B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1471 u cioe' b'referenza għar-rapporti li dehru dan l-aħħar fl-istampa lokali fejn intqal li annimali li jinqabdu jiddaħħlu Malta illegalment jibqgħu jinżammu maqfula fil-kwarantina sakemm imutu, jista' il-Ministru jgħid jekk dan hux veru jew le? Kemm hemm annimali bħalissa f'dan il-post? Kemm minnhom inqabdu jiddaħħlu Malta illegalment jew ġew konfiskati mill-awtoritajiet? Kemm ilu hemm kull annimal? Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għall-ewwel żewġ partijiet ta’ din il-Mistoqsija Parlamentari nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li nagħtat għall- Mistoqsija Parlamentari numru 1471.
Għar-rigward tat-tielet parti ta’ din il-Mistoqsija ninsab infurmat li l-annimali li hemm fil-kwarantina ddaħħlu f’ dawn id-dati kif jidher hawn taħt :
Serp 8 ta’ Novembru 2002
Fkieren 8 ta’ Novembru 2002
Għasafar 15 ta’ Novembru 2002
Xadina 15 ta’ Novembru 2002
Pappagalli 15 ta’ Novembru 2002
Criev 15 ta’ Novembru 2002
Xadina 19 ta’ Awwissu 2003
Fejn tinsab bħalissa x-xadina li ddaħħlet Malta maqfula ġo bagalja? X'se jsir minnha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li x-xadina tinsab il-Kwarantina. Qed isiru arranġamenti mill-Awtorita’ dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (M.E.P.A.) biex din tintbagħat ġo post addattat barra minn Malta.
B'referenza għall-mistoqsijiet preċedenti tiegħi rigward provvista baxxa ta' l-elettriku fi Triq San Remig, Kirkop, jista' l-Ministru ġentilment jgħidli fiex waslu l-pjanijiet tal-bini ta' substation li kellha tinbena? Fejn se tinbena? Meta bejn wieħed u ieħor se titlesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Is-Substation inbniet fi Triq Karlu Darmanin f'Lulju 2002.
Hemm xi skema biex anzjani li jkunu qed jgħixu fil-komunita` fi djar substandard u li ma jkunux iridu joħorgu mid-dar tagħhom, jigu megħjuna biex itejbulhom fejn ikunu qed jgħixu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita’ tad-Djar tamministra tlett Skemi li permezz tagħhom kemm sidien kif ukoll inkwilini jistgħu jingħataw somma sa massimu ta’ Lm3,500 fil-każ ta’ postijiet perikolużi u sa massimu ta’ Lm2,500 fil-każ ta’ postijiet sub-standard biex isiru xogħolijiet ta’ rranġar u titjib f’dawn il-postijiet.
Dawn l-iskemi huma:
Skema Z, dwar sussidju fuq xogħolijiet ta’ rranġar u titjib f’residenzi privati okkupati mis-sidien;
Skema 5, dwar sussidju fuq xogħolijiet ta’ rranġar u titjib f’residenzi privati okkupati mill-inkwilini jew ċenswalisti; u
Skema W, dwar sussidju fuq xogħolijiet ta’ rranġar fi djar proprjeta’ tal-Gvern. Taħt din l-iskema l-massimu ta’ l-għotja ma jeċċedix l-Lm1,000.
Tista' il-Water Services Corporation tinvestiga ilment li wasalli mingħand diversi familji li joqogħdu Triq Sant'Anġlu, Żejtun, dwar l-ilma tal-vit li hu kollu sadid u ma jistax jintuża?
X'jeħtieġ li jsir biex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma taf bil-problema ta' l-ilma bis-sadid f'din it-triq u ser tieħu l-passi meħtieġa biex jinbidel il-main. Sakemm dan iseħħ, peress li hu proġett li jieħu ftit taż-żmien, ser isiru washouts tas-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma f'intervalli regolari biex l-problema tittaffa kemm jista' jkun.
B'referenza għal mistoqsijiet oħra li għamilt jien dwar iż-żwiemel (tal-karozzini) li qed jinżammu esposti għax-xemx quddiem il-Palazz fejn kont ġejt aċċertat qabel ma l-Parlament aġġorna għall-vaganzi tas-sajf li qed jittieħdu passi biex din il-problema tiġi riżolta, jista' l-Ministru ġentilment jinforma lill-Kamra għaliex dawn il-povri żmiemel tħallew sajf ieħor esposti għax-xemx u sħana enormi li kienet qed tagħmel? Għaliex din il-każ ċar ta' moħqrija fuq dawn l-annimali qed jitħalla jiġri quddiem l-ogħla awtoritajiet u quddiem l-istess Parlament li ftit żmien ilu illeġisla kontra l-moħqrija ta' l-annimali u jibqa' qisu ma qed jiġri xejn? Jista' l-Ministru ġentilment jintervjeni personalment biex din il-problema tiġi riżolta fl-aqsar żmien possibbli?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ l-Belt Valletta għamel arranġamenti sabiex waqt is-sħana tas-sajf, il-karozzini tpoġġew ma’ ġemb il-Palazz, fid-dell, jew ta’ n-naħa ta’ Pjazza Regina, jew in naħa l-oħra, fi Triq L-Arcisqof. Sadanittant, l-istess Kunsill Lokali għadu għaddej biex isib soluzzjoni dejjiema.
Nixtieq ninforma wkoll lill-Onor. Membru li d-Diviżjoni ta’ l-Ikel u Attivita’ Veterinarja ħadet inizzjativa billi ġew avvicinati kucciera individwali fejn ġie spjegat lilhom il-ħarsien ta’ żwiemel kemm waqt li jkunu fil-venda, kif ukoll waqt ix-xogħol. Qegħdin jitħejjew gwidi (guidelines) ta’ limiti fisjoloġici biex il-kucciera jevitaw li ż-żwiemel tagħhom jgħaddu minn stress.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mix-xadina li nqabdet tiddaħħal Malta illegalment maqfula u marbuta f'bagalja? Jaqbel il-Ministru li wara l-moħqrija li għaddiet minnha din ix-xadina, issa m'għandhiex tinżamm maqfula bla bżonn u jekk hu possibbli tinħeles fl-abitat addattat għaliha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-annimali li jinqabdu jiddaħħlu Malta illegalment jinżammu l-kwarantina sakemm tinqata’ is-sentenza tal-Qorti u sakemm tinstab akkomodazzjoni adegwata lokalment, jew barra minn Malta. Din issir bil-kollaborazzjoni mal-Awtorita’ ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar (M.E.P.A.)
Ħaż Żabbar — Triq il-Grazzji - Qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li madwar sitt idjar fi Triq il-Grazzji, Ħaż Żabbar qed jispiċċaw bla dawl ta' spiss, xi drabi għal jum wara l-ieħor? X'inhu jwassal għal dan l-inkonvenjent u x'jista' isir biex dawn il-familji ma jibqgħux ibatu l-konsegwenzi? X'inhi r-raġuni li l-Korporazzjoni Enemalta minkejja li taf bil-problema baqgħet ma ħaditx passi biex din il-problema tissolva darba għal dejjem?
Response (GATT, AUSTIN)
Ir-raġuni li qiegħed jinqata' d-dawl fi Triq il-Grazzji, Ħaż-Żabbar hija waħda ta' overloading. Il-Korporazzjoni Enemalta diġa' kienet resqet talba lid-Dipartiment ikkonċernat biex jinħarġilha permess għal trinka biex fiha jitpoġġa cable ġdid u b'hekk tkun tista' tissolva l-problema.
Jista' il-Ministru jara li jiġu rtirati mill-aktar fis id-disembarkation cards li hemm l-ajruport li kważi ma jinqrawx minħabba t-tipa maħmuġa tagħhom li qed joħloq inkonvenjent għal min ikun irid jimlihom? Qed nibgħatlek disembarkation card under separate cover.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ttieħdet l-azzjoni meħtieġa sabiex jekk hemm xi disembarkation cards simili jitneħħew.
B'referenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari preċedenti tiegħi fil-leġislatura l-oħra u konsultazzjonijiet mad-direttur tat-toroq, jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex waslet il-parti ta' Triq Bieb is-Sultan, Żabbar li kif jaf kienet twessgħet kollha ħlief għall-parti żgħira li tħalliet b'għalqa fin-nofs?
Billi ntqal diversi drabi li kien beda l-proċess biex din l-għalqa tiġi esproprjata wara, jista' ġentilment jgħid fiex wasal dan il-proċess ta' esproprjazzjoni u meta hemm il-ħsieb li bejn wieħed u ieħor titwessa' din
il-parti tat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-parti ta' l-għalqa li għadha ma tteħdietx u li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ma kienitx inxtrat mill-iżvilluppatur li bena fil-ġenb ta' din it-triq skond il-liġi.
Fil-preżent għadhom għaddejjin il-proċeduri mas-sidien ta' din l-għalqa sabiex din l-art tkun tista' tinxtara.
Jista' l-Prim Ministru ġentilment jgħid kemm-il darba l-Forzi Armati ta' Malta ġew imsejħa tul l-2002 u l-2003 għal operazzjonijiet ta' salvataġġ? Kemm minnhom kienu operazzjoniet ta' salvataġġ biex ifittxu sajjieda jew baħħara mitlufa fuq il-bahar?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
In-numru ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ li l-Forzi Armati ta’ Malta ġew imsejħa tul is-snin 2002 u 2003 huma kif murija hawn taħt:-
Sena
Numru ta’ Każijiet
Tfittxija ta’ Sajjieda jew Baħħara fuq il-Baħar
2002
303
Xejn
2003
202
3
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm laħqu nurses ġodda kull sena mill-1996 sa l-2003 ? Kemm ġew impjegati nurses ġodda mas-settur pubbliku? Xi grad kienu? Kemm telqu kull sena fl-istess perjodu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Annimali li jiddaħlu Malta illegalment — Kwarantina
Question
B'referenza għar-rapporti li dehru fl-istampa lokali wara li fid-dwana nqabdet xadina tiddaħħal Malta illegalment u li qed tinżamm kwarantina, jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jsir titjib fil-faċilitajiet ta' fejn jinżammu l-annimali kwarantina minħabba li skond dawn ir-rapporti dan il-post hu nieqes minn faċilitajiet adegwati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-kwarantina isiru modifikazzjonijiet kontinwament biex kemm jista' jkun tkun adegwata għal kull tip ta' annimal li jiddaħħal Malta, kemm legalment, kif ukoll illegalment. Fil-futur immedjat ser jinbena Border Inspection Post li jkun immaneġġjat mit-Taqsima ta' l-Ikel u Attivita' Veterinarja, u dan il-post se jkollu il- facilitajiet l-aktar bżonnjużi.
Ħaddiema — Post fejn jinżammu l-annimali kwarantina
Question
Kemm hemm impjegati jaħdmu fil-post fejn jinżammu l-annimali kwarantina u x'inhu l-grad tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li fil-post fejn jinżammu l-annimali kwarantina hemm disa’ (9) impjegati.
1 Assistant Veterinary Support Officer
2 Senior Operatives
6 General Hands
Annimali mdaħħla Malta illegalment — Post fejn jinżammu - Kwarantina
Question
B'referenza għar-rapporti li dehru dan l-aħħar fl-istampa lokali fejn intqal li annimali li jinqabdu jiddaħħlu Malta illegalment jibqgħu jinżammu maqfula fil-kwarantina sakemm imutu jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux veru jew le? Kemm hemm annimali bħalissa f'dan il-post? Kemm minnhom inqabdu jiddaħħlu Malta illegalment jew ġew konfiskati mill-awtoritajiet? Kemm ilu hemm kull annimali? Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li
1. L-annimali jinżammu il-kwarantina sakemm tinqata' is-sentenza tal-Qorti u sakemm tinstab akkomodazzjoni adegwata lokalment jew barra minn Malta. Din issir b’ kollaborazzjoni mal-Awtorita’ ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar (M.E.P.A.).
2. Kien hemm 45 li inġiebu illegalment/konfiskati. L-annimali l-oħra, l-aktar klieb u qtates jagħmlu il-perjodu kif stipulat fil-liġi tal-kwarantina u għalhekk jidħlu u joħorġu regolarment.
3. Għar-rigward tat-tielet parti tal-mistoqsija, l-informazzjoni għada qed tinġabar
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 913 u cioe' possibbli l-Maltacom tara li tagħmel it-transfer ta' dan it-telefon li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fl-aqsar żmien possibbli għaliex f'din id-dar jgħix tifel żgħir li hu marid serjament u minħabba f'hekk ikun hemm bżonn ta' kuntatt kontinwu ma' l-isptar u t-tabib, u xi drabi anke b'mod urġenti?
Billi l-familja subscriber ta' dan it-telefon ilha ħafna tinsisti għal dan it-transfer, jistgħu jittieħdu passi ħalli jsir fl-aqsar żmien possibbli minħabba r-raġunijiet imsemmija?
Response (GATT, AUSTIN)
Waqt li nifhem li l-Onor. Interpellant għamel id-domanda biex jaqdi d-dmir tiegħu ta' Membru Parlamentari, nitlob lill-Onor. Interpellant jifhem li l-Maltacom ma hiex dipartiment tal-Gvern iżda kumpanija kkwotata fuq l-iStock Exchange. Konsegwentament, din it-tip ta' informazzjoni hi min-natura tagħha privata u mhux kompitu li tiġi mistħarġa min dan il-Parlament.
Hemm ovvjament mezzi dwar kif wieħed jista' jizgura li kumpanija bħal Maltacom tagħti is-servizz tagħha b'effiċjenza.
Ħaż-Żabbar — Triq il-Grazzja - Qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku
Question
Jista' il-Ministtru jirrispodi l-mistoqsija parlamentari 931 u cioe' jista', permezz tal-korporazzjoni Enemalta, jinvestiga ilment li wasal għandi li ċerti residenzi fi Triq il-Grazzja, Ħaż-Żabbar qed isofru ta' spiss qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku? Billi dan qed jiġri ta' spiss, possibbli li din il-problema tiġi rrimedjata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ix-xogħol meħtieġ biex tiġi rimedjata l-problema ta' qtugħ fil-provista taħ l-elettrikku kien diġa' mibdi u issa dan tlesta fl-aħħar ġimgħa ta' Ġunju.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 1009 u cioe' b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 491, possibbli l-korporazzjoni Enemalta tispjega għalfejn fi Triq Xorb l-Għaġin, fiż-Żejtun/Marsascala ilhom snin twal li twaħħlu arbli ġodda biex jinbidlu dawk imsadda u l-wires baqgħu qatt ma ġew trasferiti għal fuq l-arbli l-ġodda bil-konsegwenza li llum jeżisti periklu minħabba l-istat ta' l-arbli l-qodma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari Nru. 491 f' seduta 18 tat-2 ta' Lulju 2003.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1010 jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 489 u cioe' possibbli l-korporazzjoni Enemalta tieħu passi biex tgħaddi d-dawl fil-crafts centre f'Ta' Qali billi twaħħlu l-arbli xhur ilu u d-dawl ma tkompliex?
Response (GATT, AUSTIN)
Ix-xogħol ta' street lighting fil-Crafts Centre Ta' Qali huwa mibdi u għandu jitkompla hekk kif jinħarġu l-permessi tat-trinek neċessarji. Dawn il-permessi ntalbu fit-18.06.03.