Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar San Luqa — Parking

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12234 u jgħid jekk il-parking tat-tobba u konsulenti fl-isptar San Luqa għadux f'idejn id-diviżjoni tas-saħħa inkella għaddiex f'idejn il-kunsill lokali ta' Tal-Pieta'? Jista' jispjega l-bidla li seħħet fis-sistema tal-parking ġewwa l-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tad-Domanda numru 12234 tas-seduta numru 264.

Ħal Far — Island karting club

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex waslet it-talba li għamlu l-Island karting club biex il-perijodu għall-art li għandhom f'Ħal Far jiġi estiż minħabba li jridu jagħmlu investiment sostanzjali? Billi din it-talba qed issir permezz tal-kunsill Malti għall-isports, jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex waslet din l-applikazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport irċieva talba mingħand l-Island Karting Club fit-22 ta' Marzu, 2005 biex il-kuntratt jiġi estiż. Din it-talba ġiet ikkunsidrata pożittivament minn naħa tal-KMS u għamel ittra ta' rakkomandazzjoni lid-Dipartiment ta' l-Artijiet f'dan ir-rigward fit-8 ta' April 2005.

Sptar San Luqa — Anzjani

Question

Possibbli ssir xi ħaġa biex anzjani li jmorru l-isptar San Luqa b'mod regolari u jkollhom bżonn it-trasport ta' l-isptar, jew għax neqsin mid-dawl inkella minħabba l-kundizzjoni fiżika tagħhom, ma jkollhomx għalfejn jibagħtu minn qabel ċertifikat mediku kull darba meta dawn imorru l-isptar bit-trasport b'mod regolari u meta jkun diġa' ċertifikat li l-kundizzjoni jew id-diżabilita' tagħhom hija waħda permanenti - eżempju anzjan ta' 70 sena li hu nieqes mid-dawl?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-talba ta' ċertifikat mediku minn qabel fir-rigward ta' talbiet għat-trasport għall-Isptar San Luqa kienet neċessarja sabiex jinqatgħu l-abbużi. Għalhekk, inħasset il-ħtieġa li jintalab ċertifikat mediku sabiex jiġi żgurat li t-talbiet għat-trasport ikunu genwini. Hemm bżonn ta' dan iċ-ċertifikat għall-attendenza l-ewwel darba biss għax wara l-ħtieġa għat-trasport tiġi determinata minn Nursing Officer fl-Outpatients.

Ħaż-Żabbar — Triq ta' ħdejn il-mina ta' Hompesch

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 10949 tas-16 ta' Frar, peress li sal-lum l-awtorita' għad ma ħaditx passi biex isir dak kollu meħtieġ ħalli tiġi rranġata t-triq imsemmija, jista' il-Ministru jara li x-xogħol imwiegħed fil-fatt isir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tindif tal-culvert kien sar u anke sar patching fil-ħofor li kien hemm. Bħallissa qed jitħejja rideability program għat-toroq arterji u distrubutorji f’Malta. Din it-triq tagħmel parti minn dan il-program.

Żejtun — Traffic parking signs

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11441, possibbli li l-Ministru tinformana x'passi ħadet s'issa il-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita' dwar dan l-ilment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li wara d-diskussjonijiet li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' kellha ma' l-Awtorita' Maltija dwar it-Trasport, l-Awtorita' talbet lill-Kunsill Lokali konċernat biex it-tabelli in kwistjoni jinbidlu. Il-Kummissjoni tat żmien definit lill-Awtorita' li fih tistenna li din it-talba tiġi implimentata.

Sptar San Luqa — Parking

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-parking tat-tobba u konsulenti fl-isptar San Luqa għadux f'idejn id-diviżjoni tas-saħħa inkella għaddiex f'idejn il-kunsill lokali ta' Tal-Pieta'? Jista' jispjega l-bidla li seħħet fis-sistema tal-parking ġewwa l-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Pulizija — Fenek li ġie imqaxxar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tal-kollega tiegħi l-Onor.Adrian Vassallo 11827 dwar fenek li ġie allegatament imqaxxar ħaj f'ħanut ġewwa Ħaż-Żabbar, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk iż-żewġ persuni identifikati mill-pulizija ġewx arrestati u ntalbux jagħmlu statement? Jekk iva, meta ġew arrestati u liema uffiċjal tal-pulizija qed imexxi l-istħarriġ? Ladarba l-pulizija identifikat iż-żewġ persuni allegatament indikati f'dan l-att krudili, meta hemm il-ħsieb li jitressqu l-qorti? Billi l-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi jħobb l-annimali u każi bħal dawn mhux biss jistmerruhom iżda jkunu jixtiequ li ssir ġustizzja ma' dawk responsabbli, jista' jara li dan il-każ jingħata l-importanza li tixraqlu? Possibbli l-Viċi Prim Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat ill wara rapporti li dehru fil-gazzetti, il-Pulizija ta' Ħaż Żabbar kienet bdiet investigazzjoni. Fil-kors ta' din l-investigazzjoni, il-Pulizija kienet interrogat żewġ persuni li kienu suspettati li kienu involuti. Dawn iż-żewġ persuni ġew akkużati quddiem il-Qorti talli ġiegħlu annimal isofri uġiegħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn meta sar il-qtil ta' annimal b'mod li ma kienx hemm l-inqas tbatija fiżika u mentali għall-annimal kif kien xieraq fiċ-ċirkostanzi. Il-każ tagħhom ġie deċiż nhar it-2 ta' Mejju 2005, fejn ġew liberati mill-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

EU — Double deckers

Question

Possibbli l-Ministru jgħid meta l-awtorita' dwar it-trasport ta' Malta kitbet lid-directorate general for transport and energy tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-problema tad-double deckers f'Malta? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha li għaddiet bejn l-ADT u l-Kummissjoni Ewropea fuq dan is-suġġett?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ġbir ta' skart

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm-il tunnellata ta' skart inġabar wara li kien dumped minn nies fil-kampanja u t-toroq tul l-2004 u sal-lum matul l-2005, separatament? Kemm kienet l-ispiża biex dan jinġabar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-iskart li nġabar wara li kien mormi minn nies fil-kampanja u t-toroq matul l-2004 kien ta' 20,000 tunnellata bi spiża ta' Lm600,000, filwaqt li minn Jannar sa April inġabar 4,725 tunnellata bi spiża ta' Lm141,750. L-ispiża tkopri wkoll il-pagi tal-ħaddiema nvoluti.

Magħtab — Skart

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu li l-gvern preżenti ħa deċiżjoni biex l-iskart ta' kostruzzjoni ma jibqax jintrema l-Magħtab, kemm-il tunnellata ġie kalkolat li ġie ffrankat mill-Magħtab?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta l-Gvern ma baqax jaċċetta skart ta’ kostruzzjoni fil-Magħtab, jiġifieri mit-23 ta’ Marzu 2004, l-ammont ta' tunnellaġġ li ġie ddepożitat fis-siti tal-kuntrattur kien ta' 1,980,995.98-il tunnellata (mit-23 ta' Marzu 2004 sa April 2005).

Żejtun — Triq tal-Barrani - Traffic lights

Question

Peress li għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 9437 li ngħatat fis-seduta 198 nhar it-3 ta' Diċembru 2004, il-Ministru kien stqarr li: "Ix-xogħlijiet ikkonċernati fil-proġett imsemmi qed isiru kollha mill-gvern u li dawn ix-xogħlijiet huma previsti li jitlestew fi żmien ħames ġimgħat oħra u se jiġu jiswew madwar Lm45,000"; jista' jitlob spjega lil min tah l-informazzjoni mogħtija għad-domanda 11807 li "t- tender għal dan ix-xogħol ġie pubblikat f'Jannar 2004. Wara li għalqu t- tenders dawn ġew evalwati fejn l-orħos offerta kienet dik ta' Lm63,307.23. Wara diskussjonijiet ma' l-orħos tenderer ingħata roħs ta' Lm3,639.47 biex it- tender ingħata għall-valur ta' Lm60,667.76"? Kif f'Diċembru 2004 ix-xogħlijiet ikkonċernati kienu qed isiru kollha mill-gvern u f'Jannar 2004 kienu ħarġu t-tenders? Ix-xogħlijiet ikkonċernati fil-proġett imsemmi kienu qed isiru kollha mill-gvern jew jitħallsu mill-gvern? X'inhi r-raġuni li min jagħmel l-istimi mar żmerċ b'eluf ta' liri? Liema hi l-informazzjoni korretta, dik li ngħatat għall-ewwel domanda jew għal dik ta' l-aħħar? Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar mill-ħaddiema tal-Gvern kien biex inxtegħlu t-traffic lights. Dan ix-xogħol sar mill-Electrical Section tal-Manufacturing and Servicing Department. Ix-xogħol kollu l-ieħor sar mill-kuntrattur li tħallas mill-Gvern (propjament mill-ADT). It-tender kienet ippublikata fis-27 ta' Jannar 2004 u l-evalwzzjoni tagħha saret fis-16 ta' Marzu 2004. L-istima tad-Dipartiment kienet tammonta għal Lm45,000. Waqt l-evalwazzjoni rriżulta li r-rati ta' l-orħos tenderer kienu ħafna ogħla mir-rati tat-tender meta komparati ma' rati ta' xogħlijiet oħra li kienu ġew aġġudikati dak iż-żmien. Dan it-tenderer ġie mitlub iraħħas u fil-fatt kien naqqas it-tender tiegħu kif indikat fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru 11807. Ix-xogħol mill-kuntrattur beda f'Diċembru 2004. Kif kien spjegat diversi drabi fix-xhur li għaddew kien hemm diżgwiet bejn l-ADT u l-kuntratturi fuq ir-rati tax-xogħol tat-toroq. Min għamel l-istima mexa fuq ir-rati gwida li kienu jsegwu l-ADT dak iż-żmien li nkitbet it-tender. Kien xhur wara li ntlaħaq qbil fuq rati aċċettabli għaż-żewġ naħat. Il-valur tax-xogħol kien stabbilit fuq dawn ir-rati l-ġodda miftehma.

Wied il-Għajn — Triq il-Gemmugha

Question

Peress li l-art li hemm eżattament quddiem ir-Razzett tal-Ħbiberija, fi Triq il-Gemmugħa bejn Triq Sant'Antnin u Triq il-Qrempuċ fid-direzzjoni lejn Triq iż-Żafran, tinsab fi stat maħmuġ u ta' abbandun u tagħti dehra ta' żdingar għal min ikun dieħel Wied il-Għajn u peress li x-xogħol meħtieġ biex din l-art tiġi mnaddfa u fi stat aċċettabbli jaqa' taħt ir-responsabbilta' ta' diversi ministeri, jista' il-Prim Ministru jordna li dik l-art, li minn nofsha għaddejjin il-katusi tad-drenaġġ u hemm ukoll inspection chamber miftuħa li minnha joħorġu ħafna ġrieden, tiġi mnaddfa u fiha jitħawwlu xi pjanti u ward kif qed isir fi bnadi oħra madwar Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment ta' l-Artijiet

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsijiet parlamentari 5156 u 5581, peress li għaddiet sena minn meta ngħataw dawk it-tweġibiet, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew riżolti każi ta' kumpens bejn id-dipartiment ta' l-artijiet u sidien privati b'azzjoni diretta amministrattiva u kemm wara sentenzi mill-qrati tal-ġustizzja skond il-liġi? Kemm kien l-ammont li ġie mħallas bħala kumpens f'kull każ u kemm kienu l-interessi li tħallsu fl-istess każi? Peress li l-proċessi tal-kawżi fil-qrati tal-ġustizzja huma disponibbli għall-pubbliku, jista' ġentilment jagħti n-numri rilevanti ta' dawk il-proċessi relatati ma' tali pagamenti? Kemm baqa' każi pendenti li dwarhom għad ma sarx kumpens?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' każi ta' kumpens, li ġew riżolti bejn id-Dipartiment tal-Artijiet u s-sidien b'azzjoni diretta amministrattiva, huwa ta' 44, filwaqt li dawk li ġew riżolti wara sentenzi mill-qrati huwa ta' 22. L-ammont ta' kumpens globali kien ta' Lm1,430,185.00 u Lm2,014,213.00 u l-interessi/danni kien ta' Lm865,768.00 u Lm1,773,442.00 rispettivament. In-numru ta' rikorsi fil-Bord tal-Arbitraġġ ta' dawn il-proċessi relatati mal-pagamenti huma: 11/00; 5/98; 3/98; 8/98; 10/96; 12/97; 32/99; 16/99; 41/03; 36/99; 16/98; 12/97; 57/01; 50/00; 90/01; 26/99; 5/03; 6/03; 4/03; 8/03; 39/03; 8/97. Il-każi pendenti quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ li dwarhom għad ma sarx kumpens huwa ta' 323.
Leg 10 PQ #12196 Sitting 262 2005-05-03 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Commonwealth Scholarships

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jispjega l-proċedura biex wieħed iġib l-informazzjoni dwar il-Commonwealth scholarships eżistenti u kif għandu japplika? Kemm-il student / studenta Maltija bbenefikaw minn Commonwealth Scholarships is-sena l-oħra u liema courses kienu?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li dawn il-Commonwealth Scholarships ma jinħadmux minn dan il-Ministeru. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat li hu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi.

Żabbar — Vjal l-Ewropa

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta se ssir Vjal l-Ewropa f'Ħaż-Żabbar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita' dwar it-Trasport qed tagħmel arranġamenti ma’ l-MCAST, FOI u anke l-kuntratturi tat-toroq biex ikun hemm taħriġ għal ħaddiema f’dan is-settur. L-ADT għażlet din it-triq biex dawn il-haddiema jieħdu t-taħriġ meħtieġ. L-arranġamenti qegħdin fi stat avvanzat u huwa ppjanat li dan ix-xogħol jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin.

MIA

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm għaddew passiġġieri b'kollox mill-ajruport internazzjonali ta' Malta din is-sena s'issa?

Response (GATT, AUSTIN)

Kif jaf l-Onor. Interpellant, l-MIA Ltd hi kumpanija pubblika kkwotata fil-Borża ta' Malta, u li fiha l-Gvern għandu biss sehem minoritarju. Konsegwentament il-Ministeru tiegħi m'għandu l-ebda funzjoni amministrattiva.

Parental leave

Question

Tista' il-Ministru ġentilment tgħid skond l-Att ta' l-2002 dwar l-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali, regolamenti ta' l-2003 dwar dritt ta' leave tal-ġenituri, kemm għandha parental leave omm li taħdem mas-settur privat u li tkun adottat tlett itfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjieg.
Leg 10 PQ #12061 Sitting 259 2005-04-26 Oral · Interim From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq

Żejtun — Triq tal-Barrani - Traffic lights

Question

Peress li għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 9437 li ngħatat fis-seduta 198 nhar it-3 ta' Diċembru 2004, il-Ministru kien stqarr li: "Ix-xogħlijiet ikkonċernati fil-proġett imsemmi qed isiru kollha mill-gvern u li dawn ix-xogħlijiet huma previsti li jitlestew fi żmien ħames ġimgħat oħra u se jiġu jiswew madwar Lm45,000"; jista' jitlob spjega lil min tah l-informazzjoni mogħtija għad-domanda 11807 li "t- tender għal dan ix-xogħol ġie pubblikat f'Jannar 2004. Wara li għalqu t- tenders dawn ġew evalwati fejn l-orħos offerta kienet dik ta' Lm63,307.23. Wara diskussjonijiet ma' l-orħos tenderer ingħata roħs ta' Lm3,639.47 biex it- tender ingħata għall-valur ta' Lm60,667.76"? Kif f'Diċembru 2004 ix-xogħlijiet ikkonċernati kienu qed isiru kollha mill-gvern u f'Jannar 2004 kienu ħarġu t-tenders? Ix-xogħlijiet ikkonċernati fil-proġett imsemmi kienu qed isiru kollha mill-gvern jew jitħallsu mill-gvern? X'inhi r-raġuni li min jagħmel l-istimi mar żmerċ b'eluf ta' liri? Liema hi l-informazzjoni korretta, dik li ngħatat għall-ewwel domanda jew għal dik ta' l-aħħar? Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.