Jista' il-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika tan-numru ta' nurses u midwives li jaħdmu fi kliniċi jew sptarijiet privati? Jekk fl-affermattiv, kemm hu n-numru u xi grad għandhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-istatistika ta' nurses u midwives tgħid li sa l-aħħar tas-sena 2003 fi kliniċi u sptarijiet privati jaħdmu:
173 Staff Nurses
53 Enrolled Nurses
38 Midwives.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn nurses u midwives barranin li għandhom permess jaħdmu f'Malta bħalissa? Minn liema pajjiżi ġejjin u x'inhu l-grad tagħhom? Kemm minnhom jaħdmu fi sptarijiet jew kliniċi pubbliċi u kemm minnhom jaħdmu fi sptarijiet u kliniċi privati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma żżommx statistika ta' kemm hawn infermiera u qwiebel barranin li għandhom permess jaħdmu fi sptarijiet jew kliniċi privati f'Malta. Informazzjoni dwar infermiera barranin li jaħdmu fi Sptarijiet jew Kliniċi Pubbliċi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi 5072, 5073 u 5123, jista' il-Ministru ġentilment jispjega kif minn 92 karozzin liċenzjat sas-sena 2002, dawn żdiedu għal 114?
Ladarba mhux suppost qed jinħarġu permessi ġodda, kif jispjega din iż-żieda fin-numru ta' karozzini liċenzjati, liema żieda jidher li saret kemm ilha li r-responsabbilta' tal-liċenzji u permessi tal-karozzini għaddiet f'idejn l-awtorita' tat-trasport?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Informat li fis-6 ta' Frar 2003, wara li r-responsabbilta' għall-ħruġ tal-liċenzji għadda mingħand il-pulizija għal għand l-awtorita' tat-trasport, il-pulizija għaddiet lista ta' 92 karozzin li kellhom liċenzja valida. Il-maġġoranza tas-sidien ta' dawn il-karozzini kienu ilhom ma jġeddu l-liċenzja għal diversi snin, f'xi każi aktar minn sitt snin. L-awtorita' mill-ewwel ħadet passi biex tibgħat għal dawn is-siden biex iħallsu l-arretrati u jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom.
Waqt li kien għaddej dan il-proċess xi sidien li kellhom liċenzja valida tal-pulizija li kienet ilha ma titħallas u ma kienux inklużi fil-lista oriġinali, avviċinaw lill-awtorita' bil-għan li jġeddu l-liċenzja. Filwaqt li bdew jitħallsu l-arretrati, l-awtorita' tat l-opportunita' lil kull min kellu liċenzja ta' karozzin maħruġa mill-pulizija u mhijiex imġedda sa l-aħħar tal-2002 biex iħallsu l-arretrati u jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Iż-żmien biex isir dan l-eżerċizzju kien sa l-aħħar ta' Diċembru 2003 meta kellhom jinħarġu l-pjanċi l-ġodda. Wara li tlesta dan l-eżerċizzju, in-numru ta' liċenzji validi tela' għal 114. dawn jinkludu 2 karozzelli u 3 karozzini li ma jarmawx fuq il-venda, iżda jintużaw għat-tiġrijiet biss.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5097 u cioe' jista' jgħid x'inhu l-istaff complement ta' l-Institute of Health Care fejn jirrigwardjaw il-courses tan-nurses?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li in-numru ta' staff akkademiku fl-Istitut Għall-Ħarsien Tas-Saħħa li jagħtu sehemhom fil-korsijiet tan-nurses hu kif ġej:-
Part-Time 24
Full-Time 27 (15 minn dawn għandhom full-time release mid-dipartiment tas-saħħa)
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kif tikkompara Malta ma' pajjiżi Ewropej fejn tidħol is-survival rate ta' cancer tal-bladder?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Malta tikkompara tajjeb ħafna fejn jidħol is-survival rate wara 5 snin mid-dijanjosi tal-kanċer tal-bladder. Fil-fatt Malta qegħda fit-tielet post fost il-pajjiżi tal-EU. Dan skond rapport datat 20 t'April 2004 maħruġ mill-Unjoni Ewropea li tiegħu qiegħed nipproduċi estratt.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 1684 li ngħatat fis-seduta nru. 38 nhar id-29 ta' Settembru 2003, peress li issa għaddew erbgħa xhur mis-sena 2004, jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta l-pjan għan-nofsinhar ta' Malta ħareġ għal konsultazzjoni pubblika u meta se jkun iffinalizzat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-abozz tal-Pjan Lokali għan-nofsinhar ta' Malta jinsab fi stadju ta' preparazzjoni avvanzata iżda għad hemm proċedura ta' konsultazzjoni interna li trid isseħħ qabel ma' dan l-abbozz jitressaq quddiem il-Bord tal-Awtorita' ta' Malta dwar l_Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-approvazzjoni tiegħu biex ikun jista' jinħareġ għal konsultazzjoni pubblika.
Institute of Health Care — Diploma in Psychiatric Nursing
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm iggradwaw studenti mill-Institute of Health Care f'diploma in Pyschiatric Nursing?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta' studenti li ggradwaw mill-Institute of Health Care fid-Diploma in Psychiatric Nursing huwa:-
Sena Numru ta' Gradwati
1994 24
1997 2
1998 3
1999 5
2000 7
2001 0
2002 5
2003 2
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi nru 5073 jista l-Ministru ġentilment jgħid bejn l-1990 u l-2002 kemm kien hawn karozzini (li jġorru t-turisti) liċenzjati u mħallsa billi f'dan il-perjodu, skond it-tweġiba li ngħatajt fil-mistoqsija 5073 intqal li f'dan il-perjodu l-liċenzji kienu joħorġu mill-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata. Infurmat ukoll illi sakemm il-liċenzji tal-karozzini kienu jinħarġu mill-Pulizija kien hemm 92 karozzin reġistrat.
B'referenza għall-mistoqsija tiegħi nru 5010 jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb din il-mistoqisja għaliex l-istess mistoqsija kienet diġa saret lill-Ministru għat-Teknologija ta' l-Informazzjoni u l-Investiment (nru 4845) u kien l-istess Ministru li fit-tweġiba tiegħu qal li "il-ħażna taċ-ċilindri tal-gass u l-area fejn jitqassam il-gass huma kundizzjonijiet tal-Licenzji tad-Distribution tal-Gass li tinħareġ mill-Malta Resources Authority u mhux mill-Korporazzjoni Enemalta...."?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li fil-preżent hemm ftehim, li ilu fis-seħħ għal ħafna snin, bejn iċ-Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta u kull distributur tal-gass, li jgħid f'Art. 3 (b):-
"
Id-distributur huwa pprojbit illi jaħżen ċilindri kemm jekk mimlija jew kemm jekk vojta, jekk mhux fl-impjant
ta' Birżebbugia jew f'xi post ieħor approvat mill-Korporazzjoni u l-Awtoritajiet tal-Pulizija."
Ma hemm l-ebda liċenzja ġdida li tirregola d-distributuri tal-gass jew bidla fil-kundizzjonijiet mill-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi.
F'dak li għandu x'jaqsam għall-futur, ser joħorġu regolamenti li jirregolaw il-ġarr ta' merkanzija perikoluża fit-toroq, inkluż l-ipparkjar tat-trakkijiet. Dan ser isir permezz ta' Avviż Legali Nru. 211/2003 li ser jidħol fis-seħħ mill-1 ta' Mejju 2004 u huwa amministrat mill- Awtorita' tat-Trasport.
Fejn jorqdu t-trakkijiet tal-gass ma għandu x'jaqsam xejn ma' xi distributur li jbiegħ gass barra mir-rotta tiegħu.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar Artijiet akkwistati mill-Gvern mis-sena 1987 sal-lum?
Kemm minn dawk il-kawżi ġew mgħoddija lill-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) għal deċiżjoni minn dik il-Qorti:
(1) rigward dewmien fil-proċeduri amministrattivi u
(2) rigward dewmien fi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien raġonevoli?
Kemm hu maħsub li jammonta globalment: (a) dak il-kumpens u; (b) kemm jammontaw l-interessi fuq l-istess kieku dawk il-pendenzi kellhom jitħallsu llum?
Meta hu maħsub li l-pendenzi li għandu l-gvern mal-privat jiġu riżolti u mħallsa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
Quddiem il-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar Artijiet akkwistati mill-Gvern, mis-sena 1987 sal-lum, hemm 269 kawżi pendenti;
11 (ħdax) minn dawn il-kawżi ġew mgħoddija lill-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali, għal deċiżjoni min dik il-Qorti, li kollha jirrigwardjaw dewmien fil-ħlas ta' kumpens xieraq. In oltre 4 (erbgħa) minn dawn il-ħdax jirrigwardjaw dewmien fil-proċedura amministrattiva;
Il-kumpens kif inhu stmat mid-Dipartiment tal-Artijiet jammonta għal madwar Lm558,568. Imma ma nistax ngħid kemm jista' jkun il-kumpens u l-interessi meta il-Bord ta' l-Arbitraġġ jiddeċiedi l-kawżi. L-interessi fuq l-istess kumpens jammontaw għal madwar Lm100,975.
Il-Gvern qiegħed jagħmel l-isforzi tiegħu kollha biex il-ħlas għal artijiet li ġew akkwistati, jitħaffu.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk minbarra l-bridge ta’ Regional Road ġewx eżaminati bridges u pontijiet oħra f'Malta u Għawdex?
Jekk iva, liema huma u meta ġew eżaminati u minn min?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat li minbarra l-bridge ta' Regional Road ġew spezzjonati wkoll 23 oħra li jinsabu fuq it-Ten-T network. Dawn ġew eżaminati minn bridge engineer tal-kumpannija Franċiża BCEOM li ħadet it-tender biex tagħmel l-istudji ta' feasibility and environmental impact assessment li huma ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Pulizija għandhiex il-poter esklussiv li tistalla speed cameras fit-toroq f'Malta u Għawdex?
Tista’ xi entita’ oħra, apparti l-Pulizija, tistalla speed cameras?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-użu ta' l-speed cameras huwa regolat bir-regolament 127 tar-Regolamenti ta' l-1994 dwar il-Vetturi bil-Mutur.
B'riferenza għal diversi mistoqsijiet oħra tiegħi, jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex waslu t-traffic lights fil-junction ta' Triq tal-Barrani ma' Triq il-25 ta' Novembru, fiż-Żejtun?
Billi kif sostnejt drabi oħra din il-junction hija ferm perikoluża, jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi fil-ġimgħat li għaddew id-dipartiment tal-kuntratti ħareġ sejħa għal xogħlijiet li jinkorporaw il-kostruzzjoni meħtieġa biex jiġu nstallati t-traffic lights fit-Triq tal-Barrani hekk kif toħroġ miż-Żejtun. Din is-sejħa għalqet u għalhekk bħalissa dawn ix-xogħlijiet qegħdin f'fażi ta' aġġudikazzjoni u huwa maħsub li jibdew eżatt wara kif jispiċċa dan il-proċess.
Kemm kien hemm każi ta' bullying fl-iskejjel ta’ l-istat irrapportati mis-sena 2000 sa l-1 ta' April ta’ din is-sena, sena b'sena?
Jista’ l-Ministru ġentilment jispjega b'mod ġenerali x'passi tieħu d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni meta jkollha rapporti bħal dawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li l-Anti-Bullying Section, fi ħdan is-Sezzjoni "Student Services" bdiet taħdem formalment mis-sena skolastika 2002-2003 u l-istatika bdiet tinżamm minn dak iż-żmien.
Infurmat ukoll li fis-sena skolastika 2002-2003, kienu rrappurtati 53 każ mill-iskejjel kollha (ta' l-istat, tal-Knisja u privati). Fis-sena skolastika 2003-2004 (sa issa) ġew irrappurtati 130 każ ġdid mill-iskejjel kollha (ta' l-istat, tal-Knisja u Privati ).
Dawn huma l-passi li jittieħdu :
1) l-ewwel isiru appuntamenti mal-Kapijiet ta' l-iskejjel u jitfassal programm għall-iskola jew għall-klassi partikolari ;
2) Isiru kuntatti ma' l-individwi , kemm il-vitma u l-bully;
3) Fejn hemm bżonn, isir xogħol mal-klassi speċjalment fejn jidher li teżisti l-kultura tal-bullying;
4) Il-ġenituri ta' dawk konċernati jiġu wkoll inklużi fil-programm, jekk u kemm ikun hemm bżonn;
5) Isiru follow-ups kemm hemm bżonn sakemm naraw li sar progress minn kull naha.
Skejjel tal-Knisja/skejjel privati — Każi ta' bullying
Question
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk l-iskejjel tal-Knisja jew dawk privati jingħatawx gwida mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar kif għandhom jittrattaw każijiet ta' bullying?
Huma obbligati li jirraportaw każijiet bħal dawn lid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni?
Tinżamm xi forma ta' statistika ta' każijiet ta' bullying fl-iskejjel privati jew tal-Knisja?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li referrals dwar il-bullying jiġu minn għand il-Kapijiiet ta' l-Iskejjel, mill-ġenituri, u minn Aġenziji oħra, speċjalment il-179 u xi drabi l-Apoġġ. Xi drabi ġenituri jagħmlu kuntatt wara xi laqgħa għalihom mill-Kapijiet ta' l-iskola.
Infurmat ukoll li l-iskejjel tal-Knisja u dawk Privati ġew mogħtija kopji tal-Policy Nazzjonali "L-Imġieba Tajba fl-Iskejjel" għall-għalliema kollha u għall-Amministrazzjoni ta' l-Iskola.
Isiru In-Service Courses għall-għalliema kollha (u dawk jinkludu l-iskejjel tal-Knisja u dawk Privati) darbtejn fis-sena. L-attendenza għal dawn il-korsijiet hija voluntarja.
L-iskejjel huma nfurmati dwar is-servizz ta' l-Anti-Bullying Service permezz ta' lis-"Student Services Booklet", mill-Guidance Teachers, mill-media u risorsi oħra.
L-iskejjel tal-Knisja u dawk Privati m'humiex obbligati li jirrappurtaw każijiet bħal dawn lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Minn dawk l-iskejjel, il-każijiet jaslu għandna mill-istudenti nfushom, jew minn Aġenziji oħra, u saru ta' referrals.
L-istatistika ta' każijiet ta' bullying fl-iskejjel Privati jew tal-Knisja huma miżmumin flimkien bħala statistika waħda, u mhux separatament.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm kien hemm każi rappurtati jew/u investigati mill-pulizija ta' abbuż ta' tfal mis-sena 2000 sena b'sena sa l-1 ta' April 2004?
Kemm minn dawn il-każi tressqu l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
2000
2001
2002
2003
2004*
Numru ta’ każi rrappurtati lill-Pulizija
28
12
19
26
10
Numru ta’ persuni mressqa l-Qorti
14
11
17
26
9
*sal-31.03.04
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm minn nurses li jaħdmu l-isptar Monte Carmeli huma mental registered nurses jew inkella għandhom diploma in Psychiatric nursing jew xi kwalifika oħra relatata mal-psikjatrija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fl-Isptar Monte Carmeli hemm b'kollox 33 nurse li għandhom it-taħriġ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm ittieħdu passi mill-pulizija kontra moħqrija ta' l-annimali minn meta għaddiet il-liġi kontra l-moħqrija ta' l-annimali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn meta daħal fis-seħħ l-Att ta' l-2001 Dwar it-Trattament Xieraq ta' l-Annimali, kien hemm 46 persuna li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija dwar moħqrija fuq annimali.