta' Frar.

Child Development and Assessment Unit — Budget

Question

X'kien il-vot globali fis-snin 2000, 2001 u 2002 għall-budget taċ-Child Development and Assessment Unit (CDAU)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iċ-Child Developmnet and Assessment Unit taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru għas-Saħħa, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #36980 Sitting 816 2002-11-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Speċjali — Budget

Question

X'kien il-vot globali fis-snin 2000, 2001 u 2002 għall-budget ta' l-iskejjel speċjali f'Malta u Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-vot globali fis-snin 2000, 2001 u 2002 għall-budget ta' l-iskejjel speċjali huwa kif se nsemm: 2000 2001 2002 Lm731,000 Lm695,000 Lm981,000
Leg 9 PQ #36988 Sitting 816 2002-11-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tal-Finanzi

BICAL — Flus dovuti

Question

Kemm tħallsu flus tal-BICAL s'issa u meta se jitħallsu l-kumplament tal-flus dovuti lid-debituri?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' flus li s'issa tħallsu lid-depożitanti u kredituri tal-BICAL sal-lum jammonta għal Lm1,825,899. Rigward meta sa jitħallsu l-kumplament tal-flus dovuti lil dawn id-depożitanti u kredituri, deċiżjoni tittieħed meta jiġi stabbilit u realizzat skond il-kawżi pendenti li hemm il-Qorti l-ammont ta' flus li jappartjenu lill-BICAL.