Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-proposta li għamilt lill-Ministru permezz ta' mistoqsija parlamentari xhur ilu, jiġifieri dik li sala fl-isptar il-ġdid Mater Dei tiġi msemmija għal Suor Aldegonda Farrugia ġietx ikkonsidrata kif kien weġibni l-Ministru meta wieġeb dik il-mistoqsija parlamentari? Jaħseb il-Ministru li l-ħidma tan-nurses għandha tiġi rikonoxxuta billi xi swali jissemmew għal nurses li taw servizz twil lil qasam tas-saħħa, bħal Suor Aldegonda Farrugia u Suor Frederika Galea li t-tnejn kienu pijunieri fit-taħriġ tan-nurses Maltin?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pożizzjoni tal-Ministeru għadha l-istess kif mogħtija fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 18212.

Żabbar — Garden Road

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid x'inhi r-raġuni li Garden Road, Żabbar tħalliet nofs leħja, b'nofs irranġata u in-nofs l-ieħor le? Meta hemm il-ħsieb li titkompla?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Novembru tas-sena l-oħra l-Awtorita' dwar it-Trasport organiażżat ‘Training Seminar’ għall-kuntratturi lokali, bl-iskop li jsir taħriġ fuq bini ta’ toroq. Għal dan it-taħriġ intagħżlet sezzjoni ta’ madwar 160m fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpelant. Dan it-taħriġ tlesta fi Frar. Il-parti tat-triq li ma ġietx irranġata hija nkluża fil-program ta’ toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed iħejji programm għal bini ta’ toroq ġodda u dawn se jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Triq li tagħti għall-ajruport

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq it-triq li tagħti għall-airport tal-Gudja? Kemm kellu jdum oriġinarjament dan ix-xogħol? Ix-xogħol se jitlesta fiż-żmien previst jew se jdum aktar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħol fuq it-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant u cioe' Triq l-Avjazzjoni Ċivili, Luqa beda fit-28 ta’ Marzu 2006. Ix-xogħlijiet fuq din it-triq huwa mistenni illi jitlesta għall-ħabta ta’ l-aħħar ta’ Awissu 2006. L-Awtorita’ tat-Trasport qed tagħmel is-sorveljanza neċessarja fuq il-kuntrattur biex il-completion period jiġi rrispettat u s’issa jidher illi l-istess xogħlijiet ser jiġu kompluti fit-target datestipulata mill-istess Awtorita’.

Karrijiet tal-Funerali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm liċenzji għall-karrijiet tal-funerali mis-sena 2000, sena b'sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija hawn taħt - : Sena Numru ta' karrijiet Malta Numru ta' karrijiet Ghawdex 2000 12 2 2001 11 2 2002 11 2 2003 11 2 2004 10 2 2005 10 2 2006 12 2 Pero’, nixtieq niġbed l-attenzjoni li l-Pulizija ta’ Malta għandhom ukoll vettura biex ikunu jistgħu jġorru l-mejtin.

Liċenzji tal-Karozzini

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm kien hemm liċenzji tal-karozzini (tat-turisti) sena b'sena mill-1992 sal-lum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab ninfurmat illi ADT ħadet ir-risponsabbilta tal-liċenzji ta’ dawn il-karozzini mill-2003. Minn dak iż-żmien ‘l hawn kien hemm 111 il-karozzin li intużaw mit-turisti li jġeddu l-liċenzja sena b’ sena. Għall-informazzjoni ta’ qabel 2003 l-Onorevoli Interpellant jixtieq jirreferi d-domanda lill-Ministru ta’ l-Intern peress li qabel din id-data din ir-risponsabbilta kienet f’ idejn il-Puliżija.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm saru toroq mill-gvern ċentrali li tħallsu mill-gvern jew minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea fiż-Żejtun, Żabbar, Wied il-Għajn u Fgura, sena b'sena mill-2002 sal-lum? Jista' jagħti breakdown ta' kull lokalita'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #19516 Sitting 395 2006-06-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Postijiet ta' divertiment — Daqq ta' mużika

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari preċedenti dwar ħinijiet li fihom postijiet liċenzjati ta' divertiment jistgħu jdoqqu mużika, jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-liġi tobbligax lil min idoqq il-mużika bejn id-9 00 a.m. u l-4 00 a.m. biex ikollu l-premises tiegħu sound proof inkella jridx idoqq il-mużika tiegħu b'mod li ma tinstemax minn barra għax inkella jekk le, ifisser li r-residenti ta' l-inħawi jkunu jistgħu jistrieħu biss wara l-4 00.a.m. meta jkun kważi sar il-ħin biex iqumu għax-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta

Question

Possibbli l-Enemalta tinformana x'sar dwar każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba li ma rċevejt ebda risposta għal diversi e-mails tiegħi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni (D/74/06) ġiet reġistrata fid-9 ta' Frar 2006. Peress li l-applikant kien għad kellu xi dejn x'iħallas lil Korporazzjoni Enemalta l-applikazzjoni ma setgħatx tiġi pproċessata. Meta tħallas id-dejn, l-applikazzjoni marret id-distrett u x-xogħol sar fis-6 t'April 2006.

Żejtun — Bdil ta' kanen u mains ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 19082 u 19222 u jgħid permezz tal-water services corporation meta hemm il-ħsieb li jsiru xogħlijiet ta' bdil ta' kanen u mains f'diversi toroq fiż-Żejtun? Minħabba diversi ilmenti minn residenti f'toroq differenti li qed jilmentaw minn pressa baxxa ta' l-ilma, provvista irregolari ta' l-ilma kif ukoll ilma bis-sadid, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn l-ilmenti waslux għand il-water services corporation? Jekk iva, hemm il-ħsieb li jibdew ix-xogħlijiet biex dan l-inkonvenjent tar-residenti jiġi rrimedjat? Meta se jibdew dawn ix-xogħlijiet u f'liema toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ilha tirċievi lmenti dwar ilma bis-sadid f'diversi toroq fiż-Żejtun. Fil-fatt, ftit taż-żmien ilu saru pjanijiet biex jitwettqu żewġ proġetti ta' bdil ta' mejnijiet f'diversi toroq fiż-Żejtun. Iż-żewġ inħawi huma magħrufa bħala Tal-Ħniena u Tal-Kantur. Wara li tlestew dawn il-pjanijiet, inħarġu żewġ kuntratti lil kuntratturi differenti f'Novembru u Diċembru li għadda. Il-kuntratturi bdew il-preparamenti biex isir dan ix-xogħol u applikaw għall-permessi ta' tħaffir meħtieġa. Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun pero' għamel kundizzjoni li biex il-KSI twettaq dan il-proġett, din għandha tintrabat li tiksi l-wiċċ kollu tat-toroq bit-tarmac. Il-KSI ma tħossx li dan hu ġust u għandha tintrabat biss biex tiksi dawk it-trinek li ser jinqalgħu biex isir dan il-proġett. Saru diversi laqgħat u korrispondenza bejn il-Kunsill u uffiċċjali tal-KSI iżda s'issa għadu ma ntlaħaqx ftehim. Il-Kunsill mhux lest li jagħti l-permessi meħtieġa jekk ma jinkesiex bit-tarmac il-wiċċ kollu tat-toroq. Sabiex tikkomplika l-affarijiet, jien infurmat ukoll li dan l-aħħar xi partijiet minn dawn il-mejnijiet antiki komplew jinstaddu u r-residenti issa qed isofru wkoll minn nuqqas fil-provista tal-ilma. Bħalissa l-aktar li qed ibgħatu minn dan in-nuqqas huma r-residenti ta' Triq Vendome. Wieħed jittama li l-Kunsill ma jdumx ma jagħti l-permess biex jitwettaq dan ix-xogħol sabiex it-tbatija tar-residenti tittaffa mill-aktar fis .

WSC — Żejtun

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19082 u jgħid permezz tal-Water Services Corporation, meta hemm il-ħsieb li jsiru xogħlijiet ta' bdil ta' kanen u mains f'diversi toroq fiż-Żejtun? Minħabba diversi ilmenti minn residenti f'toroq differenti li qed jilmentaw minn pressa baxxa ta' l-ilma, provista irregolari ta' l-ilma kif ukoll ilma bis-sadid, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn l-ilmenti waslux għand il-Water Services Corporation? Jekk iva, hemm il-ħsieb li jibdew ix-xogħlijiet biex dan l-inkonvenjent tar-residenti jiġi rimedjat? Meta se jibdew dawn ix-xogħlijiet u f'liema toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Skola ta' Wied il-Għajn

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk l-iskola ta' Wied il-Għajn hiex se tiġi mikrija fis-sajf lil terzi persuni privati biex isservi ta' post ta' tagħlim? Taħt liema kondizzjonijiet se tingħata? Kemm hu n-numru ta' studenti li mistennija jiġu? Meta bdew it-trattati dwar dan il-proġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kumpanija li tagħti servizz ta' tagħlim ta' l-Ingliż għall-barranin uriet interess li tikri xi klassijiet fl-iskola ta' Wied il-Għajn matul ix-xhur tas-sajf għal skopijiet ta' tagħlim ta' l-Ingliż. Billi id-diskussjonijiet biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ma ġewx finalizzati, f'dan l-istadju ma jistax jingħata n-numru ta' studenti li mistennija jiġu.

Enemalta — Deviation ta' cables

Question

Tista' l-Enemalta tieħu passi biex isiru d-deviation tal-cables mill-indirizz li qed jintbagħat separatament, għax ħareġ il-permess tal-bini u ma jistax jinbeda x-xogħol qabel l-Enemalta iċċaqlaq dawn il-cables? Jista' ikolli indikazzjoni meta se jsir dan ix-xogħol? Kemm hi l-average waiting time fuq xogħlijiet bħal dawn?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol li kellu jsir fuq deviation tal-cables fl-indirizz imsemmi tlesta fit-18 ta' Mejju 2006. Id-dewmien sakemm isir deviation ivarja konsideratament skond it-tip ta' deviation li jkun irid isir.

WSC — Żejtun

Question

Jista' il-Ministru, permezz tal-Water Services Corporation, ġentilment jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru xogħlijiet ta' bdil ta' kanen u mains f'diversi toroq fiż-Żejtun? Minħabba diversi ilmenti minn residenti f'toroq differenti li qed jilmentaw minn pressa baxxa ta' l-ilma, provista irregolari ta' l-ilma kif ukoll ilma bis-sadid, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn l-ilmenti waslux għand il-Water Services Corporation? Jekk iva, hemm il-ħsieb li jibdew ix-xogħlijiet biex dan l-inkonvenjent tar-residenti jiġi rimedjat? Meta se jibdew dawn ix-xogħlijiet u f'liema toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Birżebbuga — Freeport

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi dwar ilmenti li waslu għandi li b'mod regolari vapuri ta' nazzjonalita' barranija li jkunu sorġuti l-freeport f'Birżebbuga qed isir xogħol ta' żebgħa fuqhom bil-konsegwenza li qed isir tinġis tal-baħar bl-ammont ta' żebgħa u materjal ieħor li qed jispiċċaw ġol-baħar waqt dan ix-xogħol? Jien informat li dan l-abbuż ilu jsir u baqa' isir, anke wara li kont ġbidt l-attenzjoni permezz ta' mistoqsija parlamentari oħra. Jista' il-Ministru jara li din id-darba dan l-ilment jiġi investigat u jittieħdu passi biex ma jibqax isir dan it-tinġis fil-baħar? Jista' il-Ministru ġentilment jinformana x'passi jkunu ttieħdu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li vapuri li jixtiequ jwettqu xogħlijiet bħal dawk li semma’ l-Onor. Membru jikkuntattjaw l-Malta Maritime Authority (MMA), li tindika lilll-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex din ta’ l-aħħar tagħti 'clearance' fuq kwistjonijiet ambjentali. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma rċeviet l-ebda ilment dwar dawn ix-xogħlijiet. Peress li jidher li jista’ jkun hemm xi nuqqasijiet f'dan ir-rigward il-MEPA sejra terġa’ tikkuntattja lill-Malta Maritime Authority (MMA) u l-Malta Freeport (MFP) ħalli tassigura li din il-proċedura tiġi osservata u sabiex tinsisti mal-Malta Maritime Authority (MMA) u / jew il-Malta Freeport (MFP) illi biex jingħata clearance, l-Malta Maritime Authority (MMA) u / jew il-Malta Freeport (MFP) trid tibda’ tipprovdi sorveljanza kontinwa mill-inspectors tagħhom.

Safi Barracks

Question

Possibbli li l-Forzi Armati ta' Malta ma tibqax tagħmel l-iżball li probabbli ġej minn żmien l-Ingliżi u tibqa' tirriferi għall-barracks tagħha bħala Safi Barracks, għaliex dawn jinsabu f'Ħal Kirkop u m'għandhom x'jaqsmu assolutament xejn ma' Ħal Safi u fir-realta' għandhom jissejħu bħala Kirkop Barracks?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Napprezza s-suġġeriment ta’ l-Onor Membru iżda niġbidlu l-attenzjoni għall-fatt li din il-propjeta’ militari ilha magħrufa hekk sa minn mindu imbniet.

MEPA

Question

Jista' il-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni li ntalbet f'mistoqsija parlamentari 17590 fis-seduta 361 tas-6 ta' Marzu 2006 u liema informazzjoni kellha titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra skond it-tweġiba 18006 fis-seduta 370 tas-27 ta' Marzu, 2006?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. B’mod ġenerali l-maġġor parti ta’ l-ipproċessar ta’ dawn l-applikazzjonijiet qiegħed fi stadju avvanzat.

Isla — Arloġġ

Question

Jista' il-Ministru, permezz tal-MEPA, jara min hu responsabbli għall-istat inaċċettabbli li jinsab fih l-arloġġ ta' l-Isla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ser nitlob lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) sabiex, flimkien ma’ Heritage Malta, jikkunsidraw l-aħjar passi li jistgħu jittieħdu.
Leg 10 PQ #18354 Sitting 377 2006-04-25 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Imġarr, Għawdex — Proġett

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm se jiġi jiswa l-proġett ta' l-Imġarr, Għawdex? Meta hemm il-ħsieb li jitlesta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jpoġġi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Wied il-Għajn — Triq it-Tiben

Question

Possibbli l-Enemalta ġentilment tgħid x'passi ħadet u qed tieħu biex tiġi riżolta l-problema ta' vultaġġ baxx ta' l-elettriku fi Triq it-Tiben, Wied il-Għajn minħabba li r-residenti ilhom snin twal jilmentaw minn din il-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minħabba li diġa sar xogħol ta' tisħiħ fuq is-sistema ta' vultaġġ baxx ma jirriżultax li għad fadal vultaġġ baxx fl-inħawi. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub li jagħti aktar dettalji biex ikun jista' jsir l-istħarriġ meħtieġ.