B'riferenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari tiegħi, jista' il-Ministru ġentilment jikkonferma li t-traffic lights fi Triq Tal-Barrani (ħdejn il-junction li tgħaqqad triq tal-Barrani maż-Żejtun) qed isiru mill-gvern?
Meta hemm il-ħsieb li jitlestew dawn it-traffic lights?
Kemm se jiġu jiswew?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-Xogħolijiet ikkonċernati fil-proġett imsemmi qed isiru kollha mill-gvern. Dawn ix-xogħolijiet huma previsti li jitlestu fi żmien ħames ġimgħat oħra u se jiġu jiswew madwar Lm45,000.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Triq it-Tiben hijiex waħda mit-toroq inkluża mill-programm ta' xogħol li se jsir f'Wied il-Għajn? Jekk iva, meta hu maħsub li jitlesta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6052.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8940 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Ministru jgħid għaliex kaċċaturi Maltin li jmorru l-Eġittu għall-kaċċa bil-permessi kollha meħtieġa mhux se jitħallew idaħħlu Malta tajr li la huwa protett fl-Eġittu u lanqas f'Malta u li qabel kien jitħalla jiddaħħal f'Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), għandu l-obbligi, u r-responsabbilta li jara li l-biodiversita’ li hija mħarsa bil-liġi, kemm fuq livell internazzjonali, kif ukoll fuq livell nazzjonali, tiġi osservata. Għalhekk, dan ifisser li biodiversita bħal fil-każ li semma l-Onor Membru, li ma tkunx imħarsa kemm minn-naħa internazzjonali, kif ukoll minn-naħa nazzjonali, ma jkunx hemm problemi biex din tidħol f’Malta.
Id-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent mhux l-unika entita’ li trid tagħti il-kunsens tagħha għad-dħul f’Malta, u issa għad-dħul fl-Unjoni Ewropea, ta’ xi biodiversita. Hemm ukoll l-obbligi li jaqgħu taħt Dipartimenti u entitajiet oħra, bħal ngħidu aħna, id-Dipartiment tas-Saħħa, id-Dipartiment tal-Veterinarju [f’dan il-każ] u anki d-Dipartiment tad-Dwana nnifsu.
Fil-fatt, il-Game Trophies li mhumiex trattati ma jistgħux jiddaħħlu f'Malta jekk il-pajjiż ta' l-oriġinu m'għandux approvazzjoni minn-naħa ta' l-Unjoni Ewropea li jesporta l-istess speċi għall-konsum uman,f'dan il-każ tajr.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk hux qed isir xi tip ta' kontroll biex jiġi aċċertat li xarbiet li jkunu reklamati u mmarkati li huma bla zokkor tabilħaqq ikunu hekk? Min jagħmel dan it-tip ta' kontroll?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Skond il-Food Safety Act 2002 ir-responsabilita' primarja li xarbiet li jkunu reklamati li huma bla zokkor ikunu tabilħaq hekk, taqa' taħt il-manifattur ta' tali xarbiet.
Bl-istess Liġi, tali manifattur irid ikollu l-kontrolli neċessarji biex ikun jista' jiġi aċċertat li dikjarazzjonijiet magħmula reklamati huma korretti mingħajr l-ebda żball.
Uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jagħmlu spezzjonijiet regolari biex jaċċertaw li tali kontrolli jeżistu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' pazjenti Maltin li ntbagħtu għall-kura l-Ingilterra taħt il-bilateral agreement fl-2002 u l-2003? X'tip ta' kura ngħataw dawn il-pazjenti? X'kienet tkun l-ispiża kieku l-gvern kellu jħallas għal din il-kura?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex kaċċaturi Maltin li jmorru l-Eġittu għall-kaċċa bil-permessi kollha meħtieġa mhux se jitħallew idaħħlu Malta tajr li la huwa protett fl-Eġittu u lanqas f'Malta u li qabel kien jitħalla jiddaħħal f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Ambjent.
Jista' il-Prim Ministru ġentilment jippubblika l-lista ta' persuni applikanti għall-pożizzjoni ta' technical attache fir-rappreżentanza permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea fi Brussels?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi tar-riżultati ta’ Bordijiet ta’ l-Għażla għal dawn il-pożizzjonijiet kif ippubblikati mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-ammont totali tan-nefqa kapitali u rikorrenti li għamlet il-fondazzjoni għas-servizzi mediċi fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u sa Awissu ta' din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ammont totali tan-nefqa kapitali u rikorrenti li għamlet il-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u sa Awissu ta' din is-sena huma kif ġejjin:
Sena
Nefqa rikorrenti mingħajr diprezzament
Nefqa kapital
Lm
Lm
2000
211,198
32,474
2001
183,221
19,670
2002
310,535
26,080
2003
295,547
12,301
2004 sa Awissu
162,403
1,812
In-nefqa ta' l-FMS ma tinkludix spejjeż diretti ta' l-Isptar Mater Dei. L-infiq kollu in-konnesjoni mal-Mater Dei huwa mħallas dirett mill-Ministeru tas-Saħħa u mhux mill-FMS.
In-nefqa rikorrenti ta' l-FMS tinkludi salarji, kiri ta' l-uffiċini u spejjeż amministrattivi filwaqt li n-nefqa kapitali hija magħmula minn għamara ta' l-uffiċini, karozzi u equipment eletroniku.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' pazjenti social cases li hemm fl-isptar San Luqa? Kemm huwa kkalkolat li jiswa kull pazjent li jkun social case u li jkun qed jinżamm fl-isptar San Luqa? Kemm minn dawn il-pazjenti fl-isptar San Luqa li huma kkonsidrati bħala social cases qed jistennew li jiġu trasferiti għal SVPR jew xi dar ta' l-anzjani?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta' pazjenti li huma ikkunsidrati bħala social cases sal-lum l-Isptar San Luqa huwa ta 69. Kull pazjent ikoverat fl-Isptar San Luqa jiswa bejn wieħed u iehor Lm110 kuljum. Wieħed irid jikkunsidra ukoll li hemm spiża oħra meta tikkunsidra dawn is-social cases ikunu jokkupaw soddod li jistgħu jiġu użati għal bżonnijiet akuti ta pazjenti oħra. Dawn is-social cases kollha qed jistennew li jiġu trasferiti għal SVPR.
Jista' il-Ministru jgħid kemm pazjenti ta' nazzjonalita' barranija ġew ikkurati fl-isptar San Luqa bħala out-patients u bħala in-patients tul l-2003 u l-2004 sa l-aħħar ta' Ottubru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' pazjenti ta' nazzjonalita' barranija li ġew ikkurati fl-Isptar San Luqa huma kif ġej:
2003
Out-Patients 4,122 (jinkludu dawk il-pazjenti li attendew id-dipartiment ta' l-emerġenza)
In-Patients 1,229
2004(sa l-aħħar ta' Ottubru)
Out-Patients 4,281 (jinkludu dawk il-pazjenti li attendew id-dipartiment ta' l-emerġenza)
In-Patient 1,013
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont totali ta' flus dovuti lill-gvern minn pazjenti mhux Maltin u mill-insurances tagħhom? Ta' liema nazzjonalita' huma dawn il-pazjenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm nefaq il-gvern fis-CDAU fis-snin 2002 u 2003? Kemm hemm impjegati jaħdmu full-time u part-time fis-CDAU? X'inhi l-professjoni ta' dawn l-impjegati? Kemm minn nefqa totali hija dovuta għall-pagi u kemm għat-trasport, ilma, dawl, stationery u tindif?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont totali li d-dipartiment tas-saħħa ċċarġja lill-pazjenti barranin direttament jew lill-insurances tagħhom għall-kura li jkunu ngħataw fl-isptarijiet u kliniċi tal-gvern tul is-snin 2001, 2002, 2003 u sa Awissu ta' din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fir-rank ta' management fid-dipartiment ta' l-edukazzjoni? Kemm minn dawn għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom karozza u segretarja jew segretarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li hemm sitta u għoxrin (26) ħaddiem fir-rank ta' management fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Għaxra (10) minn dawn il-ħaddiema għandhom karozza għad-dispożizzjoni tagħhom.
Informat ukoll dawn il-ħaddiema kollha għandhom magħhom xi skrivan jew skrivana li parti mix-xogħol tagħhom hu dak segretarjali.
Jista' il-Ministru jgħid hemm huwa n-numru ta' tfal li kienu jmorru fl-iskejjel primarji u kellhom jerġgħu jmorru f'San Miguel minħabba li fl-iskejjel sekondarji m'hemmx faċilitajiet għalihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm l-ebda każ fejn studenti li jattendu skola tal-gvern kellhom jirritornaw lura għall-iskola San Miguel minħabba nuqqas ta' faċilitajiet. Jekk l-Onor. Membru għandu xi informazzjoni preċiża napprezza li jgħaddihieli.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm skejjel għat-tfal bi bżonnijiet speċjali? Liema huma? Kemm hu n-numru tat-tfal li jattendu f'kull skola? Kemm huwa n-numru totali ta' impjegati f'kull skola f'kull grad? Kemm hija l-ispiża totali fis-salarji f'kull skola? Kemm hija l-ispiża għat-trasport f'kull skola?
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għat-trasport tat-tfal li jattendu San Miguel fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u kemm mistennija tkun din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa għat-trasport tat-tfal li jattendu l-iskola San Miguel għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 hija :-
Mil 25 ta' Settembru 2000 sa 6 ta' Lulju 2001 Lm14,792.00
Mil 24 ta' Settembru 2001 sa 5 ta' Lulju 2002 Lm15,308.00
Mil 23 ta' Settembru 2002 sa 3 ta' Lulju 2003 Lm14,964.00
Mil 29 ta' Settembru 2003 sa 2 ta' Lulju 2004 Lm15,050.00
Mil 27 ta' Settembru 2000 sa 1 ta' Lulju 2005 Lm23,322.00
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa kapitali u rikorrenti fl-iskola San Miguel fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, sena b'sena u kemm mistennija tkun din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
In-nefqa kapitali u rikorrenti fl-iskola San Miguel kienet ta :
Sena Kapitali
Lm
2000 21,451
2001 15,000 + 2,917.84
2002 8,590
2003 12,300 + 44,479.63
2004 11,689 + 74,882.80
Dwar l-ispiża rikorrenti tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.