Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizzi veterinarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid hemmx xi benchmarking ta' kemm għandhom ikunu l-ħlasijiet għal servizzi veterinarji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal servizzi veterinarji privati. Jekk hu hekk, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Gudja/Ħal Far — Track

Question

Possibbli li l-ħaddiema inkarigati jerġgħu jnaddfu ftit it-track ta' mar-runway (bejn il-Gudja u Ħal Far) li tintuża minn għadd ta' nies minħabba li reġgħet imtliet b'ħaxix ħażin li fi bnadi minnhom kważi għalaq l-aċċess għat-track?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li t-tindif tat-track ta’ mar-runway (bejn il-Gudja u Ħal Far) isir regolarment mid-Dipartiment tas-Servizzi ta' l-Indafa. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-qtugħ ta’ ħaxix u t-tindif neċessarju se jibda fis-7 ta’ Lulju 2005.

Mtarfa — Proprjeta' ta' l-awtorita' tad-djar

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 12620, tista' il-Ministru tgħid jekk l-awtorita' tad-djar bdietx it-tħejjijiet u l-pjanti għar-riabilitazzjoni tal-proprjeta' hemm indikata u dwar l-art ta' biswitha? Bdew jiġu ppreparati l-pjanti tal-maisonettes, appartamenti u garages u jekk iva, meta hu mistenni li dawn ikunu ffinalizzati? Il-pjanti se jsiru jew qed isiru minn periti u/jew draughtsmen ta' l-awtorita' jew tal-gvern? Hemm xi ħsieb meta se jitlesta dan il-proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-pjanti li rreferejt għalihom fit-Tweġiba għall-Mistoqisja Numru 12620 li jien tajt f'Seduta Nru. 274 qed jiġu ppreparati minn periti konsulenti mqabbda mill-Awtorita' tad-Djar. Dawn il-pjanti mistennija jkunu lesti fi ftit ġimgħat oħra. F'dan l-istadju hu prematur li nindika data meta dan il-proġett ser ikun lest.

Commonwealth scholarships

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12196 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jispjega l-proċedura biex wieħed iġib l-informazzjoni dwar il-Commonwealth scholarships eżistenti u kif għandu japplika? Kemm-il student / studenta Maltija bbenefikaw minn Commonwealth Scholarships is-sena l-oħra u liema courses kienu?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li bħalissa ma hemm l-ebda Commonwealth Scholarship offrut. Il-Commonwealth Scholarships li jmiss joħorgu huma dawk tar-Renju Unit u tal-Kanada. Dawn is-soltu joħorgu għall-ħabta ta’ Awissu/Settembru. Is-sejħa għall-applikazzjonijijiet toħrog fuq il-gazzetti tal-Gvern u fuq il-website tal-Gvern (www.doi.gov.mt). L-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jinġabru mill-ufficcju tal-Customer Care tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. Għal dawk li jkun jixtiequ aktar informazzjoni jew għajnuna, din tigi offruta mill-ufficjal inkarigat fi ħdan il-Policy Unit tal- Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. Fil-proċess li sar is-sena l-oħra (2004) il-Commonwealth Scholarship and Fellowship Board innomina ħames (5) kandidati għar-Renju Unit u tlett (3) kandidati għall-Kanada. Minn dawn kandidat wieħed biss ġie offrut l-ischolarship minn-naħa tar-Renju Unit għall-Master’s fl-International Tax and EC Tax Law u tnejn minn-naħa tal-Kanada għall-Ph.D. fl-Environmental Management u Master’s fi Sport Exercise and Science/Kinesiology. Ta’ min wieħed jenfasizza li Commonwealth Scholarship and Fellowship Board għandu r-rwol li jinnomina u mhux jagħti l-ischolarships.

Dipartimenti tal-gvern — Direttivi dwar l-użu tal-lingwa Maltija

Question

Ghaliex minkejja d-direttivi moghtija lill-Kapijiet tad-Dipartimenti dwar l-uzu tal-lingwa Maltija (twegiba għall-mistoqsija parlamentari 6128, Seduta 141 tal-21 ta' Gunju 2004) id-decizjonijiet sew tal-bord tal-kummissjonarji specjali kif ukoll dawk ta' l-appelli quddiem il-qrati qed jigu ppubblikati b'ilsien barrani? Jista' jieħu passi biex id-direttivi li joħorġu mill-uffiċċju tal-prim ministru jkunu fil-fatt attwati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-domanda ta’ l-Onorevoli Interpellant dwar l-użu tal-Malti mill-Kummissjonarji Speċjali qed tiġi mistħarrġa, u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra. Dwar l-użu tal-Malti fl-Appelli quddiem il-Qrati, nitlob l-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Żejtun — Triq il-President Anton Buttigieg - Ġibjun

Question

Possibbli li l-water services corporation tara li l-ġibjun li jinsab fil-bypass ta' Triq il-President Anton Buttigieg, Żejtun, li tbattal mill-ilma dan l-aħħar mill-pulizija waqt investigazzjoni li kienet qed tagħmel l-istess pulizija b'konnessjoni ma' reat kriminali, ikompli jitnaddaf u ssirlu l-manutenzjoni li għandu bżonn ladarba jinsab imbattal kollu mill-ilma? Taqbel il-water services corporation li dan ix-xogħol għandu jsir issa kif dan il-ġibjun jinsab bla ilma? Hemm ħsieb li jerġa' jimtela għax dan jintuża minn għadd ta' bdiewa fil-viċinanza u jekk jitħalla vojt fix-xhur tas-sajf jien informat li tista' issirlu aktar ħsara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li malli l-ħama li hemm fil-qiegħ tal-ġibjun tinxef, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma se tieħu ħsieb tnaddaf u tagħmel manutenzjoni fil-ġibjun imsemmi. Dan il-ġibjun jimtela bl-ilma tax-xita.

PBS — TV licences

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' liċenzji tat-televiżjoni tal-kulur imħallsa sena b'sena mill-2001 'il hawn? Kemm dawn il-liċenzji fil-fatt kienu jkopru settijiet tat-televiżjoni tal-kulur?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-PBS ġabret dawn l-ammonti ta' flus għall-liċenzji tat-televiżjoni tal-kulur: 2001 Lm2,179,580 2002 Lm2,143,502 2003 Lm2,174,859 2004 Lm1,357,414 (Jannar-Awwissu) Wara Awwissu tal-2004 l-PBS ma baqgħetx responsabbli għall-ġbir tal-liċenzji tat-televiżjoni tal-kulur. Din ir-responsabbilta' issa qiegħda taħt Ministeru ieħor li għandu l-informazzjoni mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari.

Wied il-Għajn — Triq il-Gemmugha

Question

Peress li l-art li hemm eżattament quddiem ir-Razzett tal-Ħbiberija, fi Triq il-Gemmugħa bejn Triq Sant'Antnin u Triq il-Qrempuċ fid-direzzjoni lejn Triq iż-Żafran, tinsab fi stat maħmuġ u ta' abbandun u tagħti dehra ta' żdingar għal min ikun dieħel Wied il-Għajn u peress li x-xogħol meħtieġ biex din l-art tiġi mnaddfa u fi stat aċċettabbli jaqa' taħt ir-responsabbilta' ta' diversi ministeri, jista' il-Prim Ministru jordna li dik l-art, li minn nofsha għaddejjin il-katusi tad-drenaġġ u hemm ukoll inspection chamber miftuħa li minnha joħorġu ħafna ġrieden, tiġi mnaddfa u fiha jitħawwlu xi pjanti u ward kif qed isir fi bnadi oħra madwar Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-informazzjoni mogħtija ma jidhirx li l-art li donnu qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi proprjetà tal-Gvern jew amministra mill-Uffiċċju Konġunt. Madanakollu ser nirreferi t-talba li saret lill-Ministru kkonċernat biex jara x’jista’ jsir.

Wied il-Għajn — Triq il-Gemmugħa

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12186 u cioe': Peress li l-art li hemm eżattament quddiem ir-Razzett tal-Ħbiberija, fi Triq il-Gemmugħa bejn Triq Sant'Antnin u Triq il-Qrempuċ fid-direzzjoni lejn Triq iż-Żafran, tinsab fi stat maħmuġ u ta' abbandun u tagħti dehra ta' żdingar għal min ikun dieħel Wied il-Għajn, u peress li x-xogħol meħtieġ biex din l-art tiġi mnaddfa u fi stat aċċettabbli jaqa' taħt ir-responsabbilta' ta' diversi ministeri, jista' il-Prim Ministru jordna li dik l-art, li minn nofsha għaddejjin il-katusi tad-drenaġġ u hemm ukoll inspection chamber miftuħa li minnha joħorġu ħafna ġrieden, tiġi mnaddfa u fiha jitħawwlu xi pjanti u ward kif qed isir fi bnadi oħra madwar Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12186.

Wied il-Għajn — Kunsill lokali - talbiet għal devoluzzjoni ta' proprjeta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru talbiet mill-kunsill lokali ta' Wied il-Għajn biex ikun hemm devoluzzjoni ta' proprjeta' governattiva fil-lokal lill-istess kunsill? Għal liema proprjeta' saru dawk it-talbiet, jekk kien hemm? Jekk kien hemm devoluzzjoni, ta' liema proprjeta', meta saret u għal liema skop saret tali devoluzzjoni? Jekk saru talbiet u ma ġewx aċċettati, x'kienet ir-raġuni għal tali ċaħdiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala għamel żewġ talbiet formali għal devoluzzjoni ta’ proprjeta’ tal-gvern. Dawn kienu: 1) Ir-Ridott ta' Marsaskala Fil-21 ta' Awissu, 2000, il-Kunsill applika formalment biex fis-sit imsemmi jagħmel Ċentru ghall-Għaqdiet. Id-Dipartiment tal-Gvern Lokali talab lill-Kunsill jipprovdi aktar dettalji, kif is-soltu jsir ma’ dawn l-applikazzjonijiet, bħal ngħidu aħna kont dettaljat tal-ħrug u l-infieq u l-ammont tal-investiment kapitali. L-informazzjoni mitluba baqgħet qatt ma waslet għand id-Dipartiment. 2) Torri San Tumas Fil-21 ta' Awissu, 2000 il-Kunisll applika wkoll għal dan is-sit. Il-proġett propost tal-Kunsill kien li fit-Torri jaghmel l-Uffiċċji Amministrattiv tiegħu u Ċentru tal-Wirjiet. Id-Dipartiment tal-Gvern Lokali għarraf lill-Kunsill li ma setax jilqa' it-talba peress li l-Kunsill ma kienx f'qagħda finanzjarja tajba biex iwettaq il-proġett. Fit-18 ta' Lulju, 2001, il-Kunsill reġa għamel talba oħra għal dan is-sit, biex fost ħwejjeġ oħra, jagħmel l-Uffiċċji Amministrattivi tiegħu. Id-Dipartiment tal-Gvern Lokali, prima facie, ma sab l-ebda oġġezzjoni għall-proġett propost u għadda l-applikazzjoni lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Bejn Settembru 2001 u Jannar 2004, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma setgħetx tikkummenta fuq it-talba tal-Kunsill minħabba li kien qed isir xogħol ta' restawr fit-Torri mill-Ministeru tal-Ambjent. Fis-17 ta' Settembru, 2004, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern qalet li l-Gvern kien qed jikkonsidra diversi pjani ghall-użu futur tat-Torri, fosthom it-talba għal devoluzzjoni. Minhabba li ma kienx hemm deċizjoni finali dwar l-aħjar użu ta' dan il-bini, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma setgħetx tibqa' tikkonsidra t-talba tal-Kunsill.

Wied il-Għajn — Triq il-Gemmugħa

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12186 u cioe': Peress li l-art li hemm eżattament quddiem ir-Razzett tal-Ħbiberija, fi Triq il-Gemmugħa bejn Triq Sant'Antnin u Triq il-Qrempuċ fid-direzzjoni lejn Triq iż-Żafran, tinsab fi stat maħmuġ u ta' abbandun u tagħti dehra ta' żdingar għal min ikun dieħel Wied il-Għajn, u peress li x-xogħol meħtieġ biex din l-art tiġi mnaddfa u fi stat aċċettabbli jaqa' taħt ir-responsabbilta' ta' diversi ministeri, jista' il-Prim Ministru jordna li dik l-art, li minn nofsha għaddejjin il-katusi tad-drenaġġ u hemm ukoll inspection chamber miftuħa li minnha joħorġu ħafna ġrieden, tiġi mnaddfa u fiha jitħawwlu xi pjanti u ward kif qed isir fi bnadi oħra madwar Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Kummissjoni Nazzjonali dwar ir-riformi tal-welfare

Question

Tista' il-Ministru tindika l-ismijiet tal-persuni li preżentement qed jokkupaw il-karigi rispettivi fil-kummissjoni nazzjoniali dwar ir-riformi tal-welfare?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kummissjoni Nazzjonali dwar ir-Riforma fil- Welfare kienet twaqqfet f’Ġunju 1999, bl-iskop li, fl-isfond tat-tibdiliet demografiċi, soċjali u ekonomiċi, tagħmel proposti dwar riforma fil-pensjonijiet u l-fondi meħtieġa biex jiffinanzjaw il-ħlas tal-pensjonijiet. Wara r-riżenja tal-membri tal-Kummissjoni, skond il-prassi, mal-ħatra ta’ Kabinett ġdid f’Marzu 2004, ma sarux ħatriet ġodda. Minflok, fl-1 ta’ Ġunju 2004 il-Gvern waqqaf Pensions Working Group biex, wara li jikkunsidra l-istudji u xogħol preċedenti dwar is-suġġett, inkluż dak tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar ir-Riforma fil-Welfare, jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Gvern dwar sistema ta’ pensjonijiet li tkun adekwata u sostenibbli. Il-Pensions Working Group hu kompost kif ġej: Chairman Is-Sur David Spiteri Gingell Manager, Cabinet Committee Support Unit Uffiċċju tal-Prim Ministru Membri Is-Sur Joe Ebejer Segretarju Permanenti Ministeru għall-Familja u Solidarjeta` Soċjali Is-Sur Edward Gatt Direttur Ġenerali Ministeru għall-Familja u Solidarjeta` Soċjali Is-Sur Leonard Callus Policy Co-ordinator Uffiċċju tal-Prim Ministru Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Grupp ġew ippublikati permezz ta’ White Paper f’Novembru li għadda.

Website ta' l-e-gov.

Question

Jista' il-Prim Ministru, permezz tad-DOI, jgħid meta saru l-aħħar updates mid-dipartiment ta' l-informazzjoni dwar id-diversi dipartimenti governattivi, ministeri, kummissjonijiet, eċċ li jaqgħu taħthom u li jidhru fuq il-website ta' l-e-gov.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma teżisti l-ebda website bl-isem e-gov., imma hemm żewġ servizzi, wieħed bl-isem ta’ “ e-government ” u l-ieħor “servizz.gov”, li t-tnejn li huma jinsabu fuq il- website tal-Gvern, www.gov.mt . Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-website tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni www.doi.gov.mt, allura għandi ngħarrfu li l-informazzjoni dwar ministeri, dipartimenti governattivi, kummissjonijiet etc, tiġi aġġornata regolarment mid-DOI, kull meta jkun meħtieġ. Ninsab infurmat ukoll li meta l-update ikun jitratta ħatriet ta’ kapijiet ta’ dipartimenti jew chairpersons/membri ta’ entitajiet governattivi, l-informazzjoni fuq il-website tad-DOI tiġi aġġornata hekk kif dawn il-ħatriet jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern. L-informazzjoni tiġi wkoll aġġornata meta d-dipartimenti jew l-entitajiet rispettivi jinformaw lid-DOI b’xi tibdil li jkun sar, jew meta tali tibdil jirriżulta minn updating exercises li d-DOI jagħmel mad-diversi dipartimenti u entitajiet minn żmien għal żmien.

Freeport — Xogħol ta' żebgħa fuq vapur

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jinvestiga ilment li wasal għandi li ġol-Freeport hemm xi vapuri li qed jagħmlu xogħol ta' żebgħa fuq il-vapur bil-konsegwenza li jwaqqgħu żebgħa u materjal ieħor fil-baħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li vapuri li jixtiequ jwettqu xogħlijiet bħal dawk li semma l-Onor. Membru għandhom l-użanza li jikkuntatjaw l-Malta Maritime Authority (MMA), li tindika lilll-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex din ta’ l-aħħar tagħti 'clearance' fuq kwistjonijiet ambjentali. Tlabt lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tikkuntattja lill-Malta Maritime Authority (MMA) u l-Malta Freeport ħalli tassigura li din il-proċedura qed tiġi osservata.

Immigranti Irregolari

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm waslu Malta immigranti irregolari mill-1999 sa l-aħħar ta' Mejju 2005, sena b'sena? Minn liema pajjiżi waslu? Kemm hu l-persentaġġ ta' dawn l-immigranti irregolari mal-popolazzjoni Maltija?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10251, ninsab infurmat illi matul din is-sena, sa l-aħħar ta' Mejju, kienu waslu 206. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi dan it-tagħrif mhux disponibbli għand il-Pulizija.

Immigranti Irregolari

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm saru talbiet minn immigranti irregolari biex jiġu kkunsidrati għall-istatus ta' refuġjati? Kemm minnhom ġew proċessati u kemm minnhom intlaqgħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li applikaw quddiem l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati għal rikonoxximent ta' status ta' refuġjat mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Mejju 2005 kien ta' 2,533. Minn dawn kien hemm 151 persuna li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati, waqt li 1,317 persuna ngħataw protezzjoni umanitarja. In-numru ta' dawk li għandhom protezzjoni umanitarja jinkludi 80 persuna li l-protezzjoni li għandhom hija proviżorja u li l-applikazzjoni tagħhom għal status ta' refuġjat għad trid titkompla. Kien hemm ukoll 890 persuna li l-applikazzjoni tagħhom ġiet rifjutata, u 64 persuna li rtiraw l-applikazzjoni tagħhom.

MEPA — Naħa t'isfel ta' Malta

Question

Peress li l-indikazzjonijiet fil-pjan propost mill-MEPA għan-naħa t'isfel ta' Malta - partikolarment għal Marsascala - mhumiex ċari biżżejjed għal kulmin mhux tekniku, jista' jinvestiga hux possibbli li l-indikazzjonijiet bil-kuluri differenti jiġu indikati bl-isem tat-toroq individwali u cioe' per eżempju: Triq il-Gardiel - ħames sulari ( five floors ) u semi basement ; Triq iż-Żefran - Sitt sulari (six floors) and basement; li jekk hu possibbli, jiġu indikati fit-tweġiba għal din id-domanda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li hemm xi toroq li għandhom aktar minn "height limitation" waħda l-aħjar mezz hu li dan jintwera fuq mappa. F'dan ir-rigward, fejn hemm bżonn ta' xi spjegazzjoni ikun aħjar li wieħed jikkuntattja l-uffiċjali responsabbli għat-tfassil ta' dan il-pjan fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), jew il-perit tiegħu biex dawn ikunu jistgħu jwieġbu għal xi mistoqsijiet u jispjegaw x'qed jipproponi l-Pjan.

Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Ċivili — Seduti tal-Kamra

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika f'liema seduti tal-Kamra ġew depożitati sentenzi komunikati mir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Ċivili lill-Onor. Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti kif provdut bl-Artikolu 242 tal-Kap 12? S'issa ttieħdu passi biex deċiżjonijiet hekk komunikati jiġu applikati għal-liġijiet li dwarhom tkun saret riferenza? Dwar liema liġijiet saru l-emendi f'dan ir-rigward, jekk saru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi dan it-tagħrif jirrekjedi li tiġi eżaminata kull sentenza biex jiġi determinat f'kull każ x'ġie deċiż, u dan l-eżerċizzju jieħu fit-tul. Għalhekk it-tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Linji ta' mobile telephone

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jinżammx record ta' dawk li għandhom reġistrata f'isimhom linja tat-telefon mobile u jekk fl-affermattiv, kemm kien in-numru ta' linji mobile, sena b'sena, mill-2001 'il hawn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li jinżammu rekords tal-persuni li għandhom reġistrat f'isimhom linja tat-telefon mobile kemm dawk fuq bażi ta' kuntratt (i.e. post-paid subscriptions) u kemm dawk fuq bażi ta' pre-paid. Filkaż tal- pre-paid, mhux bilfors li jinżammu ir-rekords tal-persuni reġistrati peress li dan jiddependi mill-persuna li qiegħda tixtri il- pre-paid subscription jekk tridx tkun reġistrata (bid-dettalji personali tagħha) jew le. Filkaż t'abbonamenti għal-linja tat-telefon mobile bil-kuntratt, ir-reġistrazzjoni tad-dettali personali hija obbligatorja. B'riżultat tal-liberaliżżazzjoni fis-settur tat-telekommunikazzjoni l-abbonamenti għal-linji tat-telefon mobile żdiedu minn madwar 20,000 fl-1999 għal 315,393 sa Marzu ta' din is-sena.

Imtarfa — Awtorita' tad-djar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12452 (seduta 270 tat-23/05/05), tista' il-Ministru gentilment tgħid għaliex propjeta' fl-Imtarfa (ritratti qed jintbagħtu separatament) li ilha taħt l-amministrazzjoni ta' l-awtorita' tad-djar sa minn meta giet trasferita lilha skond Avviz Legali 199 mid-9 ta' Novembru, 1990 baqgħet traskurata u abbandunata? Billi l-ispiża biex tiġi restawrata hija konsiderevoli, jikkonsidra l-gvern li jikriha lill-privat bis-solitu metodu ta' offerti u ovvjament b'kundizzjonijiet li jassiguraw li din tiġi restawrata u titħalla fl-istat oriġinali tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar qed tħejji pjanti għar-riabilitazzjoni tal-proprjeta' ndikata mill-Onor. Interpellant kif ukoll għall-art biswitha. Il-proġett se jinkludi bini ta' maisonettes, appartamenti u garages.