Possibbli l-korporazzjoni Enemalta tieħu passi mmedjati biex jinbidel arblu li jinsab ħdejn farmhouse - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - għaliex dan hu perikoluż u qed iżomm permezz ta' biċċiet ta' ħadid u injam li ġew imsammra minn residenti biex ma jaqax?
Billi dan l-arblu ilu jiġi rapportat ħafna u baqgħu ma ttieħdux passi, possibbli jsir xi ħaġa qabel jaqa' fuq xi ħadd?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Malta Enterprise — Ħruġ ta' drenaġġ mill-fabbriki ta' Ħal Far
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet jew qed tieħu l-Malta Enterprise biex id-drenaġġ mill-fabbriki ta' Ħal Far ma jibqax jiskula ġo Wied Żnuber f'Ħal Far?
Il-Malta Enterprise hija nformata li sa nhar il-Ħadd, 2 ta' Novembru 2003 kien hemm id-drenaġġ nieżel għal ġol-wied?
Taf il-Malta Enterprise li dan id-drenaġġ mill-fabbriki qed jagħmel ħsara kbira f'dan il-wied u, fost affarijiet oħra, qatel siġar li kienu ilhom hemm għal snin twal?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MDC ħadet il-passi kollha meħtieġa sabiex ix-xogħlijiet li huma neċessarji biex tissolva l-problema tad-drenaġġ isiru mid-dipartiment ikkonċernat.
Ħal Far — Wied Żnuber - Ħsarat fl-għelieqi kawża ta' drenaġġ
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kumpens se tagħti l-Malta Enterprise lil bidwi full time - għandi d-dettalji tiegħu - li saritlu ħsara kbira fl-għelieqi tiegħu li għandu f'Wied Żnuber, Ħal Far minħabba d-drenaġġ li tħalla jiġri ġol-wied?
Minħabba li dan id-drenaġġ waqqa' ħitan, ikkontamina ġibjun u għamilha impossibbli li dan il-bidwi jkompli jaħdem dawn l-għelieqi, tista' il-Malta Enterprise tinvestiga dan l-ilment u tara x'kumpens jista' jingħata dan il-bidwi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MDC qatt ma ġiet infurmata b'dan il-każ.
Tista' il-Malta Enterprise tagħlaq l-aċċess għall-pump rooms tad-drenaġġ li hemm ħdejn il-fabbriki f'Ħal Far li llum huma mkissra u abbandunati u qed jintużaw għall-abbuż tad-droga?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MDC qiegħda tara x'passi tista' tieħu f'dan ir-rigward.
Possibbli l-Malta Enterprise taċċerta li dawk il-ġibjuni kbar mikxufa li huma mimlijin bid-drenaġġ jew ilma maħmuġ f'Ħal Far ma jkunux ta' periklu għan-nies minħabba li huma mikxufa u aċċessibbli anke għal tfal li jinzertaw fl-inħawi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MDC qiegħda tara x'passi tista' tieħu f'dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti/adulti ġodda fl-MCAST f'din is-sena skolastika? B'kollox kemm hemm studenti/adulti jsegwu xi kors fl-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tagħrif li ser jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-mistoqsija numru 2301.
Possibbli jittieħdu passi biex titnaddaf u tigi żbarazzata trejqa li hemm ħdejn l-impjant tar-riċiklagg f'Wied il-Għajn (eżattament ħdejn il-bypass) għaliex din it-trejqa hemm karrijiet ta' dgħajjes mingħajr roti kif ukoll żjut u ħmieg ieħor?
Billi l-imbarazz f'dan il-post qed jiżdied tant li ftit żmien ilu xi ħadd ta' n-nar lil dan l-imbarazz u minħabba l-fatt li qed issir ħsara f'għelieqi tan-nies possibbli jittieħdu passi biex dan il-post ma jibqax jintuża bħala dumping site?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta' li jsir it-tindif u l-ġbir ta' l-iskart fiż-żona msemmija hija tal-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn.
Possibbli l-korporazzjoni Enemalta tieħu passi biex jiġi rranġat id-dawl ta' Triq San Franġisk, f'Wied il-Għajn għaliex qed ikun maqtugħ ta' spiss? Billi din hi triq pjuttost imħarbta u mwarrba u fiha biss tliet street lighting, x'inhi r-raġuni li dan qed imur ta' spiss?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa saret fiż-żewġ okkażjonijiet li ġiet irrapurtata l-ħsara fit-3/10/2003 u fit-22/10/2003. Il-ħsara kienet waħda intermittenti.
Jista' il-Ministru jinformani jekk hux qed isir użu mir-reservoirs ta' l-ilma bħal dawk li hemm madwar l-airport jew li hemm bejn il-Gudja u Santa Luċija (fit-Triq tal-Barrani)?
Jista' jgħid kif l-ilma jinġabar ġo dawn ir-reservoirs ladarba m'hemmx kanali biżżejjed li jwasslu l-ilma għalihom u l-ftit kanali li hemm huma misdudin? Dawn ir-reservoirs qed iservu biex l-ilma jmur ġol-water table?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li dawn il-ġibjuni oriġinarjament inbnew sabiex jgħinu jiżdied l-ilma tal-pjan (water table) billi jaħżnu l-ilma tax-xita sakemm bil-mod jinfiltra fil-blat.
Madankollu l-effett ta' din is-sistema fuq il-water table hu minimu.
B'riferenza għall-mistoqsija preċedenti tiegħi, possibbli li l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tindika meta hemm il-ħsieb li tbiddel il-main ta' l-ilma li hemm f'Wied iz-Ziju, l/o M'Scala għaliex qed ikun hemm leakages kontinwi?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-KSI għadha kif bidlet part minn dan il-mejn f'Wied Iz-Ziju M'Scala li l-aktar li kien dgħajjef. Bħalissa qed isir studju biex tittieħed deċiżjoni jekk hemmx bżonn li jinbidlu aktar partijiet ta' dan il-mejn. Jidher iżda li l-problema ta' leakages ġiet solvuta.
Possibbli li d-direttorat tat-toroq jagħmel spezzjoni f'Wied iz-Ziju l/o M'Scala għaliex jien informat li t-triq inqalgħet minn kuntrattur biex jagħmel trinka għas-servizzi tal-korporazzjoni Enemalta u ma ġietx irranġata kif suppost b'detriment għal dawk li jużaw din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi wara li d-Direttorat tat-Toroq indaga l-każ imqajjem mill-Onorevoli Interpellant, irriżulta li l-Kunsill Lokali daħal fi ftehim mal-Korporazzjoni Enemalta sabiex din ta' l-aħħar tgħaddi l-flus tar-reinstatement lill-Kunsill biex ikopri parti mill-ispejjeż tar-resurfacing ta' dawn it-toroq. L-Awtorita tinsab infurmata wkoll illi l-Kunsill Lokali diġa għamel arranġamenti biex isir patching temporanju mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.
Għal aktar informazzjoni l-Onorevoli Interpellant jista' jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernati.
Ex-ħaddiema tal-Mid-Med Bank — Aġġustament fil-pensjoni
Question
Jista' il-viċi Prim Ministru jgħid għaliex baqa' ma sarx l-aġġustament fil-pensjoni ta' l-ex-ħaddiema tal-Mid-Med Bank wara li l-collective agreement sar madwar sentejn ilu?
Billi hemm previst li dawn l-ex-ħaddiema jieħdu persentaġġ fil-pensjoni tagħhom kull meta jsir aġġustament tal-pagi tal-ħaddiema tal-Mid-Med Bank (illum HSBC), għaliex minkejja li għaddew kważi sentejn dan l-aġġustament fil-pensjoni baqa' ma sarx?
F'każ li kien hemm problema, ma jaħsibx li f'sentejn kellha tissolva?
Meta bejn wieħed u ieħor dawn l-ex ħaddiema se jibdew jirċievu l-pensjoni aġġustata?
Se jirċievu arretrati taż-żmien li ntilef?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jipprovdi li kull sena l-pensjoni mħallsa taħt dan l-Att tiġi riveduta, fost ħwejjeġ oħra, skond is-salarju kurrenti tal-post li l-pensjonant kien jokkupa.
Fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, dan l-eżerċizzju tlesta u rriżulta li hi dovuta ż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ħa l-passi biex din iż-żieda titħallas lil dawn il-pensjonanti.
Possibbli l-korporazzjoni Enemalta tieħu passi biex tqabbad is-substation li nbniet fi Triq is-Suq fiż-Żejtun? Billi din is-substation ilha se tinbena snin, jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li issa ladarba tlestiet baqgħet ma ġietx imqabbda? Billi fl-inħawi hemm familji, fosthom anke stamperija li tħaddem in-nies magħha u li qed isofru danni minħabba vultaġġ baxx, possibbli jittieħdu passi ħalli din is-substation ladarba issa hija lesta tibda taħdem?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Enemalta ser tkompli bix-xogħol biex tintrama s-substation fi Triq is-Suq iż-Żejtun hekk kif ikunu jistgħu jiġu allokati l-ħaddiema minn fuq xogħolijiet urġenti band'oħra, partikolarment ix-xogħol konness mad-Distribution Centre tal-Mosta.
Jista' il-Ministru jinformani jekk hux qed isir użu mir-reservoirs ta' l-ilma bħal dawk li hemm madwar l-airport jew li hemm bejn il-Gudja u Santa Luċija (fit-Triq tal-Barrani)?
Jista' jgħid kif l-ilma jinġabar ġo dawn ir-reservoirs ladarba m'hemmx kanali biżżejjed li jwasslu l-ilma għalihom u l-ftit kanali li hemm huma misdudin? Dawn ir-reservoirs qed iservu biex l-ilma jmur ġol-water table?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Possibli ż-zebra crossing li hemm fit-Triq id-Daħla ta' San Tumas Żejtun, faċċata tad-Dar tal-Anzjani taż-Żejtun tiġi miżbugħa għax ma' għadhiex tidher u sar perikoluż ħafna għall-anzjani biex jaqsmu minn fuqha? Billi din iż-zebra crossing tintuża ta' kuljum mill-anzjani ta' din id-dar possibli dan isir fl-aqsar żmien possibli qabel ikun hemm xi inċident fatali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi Triq id-Daħla ta' San Tumas hija responsabbilta tal-Kunsill Lokali għalhekk l-Awtorita` dwar it-trasport għaddiet is-suġġerimenti u l-kumment ta' l-Onorevoli Interpellant lill-Kunsill Lokali biex jara x'għandu jsir.
B'referenza għall-Mistoqsija parlamentari tiegħi numru 33260 li ġiet imwieġba f'seduta 733 tal-Leġislatura l-oħra possibli jittieħdu passi biex it-traffic hump imsemmija titneħħa għax jien infurmat li għalkemm id-Direttorat għall Maniġġ tat-Traffiku kien talab lil Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard biex inneħħu dan il-hump, din baqgħet hemm minkejja li għaddiet aktar minn sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta ser tieħu passi meħtieġa biex tassigura li r-road hump imsemmija mill-Onor. Interpellant titneħħa.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta hu maħsub li jitlestew il-local plans tan-naħat t'isfel ta' Malta li issa ilhom pendenti għal żmien twil? X'wassal għal dan id-dewmien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li hu maħsub li l-Pjan għan-Nofsinhar ta' Malta joħrog għal konsultazzjoni pubblika għall-bidu tas-sena 2004. Id-dewmien fit-tfassil ta' l-abbozz ta' dan il-Pjan kien primarjament dovut għaż-żmien meħud għall-konsultazzjoni interna, u minħabba li dan il-Pjan jikkomprendi l-aktar numru ta' lokalitajiet. Il-Pjan qed isirulhu emendi biex jiġi ppreżentat lill-Bord ta’ l-Awtroita’ Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-approvazzjoni biex jiġi ppubblikat għall-konsultazzjoni pubblika.
Billi f'dawn l-aħħar jiem kien hemm xi tliet inċidenti fejn tower crane inqasam jew inqaleb, fosthom anke inċident li ħalla ħaddiem mejjet, jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jara jekk l-awtoritajiet kompetenti, fosthom l-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-post tax-xogħol, hux qed jaċċertaw li dawn it-tower cranes li ġieli jinxtraw second hand minn barra ikunu ta' kondizzjoni tajba? Possibbli jsiru spot checks fuq dawn l-inġenji, għax jien informat li ġieli wara li jiddaħlu Malta jiġu modifikati bir-riskju li ma jibqgħux safe?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond Avviż Legali 250 ta’ l-2001 maħruġ bis-saħħa ta’ l-Att dwar is-Sigurezza tal-Prodotti, prodotti nkluż krejnijiet u tower cranes, kemm ġodda kif ukoll second hand, li jkunu manifatturati barra minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jridu jkunu ċertifikati li huma konformi ma’ l-istandards stabbiliti skond Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea 98/37/EC. Dawn ir-regolamenti mhumiex retroattivi u japplikaw mill-2001 ‘l quddiem. L-infurzar ta’ dan l-Avviż Legali jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’ Maltija għall-iStandards.
Barra minn dan, l-użu ta’ krejnijiet fil-qasam ta’ kostruzzjoni hu kopert mill-Kodiċi ta’ Prattika għall-Industrija tal-Bini u tal-Kostruzzjoni. Skond dan il-Kodiċi, apparat għall-irfiegħ, inkluż tower cranes, għandu jkun ċertifikat minn persuna kompetenti (i) qabel l-ewwel użu, (ii) ġimgħa wara li jkun armat fil-post, (iii) wara alterazzjonijiet jew tiswijiet sostanzjali u (iv) kull xahar.
Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li wettqet l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol tul iż-żmien, li l-kawżi l-aktar komuni ta’ inċidenti li jinvolvu krejnijiet jirriżultaw minn prattiċi ta’ xogħol ħżiena jew perikolużi u mhux minn armar jew strutturi difettużi.
Minn naħa tagħha l-Awtorita’ qed tinvesti ħafna fit-tagħlim, fl-edukazzjoni u fit-tixrid ta’ nformazzjoni biex kull min għandu rwol fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu biex jiġu evitati nċidenti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti/adulti ġodda fl-MCAST f'din is-sena skolastika? B'kollox kemm hemm studenti/adulti jsegwu xi kors fl-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1418 u cioe' b'referenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari preċedenti tiegħi fil-leġislatura l-oħra u konsultazzjonijiet mad-direttur tat-toroq, jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex waslet il-parti ta' Triq Bieb is-Sultan, Żabbar li kif jaf kienet twessgħet kollha ħlief għall-parti żgħira li tħalliet b'għalqa fin-nofs?
Billi ntqal diversi drabi li kien beda l-proċess biex din l-għalqa tiġi esproprjata wara, jista' ġentilment jgħid fiex wasal dan il-proċess ta' esproprjazzjoni u meta hemm il-ħsieb li bejn wieħed u ieħor titwessa' din
il-parti tat-triq?
Jista' il-Ministru jinformani xi proċeduri għaddejjin mas-sidien ta' l-għalqa msemmija u meta bdew dawn il-proċeduri?
Billi jien kont ġejt informat għal darba, darbtejn mid-direttur tat-toroq li bdew il-proċeduri ta' esproprjazzjoni, jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija tiegħi 1418 u jgħidli fiex waslu dawn il-proċeduri ta' esproprjazzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi mill-aħħar mistoqsija li kien għamel l-Onorevoli Interpellant waslet ir-risposta tas-sidien ta' din l-art li uriet biċ-ċar li ma jistax jintlaħaq ftehim bonarju biex din tinxtara. Għalhekk qed jittieħdu l-proċeduri neċessarji biex ikun jista` jsir dan l-akkwist permezz tad-Dipartiment ta' l-Artijiet u eventwalment toħroġ id-Dikjarazzjoni tal-President.