Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż Żabbar — Triq Santa Tereża

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk l-awtorita' għall-immaniġjar tat-traffiku ġietx ikkonsultata biex Triq Santa Tereża, f'Ħaż Żabbar issir no parking, bil-konsegwenza li r-residenti m'għandhomx fejn jipparkjaw?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li minn riċerka li saret fir-records tad-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku, irriżulta li d-Direttorat kien approva l-għeluq ta' Triq Santa Tereża, Żabbar għall-ħinijiet ta' l-iskola biss bejn is-7:30-8:30 u 14:00-15:00, bħal ma saru f'ħafna lokalitajiet għar-rigward tas-sigurta' ta' tfal ta' l-iskola. Għar-rigward ta' No Parking li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellant, id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku ma ta l-ebda approvazzjoni.
Leg 10 PQ #4147 Sitting 101 2004-02-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — Vapuri b'shuttle service

Question

Possibbli l-Ministru tgħid kemm qasmu karozzi u passiġġieri minn Għawdex għal Malta nhar il-Ħadd 1 ta' Frar, 2004? F'liema ħinijiet ħadmu shuttle service il-vapuri tal-Gozo Channel?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #4148 Sitting 101 2004-02-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Għajnsielem - Karozzi jistennew biex jaqsmu lejn Malta

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li kien hemm daqshekk konfużjoni tul il-queue u ġox-xatt nhar il-Ħadd fil-għaxija meta kien hemm għadd ta' karozzi qed jaqsmu għal Malta? Kemm kien hemm pulizija jikkontrollaw u jidderiġu l-karozzi? X'inhi r-raġuni li fi triq tax-xatt (Għajnsielem) kontra dak li jsir is-soltu, ma kienx hemm pulizija jikkontrolla l-queue bil-konsegwenza li fformaw żewġ fillieri ta' karozzi ħdejn xulxin u allura spiċċaw imblokkaw għal kollox l-aċċess għax-xatt?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #4226 Sitting 101 2004-02-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Diviżjonit ta' l-edukazzjoni — Impjieg ta' studenti fix-xhur tas-sajf

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni hux se timpjega studenti għax-xhur tas-sajf u jekk iva, f'liema oqsma?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni beħsieba terġa torganizza Skola Sajf u toffri esperjenza ta' xogħol lil numru ta' studenti għalliema ta' l-Universita' skond il-bżonn.
Leg 10 PQ #4262 Sitting 101 2004-02-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Riforma fis-Servizz Pubbliku — Nurses - Arretrati tal-paga

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk n-nurses li ġew infurmati dan l-aħħar li telgħu skala jew aktar b'effett minn April tas-sena l-oħra u dan bħala parti mir-Riforma fis-Servizz Pubbliku hux se jingħataw l-arretrati jew inkella l-aġġustament tal-paga kienx immedjat hekk kif ġew aġġustati fl-iskala l-ġdida?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-arretrati u l-aġġustament tal-paga ser jingħataw lill-infermiera konċernati mas-salarju ta' Frar 2004.

Wied il-Għajn — Triq San Franġisk - qtugħ fil-provvista ta' l-elettirku

Question

Possibbli l-korporazzjoni Enemalta tipprova ssolvi darba għal dejjem il-problema ta' street lighting fi Triq San Franġisk, Wied il-Għajn għax qed ikun maqtugħ ta' spiss? Billi din il-problema ilha sejra għal xhur sħaħ bid-dawl ta' barra aktar maqtugħ milli jixgħel, possibbli l-korporazzjoni Enemalta tirrimedja din il-problema darba għal dejjem?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-manutenzjoni meħtieġa saret fit-2 ta' Frar 2004.

Banek tal-lottu

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li joħroġ permessi ġodda għall-banek tal-lottu? Jekk iva, meta?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent, il-gvern ma għandu l-ebda ħsieb li joħroġ permessi ġodda għall-banek tal-lottu.

Banek tal-lottu

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura biex wieħed japplika biex jinħarġu l-permessi għall-banka tal-lottu fl-eventwalita' li joħorġu permessi ġodda?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fl-eventwalita’ li joħorġu permessi ġodda għal xi banek tal-Lottu isir eżami għad-dħul ta’ Riċevitur tal-Lottu forma ta’ intervista kompetittiva mill-applikanti prospettivi.
Leg 10 PQ #4043 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Dipartiment ta' l-artijiet — Esproprjazzjoni ta' triq

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3758 dwar il-parti tat-Triq Bieb is-Sultan f'Ħaż-Żabbar, jista' il-Ministru ġentilment jinformani fejn wasal il-proċess ta' esproprjazzjoni imsemmi f'din il-mistoqsija? Jista' jagħtini n-numru tar-riferenza ta' din l-esproprjazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` qiegħed fil-proċess li jiffinalizza l-pjanti neċessarji li jwasslu għall-esproprju ta` l-art in kwistjoni. Ir-riferenza tal-file tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern huwa L416/2003.

Żejtun — Triq il-Ħerba

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3757 u cioe' jista', permezz tad-dipartiment tat-toroq, jispjega għaliex Triq il-Ħerba, fiż-Żejtun f'dawn l-aħħar xhur inqalgħet biex jitħaffru trinek għad-dawl u wara reġgħet inqalgħet biex isiru trinek għall-ilma? Veru li din it-triq issa se terġa' tinqala' mill-ġdid biex isiru trinek oħra , aktarx tat-telefon? Kemm-il darba nqalgħet din it-triq f'din l-aħħar sena u min ħallas għal kull biċċa xogħol? Jista' ġentilment jirrispondi għal kull mistoqsija separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Korporazzjoni ta' l-Ilma għamlet diversi xogħlijiet fi Triq il-Ħerba u l-Isqaqin ta' madwara biex jinbidlu xi house services għad-djar, liema xogħol sar u kien iffinanzjat mill-istess Koporazzjoni ta'l-Ilma. Fil-preżent hemm applikazzjoni sabiex isir xogħol estensiv ta' tqegħid ta' cables ta' l-Enemalta f'bosta toroq fiż-Żejtun inkonnessjoni ma' titjib estensiv tas-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-eletriku fiż-Żejtun. Għal aktar dettal l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 10 PQ #3952 Sitting 95 2004-01-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Courses għal fitters u pipe workers

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk l-ETC għadhiex torganizza courses għall-fitters jew pipe workers għall-ħaddiema li jkunu jaħdmu mal-korporazzjoni għas-servizzi ta’ l-ilma jew mad-dipartiment tad-drenaġġ? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li jsir course ieħor?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qatt ma ġiet mitluba torganizza courses għall-fitters jew pipe workers għall-ħaddiema li jkunu jaħdmu mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma jew mad-Dipartiment tad-Drenaġġ. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ lesta li tikkonsidra kull proposta ta' taħriġ għall-ħaddiema.
Leg 10 PQ #3953 Sitting 95 2004-01-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Persuni 'il fuq minn 40 sena li qed ifittxu x-xogħol

Question

Jista’ il-Ministru ġentilment jgħid jekk l-ETC hijiex qed taħdem fuq xi skema biex tħarreġ u tgħin jinstab impieg lil dawk li għandhom aktar minn 40 sena u qed ifittxu x-xogħol? Fi skema bħal din, se nieħdu xi għajnuna mill-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawk li qed jirreġistraw u huma 'l fuq minn 40 sena diġa' jistgħu jipparteċipaw fl-iskemi kollha ta' xogħol u taħriġ ta' l-ETC. Diġa' twettqet l-ewwel fażi ta' l-iskema TEES - Training & Employment Exposure Scheme maħsuba għal dawk ta' aktar minn 40 sena jew li jkunu ilhom aktar minn sena jirreġistraw. Fit-tifsil tal-pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Impjiegi hu maħsub azzjoni partikolari għal dan il-grupp b'għajnuna ukoll mill-Fond Soċjali Ewropew.

Appartamenti tal-gvern — Stallar ta' lift

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-policy biex isir lift fi blokk ta' flats tal-gvern? Kif jistgħu ir-residenti in kwestjoni japplikaw biex isiru dawn il-lifts? X'inhi l-pożizzjoni tar-residenti f'dan il-blokk li jkunu xtraw il-flat u allura l-flat ikun sar tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-politika tal-Gvern dwar installar ta’ lifts fi blokki tiegħu eżistenti hi li, fejn hu possibbli, lift jiġi installat jekk tkun tgħix persuna b’diżabilita’ ta’ mobilita’ f’dak il-blokk. Applikazzjonijiet f’dan ir-rigward isiru lill-Awtorita’ tad-Djar taħt Skema V. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3096 li jien tajt f’Seduta Numru 67.

Birra — Levy fuq l-importazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-gvern se jneħħi l-levies fuq il-birra mportata minn barra?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onerevoli Interpellant li l- levies fuq il-birra lesta għall-konsum, mportata minn barra ser jitneħħew sa l-ewwel ta' Mejju.

Żejtun — Triq il-Ħerba

Question

Jista' il-Ministru, permezz tad-dipartiment tat-toroq, jispjega għaliex Triq il-Ħerba, fiż-Żejtun f'dawn l-aħħar xhur inqalgħet biex jitħaffru trinek għad-dawl u wara reġgħet inqalgħet biex isiru trinek għall-ilma? Veru li din it-triq issa se terġa' tinqala' mill-ġdid biex isiru trinek oħra , aktarx tat-telefon? Kemm-il darba nqalgħet din it-triq f'din l-aħħar sena u min ħallas għal kull biċċa xogħol? Jista' ġentilment jirrispondi għal kull mistoqsija separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ħaż Żabbar — Triq Bieb is-Sultan

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jaġġornani x'sar fuq il-parti tat-Triq Bieb is-Sultan, Żabbar, liema parti għadha ma ġietx imwessgħa u miftuħa? Billi ġejt assigurat diversi drabi, anke f'dan il-Parlament, li beda l-proċess biex tiġi esproprjata l-parti tat-triq mhux miftuħa, jista' il-Ministru jgħid fiex wasal dan il-proċess u jagħtini n-numru ta' riferenza?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-passi ta' esproprijazzjoni qegħdin jittieħdu mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u għal aktar informazzjoni l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 10 PQ #3759 Sitting 88 2004-01-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel privati — Għajnuna lill-ġenituri tat-tfal

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm ingħataw flus s'issa lill-ġenituri li t-tfal tagħhom imorru fl-iskejjel privati? Liema ġenituri jikkwalifikaw għal din l-għotja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din l-iskema kienet amministrata mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni fis-sena 2001 biss. L-ammont mogħti dik is-sena lill-ġenituri tat-tfal li kienu jattendu skola privata kien ta’ Lm412,710. Kienu jikkwalifikaw dawk it-tfal li kienu ta’ eta’ ta’ Skola Primarja (5 snin) sa Skola Sekondarja (16-il sena) u li kellhom għall-anqas wieħed mill-ġenituri tagħhom ta’ nazzjonalita’ Maltija. Mis-sena 2002 ‘l quddiem, din l-għajnuna bdiet tingħata mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f’forma ta’ aġevolazzjoni fit-taxxa.

Żejtun — Triq tal-Barrani - traffic lights

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari li għamilt ftit żmien ilu rigward it-traffic lights fi Triq tal-Barrani, Żejtun, inti u ħiereġ miż-Żejtun, possibbli l-Ministru jinfurmani jekk dawn il-lights hux se jsiru b'sejħa għal tender? Jekk iva, it-tender ħarġet? Jekk iva, meta ħarġet u meta tagħlaq? Jekk le, għaliex għadha ma ħarġitx meta dan il-post hu ferm riskjuż? Jista’ l-Ministru jinfurmani meta se jsir dan ix-xogħol? Jista’ l-Ministru ġentilment iwiegeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Kuntratti qiegħed fl-aħħar stadju biex jippublika s-sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol.
Leg 10 PQ #3539 Sitting 85 2004-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti — Flood lights ta' mal-faċċata

Question

Jista' il-Ministru jgħid min hu responsabbli li jbiddel il-flood lights ta' mal-faċċata tal-qorti għax ilhom maqtugħa żmien twil?

Response (BORG, TONIO)

Għalkemm ir-responsabbilita` tal-flood lights tal-qorti m`humiex responsabbilita` ta` l-amministrazzjoni tal-Qorti ittieħdu l-passi sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.