Jista' il-Ministru jgħid jekk jaħsibx li l-pain clinic fl-isptar San Luqa għandux jiġi żviluppat aktar billi għallinqas toħroġ call for applications għal post ta' pain management nurse?
Jekk hemm qbil, meta hu maħsub li joħorġu dawn il-call for applications?
Kemm hemm staffjaħdem fil-pain management clinic u x'inhu l-grad tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Pain Clinic titmexxa minn Deputy Nursing Officer li taħdem flimkien ma' diversi tobba u speċjalisti oħrajn li joffru s-servizzi fil-Pain Management Clinic.
Il-Pain Clinic ser ikompli jiġi żviluppat fil-futur u jinħarġu postijiet skond dawn l-iżviluppi.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx ħsieb li titwaqqaf koperattiva biex jinbnew ħitan tas-sejjieħ? Jekk iva, meta hemm ħsieb li titwaqqaf billi f'Ġunju li għadda kien hemem numru ta' nies u żgħażagħ li temmew b'suċċess kors ta' xahrejn dwar il-bini tal-ħitan tas-sejjieħ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li waqt il-laqgħat li kien hemm maż-żgħażagħ li għamlu il-kors tal-bini tal-ħitan tas-sejjieħ, ġie ssuġġerit lilhom l-possibilita' li jwaqqfu l-koperattiva iżda din għandha tkun inizjattiva tagħhom biex japplikaw lill-Ministeru kkonċernat.
B'riferenza għall-maisonette tal-gvern - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tista' il-Ministru tgħid għaliex baqa' ma sar xejn biex jinbidlu s-soqfa li skond eżamijiet li saru fuqhom irriżulta li huma perikolużi, ma sarux kif suppost u jridu jinbidlu?
Possibbli jiġi investigat għaliex il-persuna imsemmija ċemplet diversi drabi lill-construction and maintenance division tad-dipartiment u dejjem aċċertawha li se jċemplulha lura biex jgħidulha meta se jibda x-xogħol biex jinbidlu s-soqfa, iżda qatt ma ċemplu lura?
Nista' niġi informat meta se jinbidlu dawn is-soqfa? Tista' il-Ministru ġentilment twieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-konferma li s-saqaf, li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant, irid jinbidel, waslet għand id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fil-11 ta' Ottubru 2004. Dak inhar stess il-kuntrattur ġie mitlub, kemm permezz ta' ittra kif ukoll bil-fomm biex jibdel is-saqaf. Ninsab infurmata wkoll li dan ix-xogħol ma setgħax jinbeda peress li trinka tad-dranaġġ miftuħa li hemm fit-triq timpedixxi li jidħlu l-inġenji meħtieġa.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li minn investigazzjoni li saret irriżulta li kien hemm nuqqas ta' ftehim fis-sens li l-persuna konċernata ġiet infurmata li kienu se jagħtuha preavviż qabel ma jkun ser jibda x-xogħol u hi fehmet li ser iċemplulha biex jgħidulha d-data meta dan kellu jibda. Id-Direttur tad-Dipartiment imsemmi sussegwentement ikkomunika mal-persuna konċernata u assigurha li l-kuntrattur kien aċċetta li jagħmel ix-xogħol u li dan ser isir kif jitlesta x-xogħol tad-dranaġġ.
Kemm kien il-kont li l-Gvern ħallas lill-Enemalta għal-provvista tal-kurrent elettriku biex jinxtegħlu t-toroq ta' Malta matul is-sena 2003? Kemm kien il-kont għal-konsum fl-ewwel 6 xhur ta din is-sena, 2004? Kemm kien il-kont għal-konsum għall-provvista tal-kurrent eletriku li ħallas il-Gvern lill-Enemalta għall-użu fl-uffiċini u workships u stabbilimenti oħra kemm governattivi u dawk parastatali għall-istess perjodi?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien nfurmat li l-kont ta' l-Enemalta għall-provvista tal-kurrent elettriku biex jinxteghlu t-toroq ta' Malta bejn Ottubru 2002 u Settembru 2003 kien ta Lm1,344,378.
Il-kont għall-konsum bejn Jannar u Ġunju tas-sena 2004 għadu qed ikun maħdum.
Il-konsum ta' l-elettriku minn uffiċini, workshops u stabbilimenti oħra Governattivi bejn Ottubru 2003 u Marzu 2004 kien ta' Lm3,932,420.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus matul din is-sena fi printing fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? F'liema printing press saru dawn ix-xogħlijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-inċident li ġara f'Għajn Tuffieħa fit-3 ta' Ottubru 2004 fejn tifel ta' disa' snin weġġa' gravi meta ntlaqat bi blat u ġebel kbir li waqa' fuqu meta kien ma' ommu bejn Għajn Tuffieħa u l-Ġnejna, huwa veru li din il-parti kienet diġa' spezzjonata mill-perit tal-gvern u ġiet dikjarata bħala perikoluża? Jekk iva, meta saret l-ispezzjoni, minn min u x'kien l-eżitu tal-perit tal-gvern?
Saru sinjali li juru li dan il-post kien perikoluż? Fit-3 ta' Ottubru meta sar dan l-inċident kien hemm sinjali biex juru li dan il-post kien perikoluż?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ispezzjoni li għamlet il-Perit tal-Gvern f'Lulju 2004, kienet qrib il-bajja tal-Ġnejna u minn informazzjoni li għandha t-Taqsima tax-Xogħlijiet, ma kienitx fl-istess post ta' l-imsemmi inċident.
Fil-post fejn il-Perit tal-Gvern għamlet ir-rapport (fil-15 ta' Lulju 2004) kienet u għada teżisti tabella li turi li hemm periklu ta' ġebel li jista' jaqa' għal isfel. Meta sar dan ir-rapport, dan intbagħat lill-Pulizija għal kull azzjoni li huma jikkunsidraw meħtieġa.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li tindika l-post fejn sar l-inċident fit-3 ta' Ottubru 2004 kif ukoll il-post li dwaru sar rapport fil-15 ta' Lulju 2004.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni valida għaliex iċ-ċittadin ma jgawdix mill-faċilitajiet li għandhom l-avukati u n-nutara li jottjenu u jħallsu għal ċertifikati ta' tfittxija, eċċ. fid-dipartiment tar-reġistru pubbliku? Jistgħu tali faċilitajiet jiġu estiżi biex jonqos l-inkonvenjent li għandu l-pubbliku preżentement u b'hekk it-taxpayer jieħu servizz aħjar? Meta hu mistenni li tali dokumenti jkunu jisrtgħu jingħataw u jitħallsu direttament fuq is-servizz ta' l-e-gov?
Response (BORG, TONIO)
Nifhem li l-Onor. Interpellant b'"ċertifikat tat-tfittxija" qiegħed jirreferi għar-riċerki uffiċjali u ċertifikati tat-testamenti pubbliċi li jinħarġu mir-Reġistru Pubbliku. L-ordni u l-ħlas għal dawn ir-riċerki u ċertifikati jistgħu jsiru minn kulħadd li jfisser li l-pubbliku għandu l-faċilitajiet li jordna dawn ir-riċerki u ċertifikati.
Hija policy tal-Gvern li d-Dipartimenti jagħtu servizzi on-line inkluż il-ħlas għalihom. Fil-fatt fil-bidu tas-sena 2003 din is-sistema diġa' ġiet introdotta b'suċċess fis-Sezzjoni ta' l-Istat Ċivili ta' l-istess dipartiment fejn ċertifikati tat-twelid, żwieġ u mewt jistgħu jiġu ordnati u mħallsa on-line billi jintuża l-internet address: www.ċertifikati.gov.mt. Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant li l-ordni u l-ħlas ta' riċerki uffiċjali u ċertifikati tat-testmenti jingħataw on-line se jiġi kkonsidrat.
Jista' il-Ministru jgħid x'miżuri qed tieħu l-MEPA biex tipprova tnaqqas ċerti dħaħen ta' karozzi mill-village cores? Studjat jekk hux possibbli li fil-qalba ta' ċerti rħula u bliet jinsabu rotot alternattivi għal trakkijiet u heavy vehicles oħrajn biex kemm jista' ikun jitnaqqas l-exhaust mill-qalba tar-raħal jew tal-belt?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li r-responsabbilta' għal biex jinstabu rotot alternattivi għat-traffiku, u biex isiru studji fuq id-dħaħen ta' karozzi / trakkijiet taqa' taħt l-Awtorita' Dwar it-Trasport fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Trasport. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid x'investigazzjonijiet qegħdin isiru fuq iż-żewġ ambulanzi li spiċċaw bil-wires tar-radio tagħhom maqtugħa? Kemm ilhom joperaw dawn iż-żewġ ambulanzi u kemm swew kull waħda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi qed jiġi investigat mill-pulizija. L-ambulanzi involuti ilhom joperaw minn Marzu ta' 2004.Kull ambulanza swiet Lm22,000.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża kuljum (24 siegħa) f'diesel għall-vapuri bl-iskeda tas-sajf meta ovvjament ikun hemm aktar trips? Kemm hu l-ammont għall-iskeda tax-xitwa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-ispiża ta' diesel kuljum tal-vapuri (maħdum fuq medda ta' sena bejn Settembru 2003 u Awissu 2004) hija ta':
Skeda tas-Sajf - LM3,514 kuljum
Skeda tax-Xitwa - LM2,577 kuljum
Dan il-konsum huwa maħdum fuq u jinkludi:
* il-vjaġġi skedati
* it-trips extra
* Il-vjaġġ tal-cargo għal Sa Maison (skedat)
Ta' min jinnota wkoll li l-ispiża tiġi effetwata wkoll mil-prezz tad-diesel, li jvarja ħafna u li bħalissa huwa għoli ħafna.
Jista' il-Minstru ġentilment jgħid min huma l-membri tas-task force li ġew appuntati biex jieħdu sehem fil-laqgħa taċ-CHOGAN li se ssir f'Novembru 2005?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-membri tat-Task Force li ġew appuntati biex jieħdu sehem fil-laqgħa taċ-CHOGM li se ssir f'Novembru 2005 huma dawn:
Chairman
Ambaxxatur Salv Stellini
Rappreżentant ta' l-Uffiċju tal-Prim Ministru
Is-Sur Emanuel Abela
Is-Sur Publius Agius
Rappreżentant tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin
Is-Sur Giovanni Miceli
Is-Sur Anthony Borg
Rappreżentant tal-Ministeru tal-Finanzi
Is-Sur Saviour Gauci
Is-Sur Leonard Sacco
Rappreżentant tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern
Is-Sur Mario Caruana
Is-Sur George Zerafa
B'referenza għall-mistoqsijiet preċedenti tiegħi 6118 u W86 li saret fl-4 ta' Awissu għal tweġiba bil-miktub, jista' il-Ministru jara kif wara tant żmien ta' diskussjoni tittieħed azzjoni biex dan l-ilment li tant ilu pendenti jissolva?
Jista' jgħid jekk bediex il-proċess imsemmi ta' esproprjazzjoni? Jekk iva, meta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport kienet talbet għal survey lill-Awtorita għall-Ambjent u l-Ippjanar hekk kif ġa msemmi fil-mistoqsija paramentari preċedenti W86, iżda sa issa għadha ma rċevit l-ebda informazzjoni. Hekk kif l-Awtorita tirċievi dan is-survey ikun jista' jinbeda il-proċess ta' esproprazzjoni.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsijiet parlamentari 6575 u 6944, minkejja s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, peress li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tirreferi għad-diversi istituzzjonijiet tagħha u cioe' sew għall-Kummissjoni, sew għal First Chamber u sew għal Grand Chamber, bħal tribunali, hemm ħsieb li fil-Qrati Maltin it-tribunali jiġu kkonsidrati bħala qorti u li għandha ssir emenda fil-liġijiet Maltin biex tali tribunali jiġu kkonsidrati wkoll bħala qorti?
Peress li ċittadini li jkollhom kawżi pendenti dwar esproprju ta' proprjeta' li jkunu ilhom snin twal pendenti quddiem Tribunal ta' l-Arbitraġġ biex jingħataw kumpens xieraq, (u fi żmien raġjonevoli) riżultat ta' deċiżjoni bħal dik referita, se jkollhom iressqu l-każ tagħhom għall-konsiderazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, li jinvolvi ħafna spejjeż u dan biex l-istess każ jitressaq quddiem l-istess qorti, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jinstab xi rimedju għal din is-sitwazzjoni? Jista' il-Viċi Prim Ministru jinnota li huwa kontra l-politika tal-Qorti Ewropea li tali kawżi jiġu riferuti fi Strasbourg meta tali każi għandu jingħatalhom smiegħ xieraq fi żmien raġjonevoli fil-Qrati Nazzjonali?
Peress li kien l-istess Avukat Ġenerali li ressaq l-Appell li minnu ħarġet is-sentenza li t-Tribunali mhumiex Qorti, il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jkun xieraq li l-Parlament jieħu inizjattiva u jilleġisla biex il-liġijiet ikunu konformi ma' dawk tat-Tribunali Ewropej?
Response (BORG, TONIO)
Kif ingħad fid-domandi preċedenti l-Avukat Ġenerali ma jidhirlux li hemm il-ħtieġa ta' emenda fuq il-kwistjoni tar-referenza ta' punt kostituzzjonali minn tribunal.
Għar-rigward it-tieni parti tad-domanda l-liġi tagħna diġa' tippreskrivi rimedju kostituzzjonali għad-dewmien fir-rikorsi li jinsabu quddiem kwalunkwe tribunal. Huwa minnu li hemm xi pajjiżi li għażlu toroq oħra ta' rimedji li ma humiex kostituzzjonali għad-dewmien tal-kawżi. Dan qiegħed jiġi eżaminat u studjat.
Għar-rigward it-tielet parti tad-domanda ma jidhirx li hemm il-konflitt li qiegħed jiġi indikat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli jittieħdu passi biex jiġu mnaddfa l-inħawi ħdejn il-momument ta' l-RAF f'Bieb il-Belt li hu mitluq b'siġar mejta, pajpijiet imsadda u ħmieġ ieħor?
Billi dan hu post ċentrali fejn ta' kuljum jgħaddu għadd ta' Maltin u turisti, possibbli jittieħdu passi mmedjati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma l-Onor. interpellant, li l-post imsemmi fl-inħawi tal-Monument tal-RAF, Furjana, qiegħed isir proġett li qiegħed fi stadju avvanzat kif jindikaw it-tabelli li hemm. Meta dan il-proġett ikun lest dan il-post jiġi mnaddaf kif jixraq.
Jista' il-Minsitru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tat-13-il radiographer li se jiggradwaw f'Novembru 2004?
Hemm il-ħsieb li dawn jiġu impjegati mad-diviżjoni tas-saħħa?
Fil-każ tar-radiographers, jeżisti l-full complement?
Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-Compliment tar-Radiographers fid-Diviżjoni tas-Saħħa qed jiġi revalwat. Meta jitlesta dan l-eserċizzju, jiġu mpjegati r-Radiographers skond il-vakanzi li jirriżultaw.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk ġewx impjegati nies (minbarra nursesu tobba) fir-residenza San Vinċenz de Paule f'din l-aħħar sena?
Kien hemm xi health assistants, care workers jew studenti ta' l-ESTS li ġew impjegati f'din l-aħħar sena?
Jista' il-Ministru ġentilment jagħti l-grad ta' kull min ġie impjegat fl-SVPR f'din l-aħħar sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'din l-aħħar sena ġew impjegati 2 Casual Substitute Clerks u 1Clerk fir-Residenza San Vinċenz De Paule.
Ma kien hemm ebda Health Assistants jew Careworkers jew ESTS li ġew impjegati f'din l-aħħar sena.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 6849, jista' il-Ministru jinformani għaliex għaddew aktar minn xahrejn u għad m'hemmx deċiżjoni anke fid-dawl li din hi triq ferm perikoluża?
Jaħseb il-Ministru li mhux ġustifikat li din id-deċiżjoni ilha pendenti għal aktar minn xahrejn?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6849.
Filwaqt li ninsab konxju mill-periklu ta' din l-imsemmija junction, s'issa l-awtorita' dwar it-trasport għadha qed tistenna risposta mid-dipartiemnt tal-kuntratti sabiex dan ix-xogħol ikun jista' isir.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi W79 dwar il-ħtieġa urġenti li jsiru t-traffic lights fi Triq tal-Barrani (ħdejn il-junction li tagħti għaż-Żejtun), possibbli jiġi spjegat għaliex id-dipartiment tal-kuntratti ilu xhur sħaħ biex jiddeċiedi fuq dan il-kuntratt ħalli jkunu jistgħu jsiru dawn it-traffic lights?
Għaliex id-dipartiment tal-kuntratti ilu xhur sħaħ biex jieħu deċiżjoni meta f'dan il-post ġraw inċidenti, uħud minnhom fatali, u ta' kuljum qed titqiegħed fil-periklu ħajjet in-nies?
Bħala rappreżentant ta' dan id-distrett, nista’ niġi nformat għaliex dan id-dewmien u meta se jiddieciedi d-dipartiment tal-kuntratti anke għall-fatt li kull meta nagħmel mistoqsija lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq dejjem jingħad li qed jistennew risposta mid-dipartiment tal-kuntratti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nifhem id-diżappunt ta’ l-Onorevoli Interpellant għar-rigward tal-fatt li l-kuntratt tat-traffic lights fit-Triq tal-Barrani għadu ma ngħatax, nixtieq ngħarrfu li d-Dipartiment tal-Kuntratti m’għandu assolutament l-ebda tort li dan ix-xogħol għadu ma bediex.
It-tenders li ġew sottomessi biex isir dan ix-xogħol kienu għoljin meta ġew imqabbla ma’ l-istima tax-xogħol ta’ l-Awtorità Dwar it-Trasport, u kien qiegħed isir sforz biex il-kuntrattur li tefa’ l-irħas offerta inaqqas l-offerta tiegħu.
Issa li dan il-punt intlaħaq, nispera li x-xogħol ikun jista’ jsir.
MEPA — Talba għal żvilupp fi Triq il-Buttar, Wied il-Għajn
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA rċevietx xi talba għal żvilupp ta' madwar erba' sulari fi Triq il-Buttar, Wied il-Għajn f'area li hi mmarkata white area? Jekk iva, x'tip ta' żvilupp se jsir u meta daħlet din l-applikazzjoni? Il-MEPA taf li hemm oġġezzjonijiet mir-residenti ta' l-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li x' aktarx l-Onorevoli Nterpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni PA 924/04 li ġiet sottomessa fit-18 ta' Frar 2004. L-iżvilupp propost hu għal sheltered housing, u jikkonsisti fi tliet sulari. L-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) rċeviet oġġezzjonijiet fuq l-iżvilupp propost. Ta min igħid li l-applikazzjoni msemmija ġiet irtirata f' Lulju 2004.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 6118, jista' il-Ministru ġentilment jinformani jekk kienx hemm żviluppi biex titwessa' it-triq imsemmija? Billi fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari kien intqal li l-awtorita' tat-trasport kienet se tibda taħditiet mal-MEPA, jista' ġentilment jgħid jekk dawn it-taħditiet bdewx u jekk kienx hemm xi konklużjoni?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Wara li saru t-tahdidiet bejn id-Direttorat tat-Toroq u l-Awtorita' ghall-Ambjent u l-Ippjanar, din ta' l-ahhar giet mitluba tiprepara survey tat-triq kollha sabiex ikun jista' jibda l-process ta' espropjazzjoni. Min stharrig li hamlet l-Awotira irrizulta ukoll li l-bini fi triq San Guzepp kantuniera ma Triq in-Nissieg ukoll irid jigi espropjat.