Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar San Luqa — Pazjenti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19745 u jgħid x'turnover ta' pazjenti kien hemm f'kull sena ta' l-isptar San Luqa u Karen Grech f'kull xahar din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi hekk kif ġejja: Sena Numru ta' Registered In-patient Admissions Numru ta' Registered Discharges (incl Deaths) Numru ta' Registered Day Cases Average % Bed Occupancy (adjusted to exclude Day Care Beds) Turnover Rate (adjusted to exclude Day Care Beds) 2003 43,131 43,114 10,243 83.4% 66.0 2004 43,019 43,127 13,024 85.4% 67.3 2005 44,534 44,522 13,723 87.5% 67.7 Xahar Jannar-Mejju 2006 Numru ta' Registered In-patient Admissions Numru ta' Registered Discharges (incl Deaths) Numru ta' Registered Day Cases Average % Bed Occupancy (adjusted to exclude Day Care Beds*) Turnover Rate (adjusted to exclude Day Care Beds*) Jannar 4,172 3,968 1,055 93.6% 6.0 Frar 3,783 3,776 1,007 97.3% 5.6 Marzu 4,129 4,193 1,241 95.9% 6.3 April 3,726 3,779 1,173 89.4% 5.7 Mejju 4,066 4,055 1,179 86.8% 6.1 * Nota: Exclusive Day Care Beds huma s-sodod f'Day Surgery Unit, Endoscopy Unit u Renal Unit.

Wied il-Għajn — Triq il-Gandoffli

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titkompla Triq il-Gandoffli, Wied il-Għajn li hi prattikament kważi lesta b'parti żgħira ħafna mit-triq li tħalliet imħarbta? Apparti li din hi ta skumdita u inkonvenjent għar-residenti u għat-traffiku, billi din it-triq tagħti għal mal-promenade ta' Wied il-Għajn, jista' il-Ministru jidħol fil-każ u jara li din it-triq tistax titkompla għax hi anke eyesore għat-turisti? Possibbli ssir site visit mill-awtorita' dwar it-trasport f'din it-triq biex jiġi aċċertat kemm fadal ftit xogħol xi jsir biex it-triq titkompla?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant tagħmel parti mill-lista ta’ toroq li l-Awtorita' dwar it-Trasport identifikat għal program għall-bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali. Dan il-program diġa’ beda b’numru ta’ toroq li qed jinbnew u oħrajn (uħud minnhom f'Mscala) li qed jinħarġu t- tenders għax-xogħlijiet fuqhom. Is-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant li jkun verifikat li m'għadx hemm ħafna xogħol fuq il-parti li għadha ma saritx ġie mgħoddi lill-uffiċjali tal-ADT.

Ħal-Luqa — Vjal l-Avjazzjoni

Question

Tista' l-awtorita' dwar it-trasport taċċerta li l-kuntrattur jew kuntratturi li qed jaħdmu fi Vjal l-Avjazzjoni Ċivili, Ħal-Luqa (triq li tagħti għall-airport) ikollu d-dwal li hemm fuq il-blokok li qed jaqsmu t-triq jixgħelu għax fil-preżent m'hemmx lanqas waħda minnhom mixgħula u billi t-triq hi mudlama u billi hemm traffic diversion jista' faċilment isir inċident? Possibbli l-ADT taċċerta li dan isir mill-aktar fis possibbli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-ADT timmoniterja regolarment l-apparat tal-immaniġjar tat-traffiku fuq proġetti fejn ikun qed isiru x-xogħlijiet. Dan ma jfissirx li mankanzi li jinqalgħu minn żmien għall-żmien l-ADT ssir taf bihom mill-ewwel. Mankanzi tan-natura li indika l-Onorevoli Interpellant jistgħu jseħħu għax l-batteriji tad-dwal jinħela u dan jista' jseħħ meta ma jkunx hemm uffiċjali tal-ADT fuq is-sit. Il-kuntrattur, bħal f'każi simili fil-preżent ġie mgħarraf biex jirranġa l-apparat.

Permess għal ħruq tan-nar

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk meta jinħareġ permess biex jinħaraq nar f'festi jew okkażjonijiet oħra, dan jinħariġx bil-kondizzjoni li wara li jsir il-ħruq tan-nar, kemm jekk ikun ta' l-ajru ukoll jekk isir minn fuq każini jew jekk ikun nar ta' l-art, min ikun responsabbli jkunx obbligat li jagħmel tfittxija fejn ikun inħaraq in-nar u fl-inħawi ta' madwar għal xi bċejjeċ tan-nar li jkunu waqgħu u ma ħadux? Jekk iva, din il-kondizzjoni qed tiġi infurzata? Minn min? Ġieli waslu ilmenti dwar inċidenti minn bċejjeċ tan-nar li ma jkunux ħadu, billi waslitli informazzjoni minn staff li jaħdem l-isptar li ta' kull sajf qed ikollhom numru ta' inċidenti bi bċejjeċ tan-nar li jiġru f'dawn iż-żmenijiet ta' festi? Jista' jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-Regolamenti dwar il-Kontroll ta' Xogħlijiet tan-Nar u Esplożivi oħra jesiġu li d-detentur tal-liċenzja biex jaħraq ix-xogħlijiet tan-nar għandu jagħmel dak kollu li jkun meħtieġ sabiex isib u jneħħi mill-inħawi ta' madwar il-post tal-ħruq, dawk l-oġġetti kollha ta' xogħlijiet tan-nar li ma jkunux ħadu jew splodew kif ukoll materjal ieħor li jirriżulta mill-ħruq ta' dawn ix-xogħlijiet tan-nar. Fejn jirriżulta li dan ma jkunx sar, il-Pulizija tieħu passi skond il-liġi.

Importazzjoni ta' karrijiet tal-funerali

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk persuna li tixtieq timporta karru tal-funerali second hand li jkun f'kondizzjoni tajba jistax jagħmel dan u jingħatax il-liċenzja biex jaħdem bih?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li fid-dawl ta’ żviluppi riċenti bħalissa qed jiġi studjat l-operat u regolamentazzjoni tal-liċenzji tal-karrijiet tal-mejtin.

Trasferiment ta' coaches

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li fil-każ tat-trasferiment ta' coach antika ma waħda ġdida, it-taxxa marbuta mal-valuation tal-coach il-ġdida tiġi mneħħija ladarba t-taxxa fuq il-valur ta' dak il-coach tkun diġa' tħallset meta oriġinarjament inxtrat il-coach li issa qed tiġi kkonsidrata bħala antika? Jaħseb il-Ministru li dan għandu jgħin biex jitħaffef il-proċess tal-bdil tal-coaches l-antiki ma dawk ġodda? Meta wieħed jikkonsidra li skond risposta għall-mistoqsija parlamentari tiegħi f'dawn l-aħħar sentejn tbiddlet biss coach waħda, possibbli l-gvern jikkonsidra dan is-suġġeriment li għandu jgħin biex il-flotta ta' coaches antika tkun modernizzata b'servizz aħjar lit-turisti u li fuq kollox huma ta' anqas ħsara għall-ambjent?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li fir-rigward ta’ bdil ta’ coaches eżistenti ma’ coaches ġodda teżisti diġà ordni ta’ eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni. Kopja tal- exemption order qegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

ADT — Dispatchers

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19626 u ġentilment jinformana għal liema raġuni l-ADT ġabret l-ispecial licence tad-dispatchers li jaħdmu magħha? Possibbli jivverifika jekk l-ADT kellhiex dritt li tagħmel dan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqija parlamentari numru 19808.

Żejtun — Triq id-Daħla ta' San Tumas

Question

Possibbli l-Enemalta tinvestiga għaliex parti minn Triq id-Daħla ta' San Tumas, Żejtun ta' spiss qed tispiċċa bl-istreet lighting maqtugħ, bil-konsegwenza li jkun hemm dlam ċappa? Billi din il-problema qed tiġri ta' spiss u d-dawl jiġi għal ftit jiem u jerġa' imur, possibbli li din il-ħsara tiġi investigata u rimedjata fl-iqsar żmien possibbli?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret ma jirriżultax li hemm xi ħsara permanenti fl-street lighting iżda xorta waħda se jsiru xogħolijiet ta' manutenzjoni preventiv fejn sejrin jinbidlu it-time switch u l-photocell li jikkontrollow id-dwal ta' din it-triq.

Vintage Coach

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19776, billi l-Ministru jaf sew x'qed jitlob is-sid in kwestjoni, jiġifieri li jkun jista' jimporta coach ġdid u modern, airconditioned u attrezzat kif suppost li jużah bil-pjanċi ta' dan il-coach l-antik u l-coach l-antik jingħata l-liċenzja ta' vintage coach billi hemm domanda mill-operaturi tat-turisti għall-coach vintage fil-ġarr ta' turisti? Jista' il-Ministru allura jgħid jekk dan hux possibbli? Għaliex qed tinstab daqstant problema li dan is-sid jingħata permess biex dan il-coach li hu tan-1960s u hu l-uniku wieħed daqshekk antik Malta jkun jista' jużah bħala vintage coach filwaqt li jkun jista' jimporta wieħed modern minfloku?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-operatur li għalih qed jirriferi l-Onorevoli Interpellant, bħal kull operatur ieħor fis-settur tal-coaches, jaf li jeżisti ftehim bejn il-Gvern u l-Unschedules Bus Service li sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet ċara li s-suq lokali jirrikjedi, n-numru ta' permessi ta' coaches ma jiżdiedx. Għaldaqstant l-ADT tħoss, li fiċ-ċirkostanzi, lill-operatur konċernat ma jistax jinħariġlu permess addizzjonali ma’ dawk li diġà għandu.

Arloġġ ta' l-Isla

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19826 u jgħid: B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 18315, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi pożittivi dwar it-talba li kellha ssir mill-Ministru lil MEPA biex flimkien ma' Heritage Malta jaraw x'passi jistgħu jittieħdu dwar l-arloġġ ta' l-Isla? X'sar s'issa u x-xogħol sar minn mindu għamilt il-mistoqsija fuq dan l-arloġġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m'għandhiex informazzjoni dwar min hu s-sid ta' l-Arloġġ ta' l-Isla u għalhekk ma tistax tieħu passi għar-restawr ta’ dan l-arloġġ. F’każ li l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tkun taf min hu s-sid, allura l-Awtorità tikkunsidra li toħroġ conservation order. Sadanittant l-Awtorità kitbet liċ-Chairman tal-Heritage Malta ħalli tiġi kkoordinata l-ħidma.

Benefiċċji Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk persuna waħedha li għandha dħul minn pensjoni ta' l-irtirar li komplessivament ma' xi dħul ieħor minn imgħax ma jkunx jeċċedi s-somma ta' Lm3,270 fis-sena, hijiex intitolata għal xi benefiċċju bħal allowance supplimentari u/jew xi benefċċji oħra? Il-bonus li jingħata kull sitt xhur, jingħadd mad-dħul għal skop ta' dak il-benefiċċju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li persuna weħedha tkun intitolata għal Għajnuna Supplementari mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jekk id-dħul kollu tagħha ma’ jaqbiżx Lm3,270. Din is-somma tinkludi kull dħul, inkluż pensjonijiet lokali u barranin, bonuses statutorji, imgħaxijiet, renti, eċċ. Peress li l-benefiċċji jew għajnuniet oħra jistgħu jkunu regolati minn testijiet tal-mezzi differenti, inkluż test dwar l-assi kapitali, jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi persuna partikolari, nitolbu jagħti parir lil din il-persuna biex tikkonsulta ma’ l-uffiċjali fl-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.

Żejtun — Knisja ta' San Girgor

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid jekk meta ġie rrapportat l-att vandalu fuq il-Knisja antika ta' San Girgor, Żejtun, fejn fost l-oħrajn saret ħsara lil kwadru ta' San Girgor li hija pittura imprezzabbli tas-seklu sbatax, kenitx saret inkjesta maġisterjali? Jekk iva, l-inkjesta ġiet konkluża?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kienet saret inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa dwar il-ħsarat fil-knisja ta' San Girgor fiż-Żejtun li kienu ġew irrapurtati lill-Pulizija f'Settembru tas-sena l-oħra. Infurmat ukoll li din l-inkjesta għadha ma ġietx konkluża.

Żabbar — Triq ta' Lanza

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' estensjoni ta' drenaġġ fi Triq ta' Lanza, Żabbar? Japprezza l-Ministru li meta jgħaddi s-sajf se jkun diffiċli li jsir ix-xogħol minħabba li l-bdiewa jaħdmu r-raba'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Power Station ta' Delimara

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19823 u jgħid jekk ġielix sar xi studju mill-Enemalta jekk tistax tiġġenera xi ammont ta' enerġija mill-ilma li joħroġ mill-mina li hemm għal ġol-baħar u li jintuża għall-cooling system tal-power station ta' Delimara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan it-tip ta' studju ġieli sar. Waqt il-fażi ta' żvilupp ta' Delimara Power Station ġie kkunsidrat il-possibilita' ta' rikuperar tal-enerġija , pero' din ma kienitx vjabbli.

Permessi għal Skavar/Qtugħ tal-Blat

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19818 u jgħid x'kondizzjonijiet jagħmlu l-awtoritajiet, fosthom il-MEPA, meta jinħarġu permessi għal skavar u/jew qtugħ ta' blat f'inħawi viċini ta' djar abitati minn ġirien b'inġenji li jredu l-bini u joħolqu inkonvenjent lill-abitanti ta' l-inħawi bil-ħsejjes? Isir kontroll biex ikun aċċertat li dawk il-kondizzjonijiet, jekk jeżistu, ikunu qed jiġu osservati? Jekk iva, minn min? Laħqu ttieħdu passi kontra xi ħadd jekk kien hemm ksur ta' kondizzjonijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjoni dwar it-tip ta' inġenji li jintużaw fuq is-sit ta' kostruzzjoni u kif isir it-tqattiegħ taqa' taħt ir-responsabiltà tal-perit inkarigat mix-xogħlijiet u mhux taħt l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma tagħmilx kundizzjonijiet f'dan is-sens. F’kas ta’ proġetti kbar, jintalab Construction Management Plan fejn il-perit jindika, meta u kif isir it-tqattiegħ. Dan ix-xogħol jiġi osservat minn Monitoring Officer li jiġi mqabbad mill-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

ADT — Despatchers

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jirrispondi mistoqsija parlamentari 19626 u jgħid għal liema raġuni l-ADT ġabret l-ispecial licence tad-despatchers li jaħdmu magħha? Possibbli l-Ministru jivverifika jekk l-ADT kellhiex id-dritt li tagħmel dan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 19808.

Arloġġ ta' l-Isla

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 18315, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi pożittivi dwar it-talba li kellha ssir mill-Ministru lil MEPA biex flimkien ma' Heritage Malta jaraw x'passi jistgħu jittieħdu dwar l-arloġġ ta' l-Isla? X'sar s'issa u x-xogħol sar minn mindu għamilt il-mistoqsija fuq dan l-arloġġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f’seduta oħra.

Sptar San Luqa — Ambulanzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ambulanzi fl-isptar San Luqa li jintużaw bħala stand byil-casualty? Ta' liema tip huma u f'liema sena nxtraw?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-casualty ta' l-isptar San Luqa hemm żewġ ambulanzi stand by. Dawn huma tat-tip Ducato li huma l-aktar ambulanzi attrezzati li nxtraw fl-2003.

Liċenzji tal-karozzini

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19630, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm karozzini tat-turisti liċenzjati sena b'sena mill-1992 sakemm il-liċenzji kienu f'idejn il-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5123 f'Seduta Nru. 121.