Wara li l-Gvern Ingliż ħabbar li pazjenti barranin se jkollhom jibdew iħallsu minn qabel biex jiġu kkurati fi sptarijiet Ingliżi, jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk dan hux se jaffettwa l-ftehim reċiproku li hemm fil-qasam tas-saħħa bejn Malta u l-Ingilterra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s'issa ma jirriżultax li ser ikun hemm xi tibdil dwar il-ftehim reċiproku bejn Malta u l-Ingilterra.
Kirkop — Triq San Remiġ - provvista ta' l-elettriku
Question
Possibbli l-korporazzjoni Enemalta tinvestiga għaliex il-provvista ta' l-elettriku fi Triq San Remiġ, Kirkop tant hi baxxa li fil-għaxija qed issir ħsara fl-appliances u ma jkunx jista' jinxtegħel television jew neon light?
X'inhu jikkawża din il-problema meta ftit ilu f'mistoqsija parlamentari preċedenti li jien kont għamilt kien intqal li din il-problema ġiet solvuta?
Response (GATT, AUSTIN)
L-ilment ġie investigat u jirriżulta li għalkemm sar ħafna tisħiħ permezz tas-substation il-ġdida għad fadal xi xogħol xi jsir u dan għandu jitkompla flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tad-diviżjoni tas-saħħa fuq l-inċineratur ta' l-isptar San Luqa wara li l-kumpannija barranija li kellha tforni s-Sanitec microwave unit informat lill-gvern li ma tistax tonora t-tender li ħadet?
Il-kuntratt ingħata lil xi kumpannija oħra li kienet tefgħet it-tender jew se joħorġu tenders ġodda?
Meta hu maħsub li ma jibqax jintuża l-inċineratur li hemm bħalissa l-isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ser terġa' tinħareġ talba oħra għall-offerta.
L-inċineratur li hemm bħalissa fl-Isptar San Luqa ser jitwaqqaf meta jiġi konsenjat l-apparat il-ġdid.
Żejtun — Triq il-President Anton Buttigieg - Xogħol fuq l-estensjoni tad-drenaġġ
Question
B'riferenza għal diversi mistoqsijiet li għamilt dwar it-tkomplija tax-xogħol fuq l-estensjoni tad-drenaġġ f'parti minn Triq il-President Anton Buttigieg, fiż-Żejtun, jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk ix-xogħol fuq il-main tad-drenaġġ li nbeda hux se jitkompla biex dawk il-familji li għadhom jużaw il-fossa jkunu jistgħu jiġu mqabbda mal-main tad-drenaġġ? Jekk iva, meta se jitkompla x-xogħol u dan se jsir mill-gvern ċentrali?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li x-xogħol ta' tkomplija tal-mejn tad-drenaġġ fi Triq il-President, Anton Buttigieg fiż-Żejtun issa tlesta.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 35983 li saret fil-leġislatura l-oħra biex l-awtorita' marittima taċċerta l-fairway fil-bajja ta' Wied il-Għajn: 1) jista' il-Ministru ġentilment jinformani xi progress sar minn dak iż-żmien 'il hawn?
2) Ir-ritratti msemmija f'dik it-tweġiba ttieħdu? X'irriżulta? Possibbli jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra?
3) Saret xi konsultazzjoni mas-sajjieda kif intqal f'dik it-tweġiba?
4) Tneħħew ostakoli jew ġew spustjati rmiġġi?
5) Għaliex sena wara l-istess sajjieda full-time għadhom qed isibu problema biex jidħlu u joħorġu bil-laneċ tas-sajd tagħhom?
6) Jista' ġentilment iwieġeb il-mistoqsijiet tiegħi waħda waħda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sar progress fil-ħolqien ta` fairway ġewwa l-Bajja ta` Marsaskala kif ser ngħid: -
1. Ir-ritratti msemmija ttieħdu u servew ta` bażi sabiex ssir proposta ta` kif tista' tinħoloq fairway ġewwa l-Bajja ta' Marsaskala b l-anqas spostamenti ta' dgħajjes possibbli li jkunu jridu jingħataw irmiġġ alternattiv ieħor.
2. Din il-proposta ġiet diskussa f'laqgħat li saru mal-Għaqda Sajjieda u Dilettanti ta' Wied il-Għajn sabiex jinstab l-aħjar mod ta' kif għandhom jitneħħew l-irmiġġi nvoluti u jingħataw irmiġġi alternattivi.
3. B'konsultazzjoni ma' l-Għaqda tad-Dilettanti ser jiġi ppublikat avviż għall-Baħħara fil-Gazzetta tal-Gvern.
4. Is-sidien involuti għandhom ineħħu l-irmiġġi tagħhom jew jispustawhom band'oħra sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar 2004 u fin-nuqqas ta' dan l-irmiġġi jintneħħew mill-Awtorita` Marittima ta' Malta.
5. Għalkemm teżisti l-ħtieġa tal-fairway ma jirriżultax li f'din l-aħħar sena saru xi lmenti partikulari li kien impossibbli li s-sajjieda ma jistgħux joperaw mill-irmiġġi tagħhom.
6. Il-proċess ħa daqsxejn fit-tul għaliex huwa mportanti li jsiru konsultazzjonijiet mal-Għaqdiet tad-Dilettanti u kif ukoll dawk kollha nvoluti, fosthom ukoll il-Kunsill Lokali, sabiex sa fejn hu possibbli eżerċizzju delikat bħal dan isir bil-koperazzjoni ta' kulħadd.
Possibbli l-Ministru jindikali meta bejn wieħed u ieħor it-Triq Hurd's Bank f'Żonqor Estate, f'Wied il-Għajn se tiġi mogħtija t-tarmac għax għalkemm hi abitata, għadha f'kondizzjoni ħażina ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi s-sejħa għall-offerta biex isir ix-xogħol tal-asfalt f'din it-triq issa ħarġet u qegħda fil-proċess li tiġi aġġudikata.
Possibbli l-awtorita' marittima tieħu passi biex fl-iqsar żmien possibbli titwaħħal bozza fil-ponta tal-breakwater li hemm fi Triq is-Salini, f'Wied il-għajn għaliex bil-lejl hu bla dawl, ma jidhirx minn fuq il-baħar u hu ferm perikoluż?
Jista' ġentilment jara li jittieħdu passi mmedjati qabel isir xi inċident?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Awtorita` Marittima diġa` qed tieħu l-passi xierqa biex tistabilixxi dawl għall-għajnuna lin-naviganti fil-ponta tal-breakwater li jinsab li l'hemm fit-Triq is-Salina f'Wied il-Għajn.
Dan id-dawl se jitwaħħal hekk kif l-apparat meħtieġ jasal għand l-Awtorita` Marittima. Il-Kunsill ta` Wied il-Għajn jinsab infurmat b'dan.
Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2712 u cioe' jista' jgħid liema huma dawk l-iskejjel primarji u sekondarji f'Malta u f'Għawdex li għandhom studenti b'diżabilita' ta' mobilita'?
Liema minn dawn l-iskejjel għandhom lift?
Liema huma l-iskejjel li fihom hemm ippjanat li jiġi stallat lift u meta hu ttamat, bejn wieħed u ieħor, li dan ix-xogħol ikun lest f'kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar mill-iskejjel ta' Malta u Għawdex, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Reġistru Elettorali — Trasferiment ta' indirizzi minn Malta għal Għawdex
Question
Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk tinżammx statistika ta' kemm persuni mill-1992 sal-lum ittrasferixxew ir-reġistrazzjoni tagħhom fuq ir-Reġistru Elettorali minn xi indirizz f'Malta għal xi indirizz f'Għawdex?
Jista' jagħti l-informazzjoni reġistru b'reġistru u jekk hu possibbli, jindika l-ID number ta' kull persuna kif ukoll l-indirizz jew il-lokalita' fejn kien reġistrat Malta u dak li għandu llum f'Għawdex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
In-numru ta’ persuni li ttrasferixxew ir-reġistrazzjoni tagħhom minn Malta għal Għawdex fuq ir-Reġistru Elettorali mill-1992 sar-Reġistru ta’ Ottubru ta’ din is-sena huwa ta’ 2,851.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni maqsuma reġistru b’reġistru ta’ persuni li trasferixxew ir-reġistrazzjoni minn Malta għal Għawdex u ta’ persuni li trasferixxew ir-reġistrazzjoni minn Għawdex għal Malta.
L-informazzjoni miltuba fit-tieni parti tal-mistoqsija ma tistax tingħata.
Jista' il-Ministru ġentilment jinformani jekk ħarġitx is-sejħa għal offerti biex isiru t-traffic lights fit-Triq tal-Barrani, fiż-Żejtun ħdejn il-junction fejn Vjal 25 ta' Novembru jagħti għat-Triq Tal-Barrani? Jekk iva, meta ħarġet din is-sejħa? Jekk le, għaliex għadha ma ħarġitx meta n-nuqqas ta' dawn it-traffic lights qed joħloq periklu ċar lis-sewwieqa li jagħmlu użu minn dawn it-toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ser toħroġ sejħa għall-offerti għat-tqiegħid tat-traffic lights imsemmija mill-Onor. Interpellant. Malli dan il-proċess ta' tendering jitlesta x-xogħlijiet ikunu jistgħu jibdew.
Jista' il-Ministru ġentilment jara li tinstab soluzzjoni għall-fatt li n-nursing managers li jkunu on duty fl-isptar San Luqa ta' spiss qed jaqilgħu ċitazzjoni għax idaħħlu l-karozza tagħhom ġewwa l-isptar?
Billi jien informat li hemm nursing managers li diġa' qalgħu ħames ċitazzjonijiet waqt li jkunu jaqdu dmirhom fl-isptar, possibbli id-diviżjoni tas-saħħa tipprova ssib soluzzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fi żmien qasir in-Nursing Managers se ikollhom parking lots allokati għalihom.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jagħmlu użu mis-servizz tal-handy-man matul din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul din is-sena kien hemm 1,024 anzjan li għamlu użu mis-servizz tal-handyman provdut mid-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-dawl fi Triq il-Qaliet, f'Wied il-Għajn qed ikun mixgħul anke bi nhar u minkejja diversi telefonati lill-korporazzjoni Enemalta baqa' ma ġiex mitfi, anzi baqa' jixgħel għal jum wara l-ieħor?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-manutenzjoni meħtieġa saret fl-20 ta' Novembru 2003.
Possibbli l-korporazzjoni Enemalta tieħu passi mmedjati biex jinbidel arblu li jinsab ħdejn farmhouse - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - għaliex dan hu perikoluż u qed iżomm permezz ta' biċċiet ta' ħadid u injam li ġew imsammra minn residenti biex ma jaqax?
Billi dan l-arblu ilu jiġi rapportat ħafna u baqgħu ma ttieħdux passi, possibbli jsir xi ħaġa qabel jaqa' fuq xi ħadd?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol meħtieġ sar.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid liema huma dawk l-iskejjel primarji u sekondarji f'Malta u f'Għawdex li għandhom studenti b'diżabilita' ta' mobilita'?
Liema minn dawn l-iskejjel għandhom lift?
Liema huma l-iskejjel li fihom hemm ippjanat li jiġi nstallat lift u meta hu ttamat, bejn wieħed u ieħor, li dan ix-xogħol ikun lest f'kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid: a) kemm kien hemm studenti f'kull skola speċjali, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin? b) kemm hemm ħaddiema full time u part-time jaħdmu f'kull skola speċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Possibbli li spetturi sanitarji jagħmlu inspection fl-aqsar żmien possibbli fil-ġibjuni mikxufa li hemm ħdejn il-fabbriki ta' Ħal Far biex jiġi stabilit jekk dawn il-ġibjuni mikxufa mimlija sa fuq humiex ta' periklu għas-saħħa tan-nies u jekk hux suppost li jkunu mikxufa u aċċessibbli għal terzi persuni?
Possibbli jittieħed kampjun biex jiġi stabilit jekk dawn il-ġibjuni humiex mimlija b'ilma tossiku jew bi drenaġġ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li spezzjonijiet fil-lokal indikat mill-Onor. Interpellant ilhom isiru minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, fejn ġie determinat li tali ġibjuni mikxufa jagħmlu parti minn sewage treatment plant abbandunat. Jidher ukoll li hemm xi ħsara w ħiereġ xi drenaġġ tal-fabriki fil-viċin.
Peres li din il-materja ma taqax direttament taħt id-diviżjoni nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi tali mistoqsija lill-Ministu konċernat.
Jista' il-Ministru ġentilment jindika meta hemm il-ħsieb li joħorġu l-local plans għan-naħa t'isfel ta' Malta? Billi kien hemm min ċempel il-MEPA u l-perit li kellmu allegalatament qalilhom li "dawn jistgħu joħorġu s-sena d-dieħla jew tliet snin oħra", jista' jagħti indikazzjoni aktar eżatta ta' meta se joħorġu dawn il-local plans?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-tfassil ta' l-abbozz tal-Pjan għan-nofsinhar ta' Malta huwa fi stadju avvanzat u jekk il-proċess iżomm ir-ritmu li qabad hu maħsub li l-abbozz joħrog għal Ġunju 2004 wara li jiġi approvat mill bord ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-bejjiegħa tal-laħam qed jitħallew neqsin mill-majjal meta mbagħad qed jinbiegħ il-majjal lokali lill-meat processors li għandhom il-liċenzja li jimportaw minn barra?
Possibbli li l-ewwel priorita' tibda tingħata lill-bejjiegħa tal-laħam, l-aktar li issa qed joqorbu l-festi tal-Milied u d-domanda għall-majjal tikber?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li t-tqassim tal-majjal huwa skond arranġament li ilu jiġi segwit għal ħafna snin, fejn il-ko-operattiva tagħti kwota regolari ta’ laħam frisk lid-distributuri. Din il-kwota ma ġietx imnaqqsa. Minn barra s-sors dirett mill-biċċerija, tal-ħwienet jixtru wkoll mingħand il-proċessuri.
Hija wkoll regola ġenerali li ftit ġimgħat qabel il-festi, il-kwota mill-biċċerija għal tal-ħanut tiżdied b’ xi 150 majjal.