Possibbli jittieħdu passi biex jiġu mnaddfa l-inħawi ħdejn il-monument ta' l-RAF f'bieb il-Belt li hu mitluq b'siġar mejta, pajpijiet imsadda u ħmieġ ieħor?
Billi dan hu post ċentrali fejn ta' kuljum jgħaddu għadd ta' Maltin u turisti, possibbli jittieħdu passi mmedjati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inħawi msemmija jaqaw taħt ir-responsabilta' ta' l-Environmental Landscapes Consortium. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6734 dwar breakwater f'Delimara li tkisser, possibbli l-korporazzjoni Enemalta tirranġa dan il-breakwater billi hemm riskju li bil-maltemp issir ħsara lil xi opri tas-sajd ta' sajjieda Xlukkajri?
Billi fil-mistoqsija parlamentari tiegħi 6734 intqal li dan il-breakwater hu responsabbilta' tal-korporazzjoni Enemalta, possibbli jgħid jekk il-korporazzjoni Enemalta hux se tirranġa dan il-breakwater?
Response (GATT, AUSTIN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond il-liġi l-"breakwater" mhux responsabilta' tal-Enemalta.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 6575, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem id-diversi bordijiet u/jew tribunali li ġew effettwati bis-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali u li se jiġu riferuti lura lill-istess bordijiet u/jew tribunali per konsegwenza ta' dik id-deċiżjoni? Rigward il-fatt li r-rimedju tar-rikors jibqa' applikabbli f'dawk il-każi (kif dejjem kien), jista' jgħid: 1) kemm tiswilu finanzjarjament individwu li jkollu jagħmel tali rikors? 2) kemm jieħu żmien wara li jiġi intavolat dak ir-rikors, biex jiġi appuntat u deċiż? Kien hemm xi riżultat dwar l-eżami tas-sitwazzjoni li kellu jsir mill-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali?
Response (BORG, TONIO)
Għar-rigward l-ewwel parti tad-domanda l-Onor. Interpellant huwa nfurmat li n-numru ta' kawżi pendenti li huwa mistenni li ser jiġu effetwati huma tlieta.
Għar-rigward it-tieni parti tad-domanda l-ispejjeż involuti huma s-segwenti: presentata tar-rikors kostituzzjonali jiswa Lm25, hemm Lm50 dritt tar-Reġistru u Lm3 għal kull notifika, d-dritt tal-konsulent legali jvarja minn Lm20 sa Lm300, t-tieni ż-żmien involut jibda billi tali rikors jiġi appuntat fi żmien tmint ijiem tax-xogħol pero' ma hemmx regola ta' kemm idum ma jiġi deċiż għalkemm il-liġi tippresumi li dawn jinqagħtu malajr kemm jista' jkun.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li l-Avukat Ġenerali ma jidhirlux li hemm xi ħtieġa għal tibdil fil-pożizzjoni preżenti.
B'riferenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari li għamilt fuq il-liċenzji tal-karozzini, jista' il-Ministru ġentilment jinformani jekk il-gvern hux beħsiebu joħroġ liċenzji ġodda għal min għandu l-karozzin iżda m'għandux liċenzja?
Jista' il-Ministru jinnota li jekk jibqgħu miżmumin il-liċenzji se jibqa' ikun hemm monopolju f'idejn ftit nies li għandhom il-liċenzja tant li permess qed jinbiegħ bi prezz esaġerat ta' eluf ta' liri?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita' dwar it-Trasport tixtieq tavża' lill-Onorevoli interpellant li għal issa m'hemmx ħsieb li jinħarġu liċenzji ġodda għal min għandu karozzin bla liċenzja.
B'referenza għall-mistoqsija tiegħi numru 5889, jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx deċiżjoni min-naħa tal-kumitat tal-kuntratti dwar il-ħruġ tal-letter of acceptance biex isiru t-traffic lights fi Triq tal-Barrani, Żejtun, issa li għaddew xahrejn minn dik ir-risposta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5889.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jiġi rranġat il-break water tal-power station għax issa ilu mkisser?
Billi hemm riskju li l-maltemp ikisser xi opri tas-sajd tas-sajjieda Xlukkajri, possibbli dan jingħata priorita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi dan il-moll kien inbena mill-Enemalta li allura hija responsabbli wkoll għall-manutenzjoni tiegħu. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla u jitlesta l-masġar taż-żebbuġ li hemm f'Garden Road, Żabbar? Billi jekk jiġi rranġat dan il-masġar ikun jista' jitgawda mhux biss miż-Żabbarin imma anke mill-komunita' tal-Kottonera, possibbli li jsir sforz biex dan jitlesta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li dan il-masġar jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali Żabbar. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Peress li dan l-aħħar il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet, wara diversi deċiżjonijiet mill-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) li kawżi riferuti lilha rigward provedimenti Kostituzzjonali għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem minn bordijiet u tribunali ma setgħux hekk jiġu riferuti minħabba li tali tribunali u/jew bordijiet ma ġewx konsidrati b ħala Qorti. Jidhirlu l-Viċi Prim Ministru li għandhom isiru xi emendi jew regolamenti lokalment f'dak ir-rigward biex wieħed inaqqas il-frustrazzjoni ta' nies li jkollhom tali kawżi u ma jieħdux dak li ħaqqhom fi żmien konsidrat bħala wieħed raġonevoli?
Response (BORG, TONIO)
Is-sitwazzjoni qegħda tiġi eżaminata mill-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali iżda nirreleva lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjonijiet li semma ma jfissirx li nies li jkollhom kawżi quddiem Bordijiet jew Tribunali ma għandhomx rimedji kostituzzjonali għal dewmien irraġonevoli. Ir-rimedji possibli huma tnjen: jew b'riferenza jew b'rikors. Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li r-rimedju ta' riferenza ma hux applikabbli għal proċeduri quddiem Bordijiet/Tribunali. Ir-rimedju tar-rikors, iżda, jibqa' applikabbli.
B'riferenza għall-mistoqsijiet preċedenti tiegħi, possibbli jittieħdu passi biex jiġi aċċertat il-fair way fil-bajja ta' Wied il-Għajn għax hemm sajjieda li huma full timers li ma jistgħux jidħlu u joħorġu minn din il-bajja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-proċess tal-fairway fil-bajja ta' Marsaskala beda bil-ħruġ ta' l-Avviż għal Baħħara f'Marzu li għadda.
F'każijiet bħal dawn, l-Awtorita' Marittima tipprova tilħaq il-kunsens mal-partijiet konċernati. F'dan il-każ qegħdin isiru diskussjonijiet ma' l-Għaqda Dilettanti ta' Marsaskala peress li wisq probabbli ser ikun hemm bżonn isiru diversi ċaqlieq ta' dgħajjes u mażżri. Il-koperazzjoni bejn il-partijiet kollha konċernati, f'każijiet bħal dawn, hija mportanti ħafna sabiex din il-materja tiġi konkluża f'qasir żmien.
Bord ta' Kummissarji — Appelli dwar Taxxa fuq dokumenti u Trasferimenti
Question
Jista' il-Prim Ministru jindika minn fejn wieħed jista' jakkwista' kopji ta' deċiżjonijiet mogħtija mill-Bord tal-Kummissarji Speċjali wara appelli dwar Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap. 364)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wieħed jista’ jakkwista kopji ta’deċiżjonijiet mogħtija mill-Bord tal-Kummissarji Speċjali wara appelli dwar Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap 364) mingħand is-Segretarja tal-Bord tal-Kummissarji Speċjali mid-Dipartiment tal-Capital Transfer Duty, 46, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta.
Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6428 u cioe' jista' jgħid jekk l-ajruplan li għamel it-titjira minn Ruma għal Malta KM615 ta' nhar is-Sibt 26 ta' Ġunju 2004 u li wasal Malta għall-ħabta tat-8.30 p.m. ġiex ipparkjat fil-parti ta' l-airport fejn proprju kien ġara l-inċident ta' ajruplan ieħor ta' l-Air Malta li kien ħabat ma' arblu u għamel ħsarat konsiderevoli?
Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li pparkja hemm meta fl-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Saviour Demicoli kien ikkonkluda li din il-parti ta' l-ajruport hi nieqsa minn ċerti faċilitajiet u li setgħu wasslu għall-inċident imsemmi?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat illi l-ajruplan bit-titjira KM615 tas-26 ta' Ġunju ma kienx ipparkjat kif semma l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu.
Possibbli jittieħdu passi biex il-car park ta' Għar Dalam fejn ta' kuljum imorru għadd ta' turisti, jitnaddaf għax ilu fuq xahar biż-żibel miġbur gozz f'nofs il-car park u tħalla hemm?
Jista' jgħid min hu responsabbli li jitnaddaf dan il-post?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-responsabbilta` tat-tindif tal-car park ta' Għar Dalam jaqa' taħt il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Ninsab infurmat ukoll li d-dipartiment konċernat ġie mgħarraf bis-sitwazzjoni preżenti.
Kemm kien il-kont li l-Gvern ħallas lill-Enemalta għal-provvista tal-kurrent elettriku biex jinxtegħlu t-toroq ta' Malta matul is-sena 2003? Kemm kien il-kont għal-konsum fl-ewwel 6 xhur ta din is-sena, 2004? Kemm kien il-kont għal-konsum għall-provvista tal-kurrent eletriku li ħallas il-Gvern lill-Enemalta għall-użu fl-uffiċini u workships u stabbilimenti oħra kemm governattivi u dawk parastatali għall-istess perjodi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f'xi seduta ohra.
Jista' il-Ministru jinvestiga u jgħid jekk l-arranġamenti li saru ftit taż-żmien ilu dwar, kif jgħaddi t-trafffiku mill-ewwel trejqa u t-tieni trejqa, bejn Triq Sant' Anna u Triq ix-Xatt, Wied il-Għajn, sarux wara li sar studju on site mill-Awtorita' konċernata? Billi hemm riskju li jsir xi inċident kif qed jgħaddi t-traffiku bħalissa, possibli is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Minn riċerka li saret fi ħdan id-Direttorat ta' l-Immaniġjar tat-Traffiku jirriżulta li ma kien hemm l-ebda approvazzjoni għal tibdil fis-sistema tat-traffiku fit-trejqiet bejn Triq Sant'Anna u Triq ix-Xatt. Kien hemm talba mill-kunsill lokali biex ikun hemm pedestrianisation ta' dawn it-toroq 'Except for Residents'. Għalkemm l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta taqbel fil-prinċipju ma' pedestrianisation, iżda tikkonsidra 'Except for Residents' li hija ta' periklu għal pedestrians għax l-aċċess tal-karozzi ma jkunx regolat.
Kien hemm xi ilmenti minn residenti ta' l-inħawi u d-Direttorat talab sabiex jiltaqa' mar-residenti u mal-kunsill b'e-mail datata 28 ta' Ġunju 2004. Id-Direttorat ma rċieva ebda risposta u għalhekk kiteb lil-kunsill bid-data ta' l-1 ta' Lulju 2004 sabiex issir din il-laqgħa. Il-kunsill għadu ma kkuntattjax lid-Direttorat sabiex issir din il-laqgħa.
Taqsima tal-Vice Squad — Sistema ta' arja kondizzjonata
Question
X'inhi r-raġuni li s-sistema ta' l-arja kondizzjonata fit-taqsima tal-Vice Squad u ta' l-Economic Crime għadha bil-ħsara bil-konsegwenza li l-pulizija f'dawn it-taqsimiet qed ikollhom jaħdmu fi sħana tremenda?
Kemm ilha bil-ħsara u meta hemm il-ħsieb li tissewwa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ttieħdet l-azzjoni meħtieġa sabiex is-sistema ta' l-arja kondizzjonata imsemmija tiġi lura għan-normal kemm jista' jkun malajr.
Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6428 u cioe' jista' jgħid jekk l-ajruplan li għamel it-titjira minn Ruma għal Malta KM615 ta' nhar is-Sibt 26 ta' Ġunju 2004 u li wasal Malta għall-ħabta tat-8.30 p.m. ġiex ipparkjat fil-parti ta' l-airport fejn proprju kien ġara l-inċident ta' ajruplan ieħor ta' l-Air Malta li kien ħabat ma' arblu u għamel ħsarat konsiderevoli?
Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li pparkja hemm meta fl-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Saviour Demicoli kien ikkonkluda li din il-parti ta' l-ajruport hi nieqsa minn ċerti faċilitajiet u li setgħu wasslu għall-inċident imsemmi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f'xi seduta ohra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru, permezz tal-pulizija, ġentilment jgħid jekk fil-festa taż-Żejtun li saret il-Ħadd 20 ta' Ġunju 2004 sarux tabelli tan-No Parking mill-pulizija tal-lokal fi Triq Santa Monika, Żejtun? Jekk iva, meta saru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm ma tpoġġewx tabelli tan-no parking, ir-rotta minn fejn kull sena tgħaddi l-purċissjoni kienet ġiet dikjarata bħala żona ta' rmonk fil-Gazzetta tal-Gvern tal-4 ta' Ġunju 2004. Infurmat ukoll li l-Pulizija qed tinvestiga dan l-ilment u f'każ ta' nuqqas, ser jittieħdu l-passi opportuni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il CT Scan sar fil-privat tul is-sena 2003 u tul din is-sena sa l-ewwel ta' Lulju, 2004?
Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża biex dawn is-CT Scans saru fil-privat?
Jista' jgħid f'liema kliniċi/sptarijiet privati saru dawn is-CT Scans?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-CT Scans ta' natura urġenti biss isiru fil-privat meta s-CT Scan ta' l-isptar San Luqa tkun bil-ħsara.
Matul is-sena 2003 ma saru l-ebda CT Scans fil-privat. Sa 1 ta' Lulju ta' din is-sena saru total ta' 75 CT Scans fil-privat li minnhom 47 saru f'St.James Clinic u 28 saru fis-St.Mark's Clinic.
L-ispiża totali għal dawn l-iscans tammonta għal Lm5,250.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-ajruplan li għamel it-titjira minn Ruma għal Malta KM615 ta' nhar is-Sibt 26 ta' Ġunju 2004 u li wasal Malta għall-ħabta tat-8.30 p.m. ġiex ipparkjat fil-parti ta' l-airport fejn proprju kien ġara l-inċident ta' ajruplan ieħor ta' l-Air Malta li kien ħabat ma' arblu u għamel ħsarat konsiderevoli?
Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li pparkja hemm meta fl-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Saviour Demicoli kien ikkonkluda li din il-parti ta' l-ajruport hi nieqsa minn ċerti faċilitajiet u li setgħu wasslu għall-inċident imsemmi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid: 1) kemm ġew towed vetturi fiż-Żejtun nhar il-Ħadd 20 ta' Ġunju, 2004?
2) Mil-liema toroq ġew towed u kemm-il vettura ġiet towed minn kull triq?
3) Bejn wieħed u ieħor, x'ħin ġew towed dawn il-vetturi?
4) Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nhar il-Ħadd 20 ta' Ġunju 2004, nhar il-festa fiż-Żejtun, ġew irmunkati ħames vetturi li kienu pparkjati fir-rotta tal-purċissjoni fi Triq Sta. Monika. Infurmat ukoll illi dawn ġew irmunkati bejn is-6.30pm u s-7.15pm.