Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn — Rapporti ta' prostituzzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid: 1) kemm saru raids mill-pulizija fil-lokalita' ta' Wied il-Għajn minħabba rapporti ta' prostituzzjoni minn tfajliet barranin? 2) Kemm tressqu nies il-qorti minn din il-lokalita' fuq l-istess akkużi? 3) Mingħajr ma jsemmi ismijiet, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi stabbiliment fejn il-pulizija sabu għal aktar minn darba tfajliet barranin li kienu qed jintużaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni? 4) Jekk ir-risposta għall-mistoqsija nru. 3 hi fl-affermattiv, kemm-il darba? 5) Jista' ġentilment iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, il-Pulizija għamlet tlett tfittxijiet fl-inħawi ta' Wied il-Għajn minħabba prostituzzjoni. B'riżultat ta' dan, tressqu l-Qorti erba' persuni. Infurmat ukoll illi kien hemm stabbiliment wieħed fejn is-sena l-oħra kien instabu nisa barranin bi skop ta' prostituzzjoni.

Casual Substitute Clerks

Question

Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Casual Substitute Clerks li qed jaħdmu fuq bażi regolari f'diversi dipartimenti tal-Gvern isiru tal-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li t-tweġiba għal din il-mistoqsija Parlamentari hija fin-negattiv, proprju għaliex din il-kategorija ta’ ħaddiema tkun qed tissostitwixxi lil min hu mpjegat permanenti imma li jkun assenti għal perjodu ta’ żmien limitat. (Tweġiba mogħtija: 28/06/2004PM) (Seduta Numru: 144)

Ilma riċiklat

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6113 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u cioe' jista' ġentilment jgħid jekk sarux xi testijiet biex jikkonferma li l-użu ta' l-ilma riċiklat li qed jintuża għat-tisqija mhux qed ikun ta' dannu għas-saħħa pubblika u għall-ambjent?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-testijiet fuq l-ilma prodott mill-impjant ta' Sant Antnin isiru kuljum fil-laboratorju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma. Dawn it-testijiet jiżguraw li l-ilma huwa totalment disinfettat sakemm jidher fih traċċi ta' "free chlorine". Jittieħdu wkoll kuljum readings ta' l-imluħa fl-ilma (conductivity).

Żejtun — Maltapost branch - kaxxa ta' l-ittri

Question

Possibbli l-Maltapost tikkonsidra li fil-branch li fetħet fi Triq id-Duluri, fiż-Żejtun tagħmel kaxxa ta' l-ittri biswit il-branch għax m'hemmx waħda fil-viċinanzi u din il-kaxxa tkun handy ħdejn il-branch tal-posta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li, kuntrarju għal dak li qed jingħad, jiġifieri li m'hemmx kaxxa ta' l-ittra fil-vicinanzi, hemm żewġ kaxxi fil-qrib, waħda fi Triq San Girgor 50 metru bogħod, u l-oħra fi Triq Santu Wistin. Ta' min jgħid ukoll li dik li nfethet fi Triq id-Duluri, u li qed jirreferi għaliha l-interpellant, mhix fergħa tal-posta iżda semplicement centru (Hub) mnejn il-pustiera joħorġu biex iqassmu l-posta. Il-fergħa tal-posta fiz-Zejtun tinsab iktar vicin il-pjazza.

Servizz Ċivili — Użu tal-lingwa Maltija

Question

Possibbli l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jerġa' jagħti struzzjonijiet lil kapijiet tad-dipartimenti biex jimxi skond iċ-ċirkolari OPM 52/87 datata 4 ta' Ġunju, 1987, dwar l-użu tal-lingwa Maltija meta jkunu qed jikkorrispondu bejn dipartiment u ieħor u mal-pubbliku kif ukoll f'formoli uffiċjali wżati fl-istess dipartimenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi minn żmien għal żmien joħorġu ċirkularitajiet dwar l-użu tal-lingwa Maltija f’korrispondenza uffiċjali. Se jittieħdu l-passi neċessarji biex jiġi mwettaq is-suġġeriment magħmul mill-Onorevoli Interpellant biex il-Kapijiet tad-Dipartimenti jiġu mfakkra dwar l-importanza ta’ l-użu tal-lingwa Maltija f’korrispondenza uffiċjali.

Ħal Luqa Sezzjoni tal-Kwarantina — qattus maħrub

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6086, jista' il-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija, jiġifieri x'kumpens ta d-dipartiment konċernat lil sid dan il-pet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għall-aħħar parti tat-tweġiba li kont tajt għall-mistoqsija parlamentari nru. 6086.

Żejtun — Maltapost branch - kaxxa ta' l-ittri

Question

Possibbli l-Maltapost tikkonsidra li fil-branch li fetħet fi Triq id-Duluri, fiż-Żejtun tagħmel kaxxa ta' l-ittri biswit il-branch għax m'hemmx waħda fil-viċinanzi u din il-kaxxa tkun handy ħdejn il-branch tal-posta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Nurses barranin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6002 u cioe' jista' ġentilment jgħid x'inhuma l-kriterji stabbiliti li jintużaw biex nurses barranin jiġu reġistrati Malta? Possibli jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-kriterji? Dawn il-kriterji huma l-istess użati f'pajjiżi oħra ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-kriterji użati mill-Kunsill tal-Infermiera u Qwiebel biex jirreġistra nurses barranin huma l-istess bħal dawk użati biex jirreġistra nurses Maltin. Dawn il-kriterji huma l-istess bħal dawk użati f'pajjiżi oħra tal-Ewropa. Kopja tal-kriterji qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Wied il-Għajn — Xiri ta' proprjeta'

Question

Peress li kostitwenti li jixtiequ jixtru proprjeta' fi Triq Salvu Buhagiar, Wied il-Għajn għandhom bżonn ċertifikat mill-MEPA biex jottjenu self għal dak l-iskop u peress li l-proprjeta' taħbat fit-tielet sular u d-DCC riċentement ċaħħdet applikazzjonijiet għat-tielet sular f'dik it-triq, jista' il-Ministru jinvestiga għaliex meta hemm proprjetajiet bi tlieta u anke erba' sulari f'dik it-triq u dawn għandhom is-servizzi ta' l-ilma u tad-dawl, il-MEPA qed titlob lill-istess kostitwenti biex imorru fl-uffiċċju tagħhom biex jingħataw ċertifikat tat-twettiq għall-iskop imsemmi? Għaliex talbiet ta' din ix-xorta ma jistgħux jinqdew anke bis-servizz tal-mezzi elettroniċi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li servizz ta' dawl u ilma huwa pprovdut wara li l-Awtorita` ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) taċċetta id-dikjarazzjoni tal-perit li l-iżvilupp sar skond il-permessi relevanti. Dawn id-dikjarazzjonijiet jirrikjedu s-sottomissjoni ta' dokumenti awtentiċi minn perit, liema dokumenti, wara verifikazzjoni mill-Awtorita', huma meħtieġa sabiex wieħed japplika għal servizz ta' dawl u ilma. Sistema elettronika li tista’ tiffaċilita dan hija ppjanata li sseħħ bħala parti mill-programm ta' eGovernment.

Użu ta' ilma riċiklat

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk sarux xi testijiet biex jikkonferma li l-użu ta' l-ilma riċiklat li qed jintuża għat-tisqija mhux qed ikun ta' dannu għas-saħħa pubblika u għall-ambjent?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li peress lil-użu ta' l-ilma riċiklat li ser jintuża għat-tisqija jaqa` taħt ir-responsabbilita` tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, nissuġġerixxi li jirreferi tali mistoqsija lill-Ministru responsabbli minn tali Dipartiment.

Żabbar — Triq in-Nissieġ

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titwessa' Triq in-Nissieġ, Żabbar (fil-parti d-dejqa li tagħti għal Triq San Ġużepp, Żabbar) għaliex fi Triq in-Nissieġ, hemm sidien tal-karozzi tal-linja ġodda li għandhom il-garages tagħhom f'din it-triq u qed isibu problema biex jidħlu għall-garages tagħhom minħabba l-parti dejqa tat-triq? Saret talba mill-kunsill lokali ta' Ħaż Żabbar biex din il-parti tat-triq titwessa'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi t-triq imsemmija ġiet spezzjonata minn perit ta' l-awtorita' dwar it-trasport u nstab illi biex din tkun tista' titwessa' trid tittieħed parti minn għalqa li tinsab faċċata ta' l-imsemmija garages. L-awtorita' mistennija tibda t-taħditiet ma' l-awtorita' għall-ambjent u l-ippjanar sabiex jiġi stabbilit x'l-aħjar li jsir biex ikun jista' jitneħħa l-inkonvenjent għar-residenti.

Zona industrijali għall-intrapriżi

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex wasal il-pjan tal-gvern imħabbar mis-segretarjat għas-self-employed li jipprovdi biċċa art biex tiġi żviluppata f'zona industrijali għall-intrapriżi lokali li jkunu jridu jkabbru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord tal-MEPA approva erbatax-il sit madwar Malta filwaqt li ser jitressaq appell quddiem il-Bord biex terġa tkun ikkunsidrata t-talba għal sit f'Għawdex. Sa dan it-tant, qegħdin isiru tħejjijiet mis-Segretarjat għas-Self Employed u Entrapriżi ż-żgħar biex is-sidien ta' l-artijiet magħżula jiffirmaw ftehim mal-Gvern qabel ma titressaq it-talba għal-Partial Review ta' l-Istructure Plan fil-Parlament.

Wied il-Għajn — Triq it-Tiben

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet oħra preċedenti tiegħi dwar Triq it-Tiben, f'Wied il-Għajn, jista' il-Ministru ġentilment jagħtini indikazzjoni meta hu maħsub li ssir din it-triq għax minkejja li hemm diversi residenti għadha qatt ma saret? Din it-triq qiegħda fil-lista ta' toroq ta' priorita' li jridu jsiru f'Wied il-Għajn?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi fil-preżent l-awtorita' dwar it-trasport qegħda taġġorna l-informazzjoni tagħha dwar toroq li għad iridu jsiru madwar Malta kollha u Triq it-Tiben mistennija tiġi nkluża f'dan il-programm sabiex ix-xogħol meħtie/ ikun jista' jsir aktar 'il quddiem.

Toroq ġodda

Question

Jista' il-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra informazzjoni bil-persentaġġ ta' toroq ġodda ta' kull lokalita' f'Malta u Għawdex li għad iridu jsiru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi fil-preżent l-awtorita' dwar it-trasport qegħda taġġorna l-informazzjoni tagħha dwar toroq li għad iridu jsiru madwar Malta kollha.

Ħal Luqa — Sezzjoni tal-Kwarantina - qattus maħrub

Question

B'referenza għall-każ imressaq quddiem l-ombudsman minn mara barranija li ġiet informata li l-qattus tagħha tat-tip European persian breed u li ġabitu minn barra kien ħarab minn fejn kien qed jinżamm fis-sezzjoni tal-Kwarantina f'Ħal Luqa, jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mid-diviżjoni konċernata wara li l-ombudsman ikkonkluda ''that the disappearance of the cat was attributed to failure by the food and veterinary regulation division to ensure that while the pet was held in quarantine under its responsibility, it was kept in a properly maintained place'' (ombudsman case notes, April 2004, number 17, case no: D 259)? Jista' jgħid x'xogħlijiet saru jew qed isiru mid-dipartiment konċernat biex il-post ikun iktar sigur u biex jiġi assigurat li inċidenti oħra bħal dawn ma jiġrux fil-futur? X'kumpens ta d-dipartiment konċernat lil sid dan il-pet? Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqisjiet waħda waħda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fil-kwarantina qed isir xogħol estensiv biex inċidenti bħal dak imsemmi ma jerġgħux iseħħu. Fost dawn insibu li twaħħal wire netting ġdid, bieb ta' l-aluminium biex ikun hemm double doors li jagħmel inċidenti bħal dawn diffiċli biex jerġgħu jitwettqu. Sa issa għadu ma ingħata l-ebda kumpens.

Żejtun — Wied iz-Ziju - kanal ta' l-ilma

Question

Possibbli jiġi mnaddaf kanal ta' l-ilma li hemm f'Wied iz-Ziju, fiż-Żejtun/Wied il-Għajn li qiegħed biswit l-impjant tar-riċiklaġġ għaliex biex jitnaddaf iridu jidħlu f'għelieqi ta' bdiewa u dan jista' isir biss kif m'hemmx prodotti miżrugħa?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.

Servizz Pubbliku

Question

Fid-dawl li l-Unjoni Ewropea għandha kodiċi ta' etika maħruġ mill-Ombudsman ta' l-Unjoni Ewropea għall-istituzzjonijiet ta' l-istess Unjoni, jaqbel il-Prim Ministru li l-Ombudsman jista' jiġi mitlub jagħmel draft lill-Parlament Malti dwar kif il-membri tas-servizz ċivili għandhom iġibu ruħhom mal-pubbliku sew meta jkollhom inkontru personali kif ukoll meta jkunu qed jittrattaw u/jew iwieġbu korrispondenza?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Diġà jeżistu struzzjonijiet dwar kif uffiċjali pubbliċi għandhom iġibu ruħhom mal-pubbliku. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant lejn il-Kodiċi ta’ l-Etika għall-Impjegati fis-Settur Pubbliku, li nħareġ fl-1994. Il-Kodiċi huwa riprodott bħala skeda fl-abbozz ta’ l-Att dwar is-Servizz Pubbliku li ġie ppublikat bħala white paper f’Ottubru ta’ l-2003. Istruzzjonijiet iżjed dettaljati jinsabu fiċ-Ċirkulari nru 3/2001 maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fit-22 ta’ Jannar 2001. Din iċ-ċirkulari tirriproduċi wkoll linji gwida li nħarġu mill-Ombudsman dwar kif għandu jingħata servizz b’mod sew, ġust u mparzjali.

Water table

Question

Qatt saru testijiet biex jiġi assigurat li l-water table mhix qed tiġi kontaminata b'ilma kontaminat b'bexx jew kimiki jew b'ilma riċiklat li jista' ikun mhux ta' kwalita' tajba?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li jsiru testijiet sabiex jiġu ddentifikati sustanzi kimiki li jiġu mill-bexx u minn tniġġis ieħor jekk u meta dawn ikunu preżenti fl-ilma tax-xorb. S'issa qatt ma rriżulta preżenza ta' dawn, la fl-ilma tal-water table u lanqas fl-ilma li jasal għand il-konsumatur fil-vit.

Żejtun — Triq Strejnu - traffic island

Question

B'riferenza ghall-mistoqsija parlamentari 22526 li kont għamilt f'Jannar 2001 fil-leġislatura l-oħra dwar il-ħtiega ta' traffic island fil-junction ta' fejn Triq Strejnu tingħaqad mal-bypass li nfetħet snin ilu fi Triq id-Daħla ta' San Tumas, Żejtun/Wied il-Għajn, jista' il-Ministru ġentilment jispjegali għalfejn din it-traffic island baqghet ma saritx meta din il-junction tant hi perikoluza?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi meta x-xogħol kien se jsir minn naħa tad-direttorat, il-kunsill tal-lokal ma qabilx għax kienu se jiġu effettwati entraturi tal-proprjetajiet privati fil-lokal. Għalhekk minflok inbniet it-traffic island, saret iż-żebgħa ma l-art biex tkun ta' gwida għal min jgħaddi mil-lokalita'.