Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19516 u jgħid b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari preċedenti dwar ħinijiet li fihom postijiet liċenzjati ta' divertiment jistgħu jdoqqu mużika, jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-liġi tobbligax lil min idoqq il-mużika bejn id-9 00 a.m. u l-4 00 a.m. biex ikollu l-premises tiegħu sound proof inkella jridx idoqq il-mużika tiegħu b'mod li ma tinstemax minn barra għax inkella jekk le, ifisser li r-residenti ta' l-inħawi jkunu jistgħu jistrieħu biss wara l-4 00.a.m. meta jkun kważi sar il-ħin biex iqumu għax-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-liġi tobbliga lill-operaturi ta' postijiet ta' divertiment li jdoqqu l-mużika b'mod li ma tinstemax minn barra wara l-11.00 pm f'kull parti ta' Malta u Għawdex ħlief għal xi lokalitajiet ta' divertiment elenkati fl-Avviż Legali fejn il-mużika ma tistax tinstema minn barra wara s-1.00 am.
Minbarra dan kull persuna hi mħarsa permezz tal-Kodiċi kriminali (kapitlu 9) kontra nkonvenjent fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġielix sar xi studju mill-Enemalta jekk tistax tiġġenera xi ammont ta' enerġija mill-ilma li joħroġ mill-mina li hemm għal ġol-baħar u li jintuża għall-cooling system tal-power station ta' Delimara?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tul ix-xhur tas-sajf meta l-ġurnata titwal, jikkonsidra l-Ministru proposta li l-ħaddiema taċ-ċimiterju ta' l-Addolorata jibdew jidħlu ftit aktar tard fil-għodu u jdumu ftit aktar fil-għaxija u dan biex id-dfin ma jibqax isir biss sat-3.45 p.m. u dan fid-dawl ta' ilmenti li ta' spiss isiru minn membri tal-kleru li l-funerali jkollhom isiru kmieni wara nofsinhar (bejn is-1 p.m. u s-2.30 p.m.) meta x-xemx tkun fl-aqwa tagħha u dan biex ilaħħqu d-difna sat-3.45 p.m.?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dfin fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata jista' jsir bejn is-sebgħa ta' filgħodu u nofs in-nhar, u bejn is-sagħtejn u l-erbgħa ta' wara nofs in-nhar. Barra mid-dfin, ix-xogħol fiċ-ċimiterju jinvolvi tindif ta' oqbra pubbliċi u privati u anke transport ta' kadavri minn qabar għall-ieħor.
Il-proposta biex il-ħaddiema ta' dan iċ-ċimiterju jidħlu għax-xogħol iktar tard u jdumu aktar fil-għaxija m'hijiex prattikabbli għaliex trid tieħu n'konsiderazzjoni dak ix-xogħol l-ieħor li jrid isir barra d-dfin. L-aktar fattur li jillimita l-ħinijiet li fihom isiru l-funerali huwa dovut għal ħinijiet allokati mill-kappillani għal quddies fil-knejjes.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn ċimiterji f'Malta u Għawdex? Kemm għandu talbiet pendenti l-gvern għal xiri ta' oqbra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li f'Malta u Għawdex hawn tnejn u sittin (62) ċimiterju. Numru konsiderevoli minn dawn iċ-ċimiterji ma jintużawx u oħrajn huma tal-militar.
In-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal xiri ta' oqbra f'ċimiterji tal-Gvern huwa ta' 5,032. Dawn huma mqassmin skond kif ġej:
Ċimiterju
Numru ta' applikazzjonijiet pendenti
Addolorata
2796
Burmarrad
445
Kalkara
26
Mellieħa
69
Mġarr
29
Mosta
502
Qormi
201
Rabat
614
Ta' Braxia
127
Żebbuġ
223
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm taw donazzjonijiet f'apparat mediku jew xorta oħra il-Life Cycle kemm ilu mwaqqaf?
Il-leave ta' l-impjegati tad-diviżjoni tas-saħħa li jieħdu sehem fil-life cycle ta' din is-sena, liema leave issemma mill-ministru dan l-aħħar, huwa leave bi ħlas u li ma jonqosx mill-leave ta' l-impjegati kif fuq kollox għandu jkun?
Kemm hemm tobba u nurses jew membri ta' professjonijiet oħra jieħdu sehem?
Jista' jagħti breakdown ta' dawk li se jieħdu sehem skond il-professjoni?
Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-apparat mediku li ngħata mill-Life Cycle lir-Renal Unit ta' l-Isptar San Luqa minn mindu ġiet mwaqqfa il-Life Cycle huwa kif ġej:
1999/2000- 4 kidney machines
2000/2001- Airconditioning System
Part funding of the Reverse Osmosis Plant
2002/2003- 6 Kidney machines
3 Automated Peritoneal Dialysis Machines (APD)
2003/2004- 1 Kidney machine
1 Dialysis Couch
Extension & Refurbishing of Renal Unit
9 APD Machines
2004/2005- Ultrasound Machines
Portable Vascular Ultrasound Machine
14 APD machines
1 Kidney machines
2006 - Computerized Cycling Machine for patients on Dialysis
Donazjonijiet- 4 Kidney machines
futuri għall-2006 2 Dialysis couches with weighing scale
1 Patient hoist with scale
Apparti l-apparat imsemmi hawn fuq, il-Life Cycle taw donazjonijiet għal użu personali lill-Pazjenti tar-Renal Unit.
Fir-rigward tal-leave ta' l-impjegati, il-Life Cycle għan-nom ta' dawk li ser jieħdu sehem din is-sena, kitbet lill-Ministru tas-Saħħa biex jingħataw special leave. Din it-talba qed tiġi kkunsidrata.
Il-Persuni li għalihom saret it-talba din is-sena huma kif ġej:
1 Consultant Psychiatrist
4 Medical Doctors
5 Physiotherapists
4 Staff Nurses
1 Radiographer
1 Senior Medical Lab Scientist
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titkompla Triq il-Gandoffli, Wied il-Għajn li hi prattikament kważi lesta b'parti żgħira ħafna mit-triq li tħalliet imħarbta?
Apparti li din hi ta skumdita u inkonvenjent għar-residenti u għat-traffiku, billi din it-triq tagħti għal mal-promenade ta' Wied il-Għajn, jista' il-Ministru jidħol fil-każ u jara li din it-triq tistax titkompla għax hi anke eyesore għat-turisti?
Possibbli ssir site visit mill-awtorita' dwar it-trasport f'din it-triq biex jiġi aċċertat kemm fadal ftit xogħol xi jsir biex it-triq titkompla?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Billi l-policy tal-gvern preżenti hi li jinkoraġġixxi inizjattivi privati fl-industrija tat-turiżmu, x'inhi r-raġuni li l-awtorita' dwar it-trasport qed issibha daqstant diffiċli biex toħroġ permess lill-uniku vintage coach (mhux vintage bus imma vintage coach) li hawn Malta meta hemm domanda minn aġenti tat-turisti għalih?
Billi dan huwa l-uniku vintage coach li hawn Malta u hu antik ħafna, possibbli l-awtorita' dwar it-trasport tara li tikkonsidra l-pożizzjoni tagħha u toħroġ il-permess għal dan il-vintage coach, liema permess ilu jintalab għal żmien konsiderevoli?
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern fuq din it-talba, cioe' ladarba hawn talba għall-vintage coach mill-aġenti tat-turisti u dan il-vintage coach qiegħed Malta diġa'? Jaqbel il-Ministru li dan għandu jinħariġlu l-permess biex ikun jista' jaħdem?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Dwar il-coach li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, jien infurmat li dan hu coach normali li għadu reġistrat u liċenzjat biex jintuża għall-ġarr stradali ta’ passiġġieri bi ħlas jew b’kumpens, u allura l-operatur hu kopert bil-permessi meħtieġa biex ikompli jużah.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19626 u jgħid għal liema raġuni l-ADT ġabret l-ispecial licence tad-despatchers li jaħdmu magħha? Possibbli l-Ministru jivverifika jekk l-ADT kellhiex id-dritt li tagħmel dan?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tara kif dawn l-impjegati tal-ADT li għandhom tags jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom filwaqt li jżommu d-dritt għat-tag, mingħajr ma dan joħloq konflitt fl-irwol tagħhom ta' enforcement.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm hemm swali fl-isptar San Luqa u Karen Grech imsemmija għall-professuri, speċjalisti jew tobba u kemm hemm swali imsemmija għan-nurses?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar San Luqa u Karen Grech hemm ħdax -il ward imsemmija wara Konsulenti jew Tobba, u hemm żewġ wards imsemmija wara nurses jew midwifes.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti għall-inizjattiva li ħa l-Ewro Parlamentari Malti l-Onor. Simon Busuttil dik li l-Gvern Malti jemenda l-liġijiet Maltin biex impjegati tal-gvern fuq bażi ta' kuntratt definit li jkunu ilhom impjegati aktar minn erba' snin, jingħataw id-dritt ta' kuntratt ta' xogħol indefinit?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li qed isir studju biex jiġi stabbilit jekk hemmx lok ta’ xi tibdil fil-liġijiet jew ‘policies’dwar impjegati tal-gvern fuq kuntratt definit, u jekk għandhomx jingħataw kuntratt ta’ xogħol indefinit.
Il-gvern ikun jista’ jieħu pozizzjoni wara li jitlesta dan l-istudju.
Jista' il-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-faċilitajiet sportivi li hemm fil-Kulleġġ San Benedittu f'Ħal Kirkop jibdew jintużaw ukoll mill-komunita', inkluż mill-istudenti ta' l-iskola primarja ta' Ħal Kirkop?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kulleġġ San Benedittu u l-Kunsill Malti għall-iSport qegħdin f'laqgħat biex ifasslu ftehim dwar kif il-faċilitajiet sportivi tal-Kulleġġ, waqt li jintużaw mill-aktar possibli mill-istudenti, jkunu jistgħu ukoll jintużaw mill-pubbliku inġenerali f'ħinijet fejn ma jkunx qed jintuża mill-iskola.
Jista' il-Ministru ġentilment jinformani jekk hemmx żviluppi fil-problema li qed issib il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex tbiddel kanen ta' l-ilma fiż-Żejtun minħabba li l-kunsill lokali mhux qed jagħti permess lill-imsemmija korporazzjoni biex tagħmel dan ix-xogħol sakemm l-istess korporazzjoni ma tintrabatx li tagħti t-tarmac lit-triq kollha u mhux fuq it-trinka li tkun tħaffret?
Billi hemm residenti li qed ibatu l-konsegwenzi minħabba d-deċiżjoni tal-kunsill lokali taż-Żejtun għax m'għandhomx provvista regolari ta' ilma, jista' il-gvern jintervjeni biex ix-xogħol li hemm bżonn isir mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma jsir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għalkemm saru xi laqgħat bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-Kunsill taż-Żejtun, kif ukoll mal-kuntratturi konċernati dwar dawn il-proġetti, ma kienx hemm żviluppi sostanzjali s'issa peress li l-Kunsill għadu jsostni l-pożizzjoni tiegħu.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm ġew importati coaches ġodda f'Malta din is-sena u s-sena l-oħra? Fuq min ġew liċenzjati?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’2005 u 2006 ma ġewx reġistrati u liċenzjati l-ebda coaches ġodda f’Malta.
Pero’, nixtieq niġbed l-attenzjoni li f’2005 ġiet reġistrata u liċenzjata coach li kienet “used motor vehicle”. L-isem u l-indirizz fuq min din ġiet reġistrata u liċenzjata huwa :-
BCY 902 Volvo AH2EE
Catherine Abela ID 393863 M
St Rita
Triq Bugħarbiel
Żejtun
Possibbli l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tinvestiga ilmenti li waslu għandi mir-residenti ta' Triq il-Bon Kunsill, Żejtun li qed jilmentaw minn pressa baxxa ta' ilma fir-residenzi tagħhom?
Billi r-residenti ta' din it-triq qed jilmentaw minn din il-problema, possibbli niġi nformat dwar x'passi ttieħdu jew se jittieħdu mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li dan in-nuqqas ta' provista tal-ilma fi Triq il-Bon Kunsill, Żejtun, ġiet minħabba f'eżerċizzju ta' zoning li kien qed isir f'dawn l-akwati sabiex jiġi determinat l-aħjar mod li tingħata l-provista ta' ilma lir-raħal kollu. Minħabba l-fatt li għad hemm xi mains qodma u bblukkati, dan l-eżerċizzju ma rnexxiex u s-sistema ġiet irritornata għal kif kienet qabel. B'hekk, il-provista tal-ilma f'din it-triq irritornat għan-normal. L-eżerċizzju serva biex ikunu determinati liema mains għandom bżonn jinbidlu f'din il-lokalita.
Tista' il-Water Services Corporation tieħu ħsieb tirranġa l-ħsara li hemm fi Triq San Girgor, Żejtun għax hemm leakage ta' l-ilma li ilu għal żmien mhux ħażin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li wara li ġie rrapurtat ilma ħiereġ fi Triq San Girgor, Żejtun, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għamlet diversi eżerċizzji ta'detection biex ikun determinat minn fejn ħiereġ l-ilma. Wara diversi attentati anke b'meżżi differenti, fl-aħħar jidher li nstab il-post fejn hemm il-ħsara. Minħabba l-fatt li dan kien lejn l-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet, meta kien hemm il-festa taż-Żejtun, il-Kunsill ma tax permess biex titħaffer it-triq dakinhar, iżda jidher li issa dan ser jingħata, wara li għaddiet il-festa u din il-ħsara għandha tissewwa fi żmien qasir. Ta' min jgħid li din ma tidhirx li hija xi ħsara kbira u l-anqas m'hemm ħafna ilma ħiereġ.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk xi ħadd fil-ministeru tiegħu ġiex informat li l-istaff tal-consortium ġew avżati li spiċċaw in-nofs ta' nhari għas-sajf? Possibbli jsir xi attentat mill-gvern biex dawn il-ħaddiema jibqgħu jgawdu mill-istess kondizzjonijiet tal-ħaddiema tal-gvern, inkluż in-nofs ta' nhari?
Fid-dawl tax-xogħol li jsir minn dawn il-ħaddiema, hu possibbli li dawn igawdu l-istess kondizzjonijiet tal-ħaddiema tal-gvern?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda ħaddiem tal-Gvern misluf mal-Consortium ma tmisslu d-dritt tan-nofs ta' nhari għas-sajf. Jista’ jkun li l-Environmental Landscaping Consortium (ELC) ikun ingaġġa xi ħaddiema li ma jaqgħux taħt il-ftehim milħuq mal-Gvern. Dan jista’ jsir peress li l-Environmental Landscaping Consortium (ELC) hija entità private u għandi nifhem li min ikun impjegat ikun jaf il-kondizzjonijiet minn qabel.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid x'inhi r-raġuni li n-nurses kontra diversi professjonijiet oħra għadhom ma ngħatawx il-warrant? Meta wieħed jikkonsidra li hemm professjonijiet oħra li l-kors tagħhom fl-universita' hu ferm aqsar minn dak tan-nurses, x'inhi r-raġuni li n-nurses baqgħu ma ngħatawx il-warrant?
Jaħseb il-Ministru li wara diversi miżuri li ttieħdu minn dan il-gvern fis-snin preċedenti favur il-professjoni tan-nurses issa għandu jittieħed il-pass naturali li jmiss, dak li l-professjoni tan-nurse tiġi rikonoxxuta billi n-nurses jibdew jingħataw il-warrant meta jiggradwaw?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba f'dan ir-rigward qed tiġi ikkunsidrata.