Legislature:
Category:
Reset
Active:

Institute of Health Care — Kors fin-nursing

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti fil-preżent fl-Institute of Health Care li qed isegwu xi kors fin-nursing? Kif inhuma mqassma skond il-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li preżentament hemm 137-il student li qed isegwi il-kors li jwassal għal B.Sc(Hons) in Nursing, 377 fil-kors li jwassal għad-Diploma in Nursing, 27 fil-kors li jwassal għal B.Sc (Hons) Midwifery u 23 fil-kors li jwassal għal B.Sc Nursing (Mental Health). Dawn maqsuma, sena b'sena fil-kors kif ġej:- Kors Sena Numru Diploma Nursing 1 114 2 120 3 70 4 73 B.Sc(Hons) Nursing 1 31 2 32 3 38 4 36 B.Sc(Hons) Midwife 1 20 2 7 B.Sc(Hons) Nursing 3 23 (Mental Health)

Sidien tal-coaches — Taxxa ġdida

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk is-segretarjat tas-self-employed huwiex informat li l-MIA imponiet taxxa/tariffa ġdida għas-sidien tal-coaches li jmorru jgħabbu t-turisti mill-ajruport internazzjonali ta' Malta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Ministeru kien infurmat bit-tariffi ta' l-MIA mis-sidien tat-taxis. Mill-informazzjoni miksuba din it-tariffa oriġinat mill-MIA.
Leg 10 PQ #5099 Sitting 119 2004-04-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Sidien tal-coaches — Taxxa ġdida

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux konsultazzjonijiet uffiċjali qabel ma l-MIA imponiet taxxa/tariffa ġdida lis-sidien tal-coaches li jmorru jgħabbu t-turisti mill-ajruport internazzjonali ta' Malta? Ma jaħsibx li din it-taxxa se żżid l-ispejjeż għal min jopera f'din l-industrija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninstab infurmat li ma saru l-ebda konsultazzjonijiet mal-MTA dwar is-suġġett indikat mill-Onorevoli interpellant.

Bejjiegħa tal-gass

Question

PQ Text: Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4845 li ġiet riferuta lilu u cioe' billi hemm għajdut persistenti li bejjiegħa tal-gass se jibdew jiġu mġiegħla jraqqdu t-trakkijiet tagħhom f'Birżebbuġa wara li jżarmaw, possibbli li l-awtoritajiet konċernati jerġgħu jikkonsidraw din id-deċiżjoni (f'każ li se jiġri hekk) għaliex din se toħloq tbatija żejda lil diversi bejjiegħa tal-gass? Jekk jirriżulta lill-awtoritajiet li hemm min jabbuża u jbiegħ gass barra mir-rotta tiegħu, jista' jara li jitrażżan min jabbuża u mhux jittieħdu passi li jbati minnhom kulħadd?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Kors tal-masters fil-Psikoloġija

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4725, filwaqt li napprezza ferm il-fatt li qed isir sforz biex jerġa' jibda il-kors tal-Masters fil-Psikoloġija, jista' il-Ministru ġentilment jispjega l-ħtieġa li jsir koordinament bejn tliet ministeri differenti? Jaħseb li din hi inizjattiva li trid tittieħed mill-Universita'? Fejn wasal dan il-koordinament bejn it-tliet ministeri? L-Universita' hi rappreżentata jew involuta f'dan l-isforz? X'inhi l-pożizzjoni uffiċjali ta' l-Universita' biex dan il-kors jibda fis-sena akkademika li jmiss? Kemm hi disposta li tagħmel ilparti tagħha l-Universita' biex dan il-kors jibda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li normalment it-tliet Ministeri msemmija huma responsabbli għal oqsma ta' politika u servizzi li jinħtieġu psikologi u hemm min isostni li t-taħriġ speċjalizzat ta' dan il-personal għandu jkollu kontribut finanzjarju speċifiku minn min jinħtieġu. Jien jidhirli li dan il-kors ta' Masters, bħal diversi korsijiet oħra ta' Masters, għandhom isiru regolari mill-Universita'. Għandu jiġi konsidrat ukoll li, peress li dan ikun kors wara li jkun inkiseb l-ewwel Grad ta' Baċellerat, l-Universita' tistabilixxi ħlas għall-kors u sta imbgħad għal employers prospettivi jiddeċiedu iridux jagħtu kontribut.

Sidien ta' karozzini — ġarr ta' turisti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid hux se jagħti ċans lil sidien ta’ karozzini (li jġorru t-turisti) li għandhom xi karozzini bil-liċenzja mhux imħallsa li jħallsuha biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom? X’inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar każijiet fejn it-tfal ta’ dawn is-sidien jixtiequ jibqgħu armati b’dan ix-xogħol iżda qed jistennew iċ-ċans li jkunu jistgħu jħallsu l-liċenzji li għandhom b’lura jew iġeddu permessi antiki ħalli jiġu regolari mal-liġi? Billi taħt il-ministru preċedenti kienu qed isiru sforzi biex dawn jingħataw iċ-ċans li jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom, jista’ jgħid jekk hux beħsiebu jkompli miexi fuq dawn il-passi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-karozzini li l-awtorita taf bihom huma kollha bil-liċenzji u bil-permessi mħallsa. Ma jirriżultax li hawn xi karozzini li m’għandhomx liċenzji u permessi mħallsin. Fil-każ ta’ tfal ta’ sidien ta’ karozzini bil-liċenzja u bil-permess, kemm il-liċenzja u anke il-permess jista’ jiġi trasferit bla ebda ħlas.

Sidien ta' karozzini — Ġarr ta' turisti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid mill-1990 sa din is-sena, sena b’sena, kemm kien hawn karozzini li jġorru t-turisti reġistrati u b’liċenzji mħallsa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Bejn l-1990 u l-2002 il-liċenzji tal-kaorzzini u permessi kienu taħt ir-responsabbilta’ tal-pulizija. Minn Frar ta’ l-2003, l-awtorita’ dwar it-trasport ta’ Malta ingħatat ir-responsabbilta’ tal-liċenzji u permessi tal-karozzini fejn imxejna fuq il-lista li ġiet mogħtija lilna mingħand il-pulizija. L-ammont ta’ karozzini kemm ilhom fir-responsabbilta’ tagħna jammontaw għal 114.

Bejjiegħa tal-gass

Question

Billi hemm għajdut persistenti li bejjiegħa tal-gass se jibdew jiġu mġiegħla jraqqdu t-trakkijiet tagħhom f'Birżebbuġa wara li jżarmaw, possibbli li l-awtoritajiet konċernati jerġgħu jikkonsidraw din id-deċiżjoni (f'każ li se jiġri hekk) għaleix din se toħloq tbatija żejda lil diversi bejjiegħa tal-gass? Jekk jirriżulta lill-awtoritajiet li hemm min jabbuża u jbiegħ gass barra mir-rotta tiegħu, jista' il-Ministru jara li jitrażżan min jabbuża u m hux jittieħdu passi li jbati minnhom kulħadd?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li il-ħażna taċ-ċilindri tal-gas u l-area fejn jitqassam il-gas huma kundizzjonijiet tal-Liċenzja tad-Distribution tal-Gas li tinħareġ mill-Malta Resources Authority u mhux mill-Korporazzjoni Enemalta. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #4766 Sitting 109 2004-03-10 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz pubbliku — Eżami ta' principal officers

Question

Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid meta hemm il-ħsieb li jiġu ngaġġati l-principal officers mas-servizz pubbliku wara li dawn għamlu b'suċċess l-eżamijiet f'Settembru 2003, l-interviews f'Novembru/Diċembru 2003 u r-riżultat kien ħareġ f'Diċembru 2003? Jista' jgħid kemm se jiġu impjegati u meta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 4623 fis-seduta numru 106 ta’ l-1 ta’ Marzu 2004. Nixtieq inżid li fil-ġimgħat li ġejjin ser isir l-ewwel ingaġġ minn fost il-kandidati li għaddew mill-eżami ta’ “Principal”.

MIA — Inċident ta' ajruplan ta' l-Air Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta li qed issir mill-Air Malta fuq l-inċident ta' l-ajruplan ta' l-Air Malta li ħabat ma' arblu fl-ajruport internazzjonali ta' Malta? Min huma l-membri/esperti maħtura biex jagħmlu din l-inkjesta u għandhomx żmien sakemm għandhom jikkonkludu din l-inkjesta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-inkjesta interna mistennija tkun konkluża sas-16 ta' Marzu 2004.

Awtorita' ta' l-avjazzjoni ċivili — Inkjesta dwar l-inċident ta' ajruplan ta' l-Air Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta li qed issir mill-awtorita' ta' l-avjazzjoni ċivili fuq l-inċident ta' l-ajruplan ta' l-Air Malta li ħabat ma' arblu fl-ajruport internazzjonali ta' Malta? Min huma l-membri/esperti maħtura biex jagħmlu din l-inkjesta u għandhomx żmien sakemm għandhom jikkonkludu din l-inkjesta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-inkjesta dwar l-inċident ta' l-ajruplan ta' l-Air Malta li ġrat fid-29 ta' Jannar 2004 għada għaddeja. Din l-inkjesta qegħda ssir taħt ir-Regolamenti ta' 2002 ta' l-Avjazzjoni Ċivili dwar l-investigazzjoni ta' Disgrazzji w Inċidenti ta' l-Ajru mill-Kaptan Dennis Caruana u l-Maġġur Ronald Xuereb li huma maħtura bħala Chief Inspector of Accidents u Inspector of Accidents rispettivament mill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni. Skond l-istess Regolamenti fuq imsemmija, iċ-Chief Inspector of Accidents għandu jara li jiġi ppublikat ir-rapport ta' l-inkjesta fl-iqsar żmien possibli.
Leg 10 PQ #4725 Sitting 108 2004-03-08 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Masters fil-Psikoloġija

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir Masters fil-Psikoloġija minħabba li dan sar darba biss u hemm domanda kbira għalih? Minħabba li hemm għadd ta' gradwati li jkunu ġabu l-B PSY Hons mill-Universita' ta' Malta li qed ikollhom isiefru biex jagħmlu l-Masters, jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni fuq dan il-kors? Jekk hemm il-ħsieb li jsir dan il-kors, meta bejn wieħed u ieħor hu ppjanat li jibda?

Response (GALEA, LOUIS)

Flimkien mal-Ministeru tal-Politika Soċjali u dak tas-Saħħa, qed infittxu l-aħjar triq biex il-kors ta' Masters fil-Psikoloġija jiġi offrut mill-Universita' fis-sena akkademika li jmiss.
Leg 10 PQ #4491 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Casual Ward Clerks — Diviżjoni tas-Saħħa

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li joħorġu applikazzjonijiet biex il-Casual Ward Clerks li fadal impjegati mad-Diviżjoni tas-Saħħa jkunu jistgħu japplikaw biex isiru tal-post? Billi kull ma fadal hu xi 7 casual ward clerks u ilhom impjegati fuq bażi casual għall-snin twal, jista' il-Ministru jara li ladarba dawn qed jagħtu kontribut siewi għandhom jingħataw iċ-ċans li jsiru tal-post?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-postijiet ta' Ward Clerical Assistant jimtlew wara li toħroġ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Lapplikanti jridu joqogħdu għall-eżami bil-miktub u min jgħaddi biss ikun jista' joqgħod għall-intervista mill-Bord tal-Għażla. L-applikanti magħżula mbagħad jiġu mpjegati skond l-ordni tal-mertu. Is-seba' Casual Ward clerical Assistants li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant huma dawk il-persuni li flimkien ma' oħrajn kienu ġew impjegati fis-17 ta' Diċembru 1991 u imbagħad applikaw għal post permanenti meta ħarġet is-sejħa għall-applikazzjonijiet fil-21 t'April 1995. Dawn is-sebgħa kienu weħlu mill-eżami bil-miktub u għalhekk ma setgħux isiru tal-post. Iżda dawn baqgħu miżmuma fl-impieġ tagħhom fuq bażi każwali u għadhom hekk sal-lum.

Anzjani — Servizz ta' home help

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jagħmlu użu mill-home help f'Malta u Għawdex separatament? Kemm ġew impjegati CSA's jew part-time social assistants tul dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.

Anzjani — Servizz ta' home help

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jagħmlu użu mill-home help f'Malta u Għawdex separatament? Kemm ġew impjegati CSA's jew part-time social assistants tul dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ households li qed jibbenefikaw mis-servizz tal-Home Help f’Malta hu 3,739. Għal dak li jirrigwarda l-istess informazzjoni dwar Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.

Ħaż Żabbar Triq Santa Tereża

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 4323, jista' il-Ministru ġentilment jinformani x'passi ħa jew se jieħu d-direttorat għall-immaniġjar tat-traffiku ladarba din it-triq saret no parking mingħajr l-approvazzjoni ta' l-istess direttorat? Jaħseb il-Ministru li d-direttorat għandu obbligu li jieħu passi f'każijiet bħal dawn għax hu inaċċettabbli li ċerti kunsilli lokali saru jiddeċiedu huma fejn jagħmlu one way jew fejn issir no parking? Jista' jinformani x'passi qed jieħu d-direttorat f'dan il-każ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta għamlitha ċara kemm il-darba kemm ma' Kunsill Lokali individwali kif ukoll ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali li kull miżura li tittieħed minn Kunsilli fir-rigward ta' immaniġjar tat-traffiku jrid ikun hemm l-approvazzjoni ta' l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta. Id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku ser jieħu l-passi meħtiega biex jitneħħa n-no parking li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.

WSC — Korsijiet għall-ħaddiema

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3952, jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tagħmilx internal courses għall-fitters jew pipe workers għall-ħaddiema tagħha? X'courses torganizza il-korporazzjoni għax-xogħol u taħriġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha l-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-ilma li jipprovdi programmi sħaħ ta' taħriġ lil impjegati tagħha kollha u oħrajn. Il-fitters tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed isirilhom taħriġ kemm bażiku u aġġornament kif ukoll avvanzat. Apparti minn on-the-job training qed isir kors ta' taħriġ fl-elettriku lill-fitters u taħriġ ieħor f'pipe laying u maintenance. Għadhom kif saru sensiela ta' workshops u konferenza immexxija minn esperti barranin fejn il-fitters tal-Kororazzjoni setgħu jipparteċipaw. Għadu kif sar Training Needs Analysis u se jitwettaq programm ta' taħriġ għal tlett snin li ġejjin fejn l-enfasi se tkun fuq multi-skilling. Apparti taħriġ fis-sena tagħhom l-impjeġati jistgħu igawdu minn taħriġ ieħor tekniku u ta' supervizjoni f'kull livell anke dak universitarju.
Leg 10 PQ #4400 Sitting 103 2004-02-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Korsijiet għall-health assistants

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-gvern jiftaħ courses għall-health assistants? Jekk iva, se ssir sejħa interna mis-servizz pubbliku jew se jiġu ngaġġati minn barra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li skond il-ftehim mal-Unions f'Mejju 1993, il-grad ta' Health Assistant ġie kklassifikat bħala dying grade, fis-sens li ma jsir l-ebda ngaġġ aktar f'dan il-grad ħlief għal dawk il-Hospital Auxiliaries li jkollhom ħmistax-il sena servizz mal-Gvern u li jkunu temmew b'suċċess kors ad hoc organiżżat mid-Diviżjoni tas-Saħħa.