Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Kirkop — Reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm ġew rapportati serqiet. ġlidied, ħsara fi proprjeta' jew ksur ta' paċi pubblika f'Ħal Kirkop tul l-2005 u sa l-1 ta' Settembru, 2006? Possibbli jingħata breakdown skond it-tip ta' kull rapport, eżempju ġlied, serq, eċċ.?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #20676 Sitting 430 2006-09-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Konvenzjoni għal Protezzjoni tad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali

Question

Jista' il-Ministru jindika meta Protokolli 1, 4, 6, 7, 12 u 13, kif emendati bi Protokol II dwar il-Konvenzjoni għal Protezzjoni tad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali, ġew ratifikati mill-Gvern Malti? Minfejn wieħed jista' jakkwista kopji bil-Malti ta' dawn il-protokolli u ta' l-istess konvenzjoni?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Protokolli 1, 4, 6, 7 u 13, kif emendati bi Protokol 2, dwar il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali, tal-Kunsill ta' l-Ewropa, ġew ratifikati minn Malta kif jidher hawn taħt: Protokol Numru 01: 21 ta' Jannar 1967 Protokol Numru 04: 05 ta' Ġunju 2002 Prokolol Numru 06: 26 ta' Marzu 1991 Protokol Numru 07: 15 ta' Jannar 2003 Protokol Numru 13: 03 ta'Mejju 2002 Il-Gvern Malti għadu qed jikkonsidra li jaċċedi għall-Protokol Numru 12 tal-Konvenzjoni imsemmija u għal dan il-għan il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin qiegħed f'konsultazzjoni ma' l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali.

Kumpannija li taħdem fil-Customs

Question

Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk kumpannija li taħdem fil-customs, tant li għandha l-vetturi u t-trakkijiet tagħha duty free, hijiex intitolata li tieħu d-diesel duty free?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment tad-Dwana m’għandu l-ebda kumpanija li taħdem miegħu.
Leg 10 PQ #20432 Sitting 429 2006-09-25 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Belt Valletta — Bini ta' San Ġwann

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiex stabbilit b'xi rapport li s-siġar li hemm quddiem il-qorti wara l-monument kif ukoll is-siġar l-oħra li hemm quddiem San Ġwann hux qed jagħmlu ħsara lil pedamenti tal-Kripta u tal-bini ta' San Ġwann? Jekk iva, meta sar dan ir-rapport u x'passi ttieħdu jew se jittieħdu biex ma tkompliex issir ħsara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Ministeru tiegħi m'għandu l-ebda rapport li jindika li s-siġar li hemm quddiem San Ġwann qed jagħmlu ħsara lil pedamenti tal-Kripta u l-bini ta' San Ġwann.
Leg 10 PQ #20434 Sitting 429 2006-09-25 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Palazz tal-President — Statwa tal-ġgant

Question

Jista' il-Minsitru jgħid jekk Heritage Malta tikkonsidrax li l-istatwa tal-ġgant li hemm fil-bitħa tal-palazz tittieħed fil-post oriġinali tagħha, jiġifieri viċin il-port quddiem il-knisja ta' Liesse? Tista' tingħata informazzjoni meta tneħħiet mill-Ingliżi din l-istatwa mill-post oriġinali u nġiebet fil-bitħa tal-palazz fejn m'għandha x'taqsam xejn ma' l-istorja u l-ambjent tal-palazz?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-istatwa li bħalissa tinsab fil-Palazz tal-President ma taqax totalment taħt ir-responsabbilta' ta’ Heritage Malta. Madankollu Heritage Malta tħoss li l-istatwa m'għandiex terġa titqiegħed fix-Xatt tal-Belt Valletta biex jiġi evitat li tkun esposta direttament għal għadd enormi ta’ elementi kimiċi naturali bħar-raxx tal-baħar li flimkien jagħmlu ħsara lil din l-istatwa ta’ valur artistiku importanti ferm. Minbarra dan qed jiġi rakkomandat li l-istatwa ta’ Nettunu titqiegħed ġewwa biex tkun protetta, konservata u murija kif jixraq. Il-vaska oriġinali tal-ġebel li kienet il-funtana għadha tezisti u tinsab fil-ġonna ta’ l-Argotti fil-Floriana. Il-funtana ta’ Nettunu ttellgħet fil-1615 mill-Gran Mastru Adolf de Wignacourt. L-istatwa tneħħiet mix-Xatt tal-Belt Valletta u ttiehdet fil-bitħa tal-Palazz fl-1858 meta kien Gvernatur Sir John Gaspard Le Merchant.

Użu ta' bolli lokali

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex bolli postali maħruġa qabel u sa l-1997 ma baqgħux validi biex jintużaw fuq posta (ittri, eċċ.) impustati lokalment? Ma jaħsibx li din hi azzjoni legali, li tali bolli maħruġa mill-posta qabel iż-żmien indikat, jiġu dikjarati invalidi? Taħt liema provvediment tal-liġi jista' isir dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dan sar bil-għan li ma jkunx hemm abbuż mill-bollol li jistgħu jkunu falsifikati. Il-provediment tal-liġi relattiva hu "Att tal-Posta (XXXV ta'l-1975) Parti V, Klawsola 15(3) u kif ġie emendat bl-Att postali 2002 (Kap 254), Parti V, Klawsola 36(2).

Isla — Arloġġ

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsijiet parlamentari 18315, 19826 u 19952, peress li skond l-informazzjoni li ġbart l-arloġġ ta' l-Isla jaqa' taħt il-kontroll tal-management tad-dockyard, jistgħu jittieħdu passi li jsir dak li hu meħtieġ minn min hu responsabbli biex it-tiswija u l-konservazzjoni ta' dan l-arloġġ issir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-arloġġ ta' l-Isla m'għadux jaqa' taħt il-kontroll tal-Malta Shipyards Ltd. Għalehekk nitlob l-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat, u cioe' lill-Ministru responsabbli għall-Artijiet (tal-Gvern).

Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja

Question

Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-aħħar rapport li sar mill-ġudikatura lill-kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja sal-15 ta' Jannar, 2006 u jinkludi l-lista tal-kawżi pendenti skond Artiklu II ta' Kap 369?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Importazzjoni ta' fuel

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-gvern fil-programm biex jiftah l-importazzjoni tal-fuel f'pajjiżna? Meta hemm pjan li dan is-suq jiġi liberalizzat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jiena nfurmat illi l-abbozz tal-leġislazzjoni neċessarja biex dan il-proċess tal-liberaliżżazzjoni tas-suq tal-fuel f’Malta jseħħ, jinsab fi stadju avvanzat u ser jiġi finaliżżat wara li jsir it-tibdil meħtieġ skond il-politika mfassla mill-Awtorita' tar-Riżorsi u wara l-approvazzjoni tal-Gvern fir-rigward tal-liberaliżżazzjoni ta’ dan is-suq. Il-politika qed tiġi mfassla wara proċess intensiv ta' konsultazzjoni li kien jinkludi kemm sottomissjonijiet bil-miktub kif ukoll sensiela ta' laqgħat mal-partijiet kollha nteressati.

Ministeru tas-Saħħa — Professjonisti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 20157 lill-Prim Ministru, jista' il-Ministru ġentilment jgħid liema huma l-professjonisti fil-Ministeru tas-Saħħa li tinħarġilhom il-liċenzja mill-President ta' Malta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-professjonisti fil-Ministeru tas-Saħħa li tinħarġilhom il-liċenzja mill-President ta' Malta huma: Tobba Dentisti Spiżjara Qwiebel

Żabbar — Triq ta' Lanza

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' estensjoni ta' drenaġġ fi Triq ta' Lanza, Żabbar? Japprezza l-Ministru li meta jgħaddi s-sajf se jkun diffiċli li jsir ix-xogħol minħabba li l-bdiewa jaħdmu r-raba'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' estensjoni ta' drenaġġ fi Triq ta' Lanza, Żabbar ġa beda u mistenni li jkun lesta qabel jispiċċa s-sajf.

Ċentri tas-Saħħa — Kiropodisti

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jinformana jekk ingħatatx xi ordni lill-kiropodisti li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa biex jibdew jaqtgħu d-dwiefer biss ta' pazjenti u ta' anzjani li jkunu diabetiċi jew inkella jbatu minn xi kundizzjoni oħra li tpoġġihom f'high risk ta' infezzjoni f'każ li jipprovaw jaqtġħu d-dwiefer huma? Jekk iva, minn min ittieħdet din id-deċiżjoni? Anzjani li s-soltu jmorru fiċ-ċentri tas-saħħa biex jaqtgħu difrejhom se jibqgħu jinqdew?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħatat ebda ordni kif deskritt fil-Mistoqsija. Xogħol il-kiropodista huwa li jieħu ħsieb is-saqajn u d-dwiefer ta' kull min għandu xi forma ta' patoloġija jew mard, jew qiegħed f'riskju akbar ta' mard. Parti minn dan ix-xogħol jinkludi li jgħallmu lill-pazjent kif għandu jieħu ħsieb is-saqajn tiegħu, kif ukoll kif għandu jaqta' u jieħu ħsieb id-dwiefer tiegħu. Ix-xogħol tal-qtuħ tad-dwiefer normali huwa xogħol jew ta' pedicurist jew l'aktar ta' nurse. Biż-żmien il-kiropodista ma kienux jagħtu każ, minħabba l-insistenza tan-nies, u b'riżultat ta' dan akkumulaw ħafna anzjani li ma għandhom ebda mard jew riskju ta' mard partikolari f'saqajhom, u li kienu ħaduha drawwa li jmorru jaqtgħu d-dwiefer għand il-kiropodista, bl-iskuża li ma jafux kif jaqtgħuhom. Dan irriżulta f'dewmien żejjed (waiting list) għal dawk il-pazjenti b'patoloġija jew mard f'saqajhom. Għalhekk dan l-aħħar il-kiropodisti bdew kampanja li fiha bdew jgħallmu l-anzjani kif jaqtgħu d-dwiefer normali tagħhom, u kull min jibqa' ma jridx jitgħallem , qed jiġi riferut għal għand nurse sabiex isir dan ix-xogħol ta' iġene personali ta' rutina.

Appartament tal-gvern — Lifts maintenance

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-maintenance tal-lifts tal-blokk tal-flats li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, issirx minn kuntrattur imqabbad mir-resienti jew mill-housing? Kemm suppost iħallsu r-residenti ta' kull flat għall-maintenance?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li skond il-kundizzjonijiet tal-kirja, l-inkwilini ta’ l-appartamenti fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant, huma marbuta bir-responsabbilta’ għall-manutenzjoni tal-partijiet komuni tal-blokk, inkluż il-lift. Dan ġie spjegat lill-inwkilini mill-uffiċjali ta’ l-Awtorita’ tad-Djar. Ninsab infurmata wkoll li l-inkwilini ġew mitluba jiffurmaw Assoċjazzjoni tar-Residenti li tkun responsabbli tagħmel l-arranġamenti ma’ kuntrattur biex issir il-manutenzjoni meħtieġa kif ukoll li tħallas għall-ispejjeż tal-manutenzjoni u l-konsum tad-dawl tal-lift.

Isla — Arloġġ

Question

B'riferenza għat-tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari 18315, 19826 u 19952, peress li skond l-informazzjoni li ġbart, l-arloġġ ta' l-Isla jaqa' taħt il-kontroll tal-management tad-Dockyard, jista' jieħu l-passi li jsir dak li hu meħtieġ minn min hu responsabbli biex issir it-tiswija u konservazzjoni ta' dak l-arloġġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Programmi ta' l-UE — persuni self-employed

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid liema programmi ta' l-Unjoni Ewropea attendew self-employed? Liema programmi kienu u minn liema lokalitajiet kienu?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Liġijiet ta' Malta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinvestiga u jgħid jekk l-emendi li ġew approvati mill-Parlament skond Att XXII ta' l-2005 u xi emendi oħra, ġewx inkorporati fil-liġijiet ta' Malta fejn kulħadd għandu aċċess għalihom bl-internet fuq il-website www.gov.mt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-emendi li ġew approvati mill-Parlament skond l-Att XXII ta’ l-2005 ġew fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar, 2006, u l-emendi kollha ġew inkorporati fil-Liġijiet ta’ Malta fejn kulħadd għandu aċċess għalihom bl-Internet fuq il-website www.gov.mt. Jekk l-Onor. Interpellant bil-kliem “xi emendi oħra” qed jirreferi għall-aġġornar tal-Liġijiet ta' Malta in ġenerali, wieħed jista' jikkonferma li l-website hija aġġornata sal-llum, jiġifieri l-aħħar emendi (l-Att IX ta’ l-2006 u l-avviżi legali 146 u 147 ta' l-2006) huma inkorporati.

Tibdil fil-Liġijiet

Question

Peress li riċentement ġie rrapportat f'xi ġurnal li l-gvern se jibda jemenda/iħassar xi biċċiet mil-liġijiet li kienu/jkunu dikjarati kontra l-provvedimenti tal-Kostituzzjoni mill-Qrati Maltin, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jew jinnega dan? Jekk fl-affermattiv, kif se jkunu magħrufa tali tibdiliet meta l-emendi jiġu fis-seħħ? Se jiġu ppubblikati fil-gazzetta tal-gvern, kif isir meta xi emendi jsiru mill-Parlament?

Response (BORG, TONIO)

Jidher li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta' l-Abbozz ta' Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea li issa ġie imgħoddi mill-Parlament u pubblikat fis-7 ta' Lulju 2006 bħala l-Att IX ta' l-2006. Dak l-Att emenda l-att dwar il-Konvenzjoni Ewropea billi introduċa dispożizzjoni fl-att li jagħti s-setgħa lill-Prim Ministru jagħmel regolamenti li permezz tagħhom iħassar xi strument jew dispożizzjoni legali li tkun ġiet dikjarata inkonsistenti mad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali tal-Bniedmen mill-Qorti Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem. Peress li dan irid isir b'regolamenti allura jrid ikun hemm Avviż Legali li jiġi pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Dan il-poter hu validu biss għal 6 xhur mid-data tas-sentenza tal-Qorti, u tapplika biss għal tħassir ta' liġijiet, u mhux emendi jew sostituzzjoni.

Ħruġ ta' Warrants

Question

Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid liema professjonijiet jinħarġilhom il-warrant mill-President ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant ninsab infurmat li professjonisti hawn taħt imsemmija jinħarġilhom warrant mill-President ta’ Malta: · Avukati · Nutara Pubbliċi · Assistenti Ġudizzjarji Ta’ min jinnota wkoll li professjonisti fil-Ministeru tas-Saħħa tinħarġilhom liċenzja mill-President ta’ Malta.

Bejgħ ta' ċilindri tal-gass

Question

Wara l-esperjenza ta' bejgħ ta' ċilindri tal-gass minn fixed points, jista' il-Ministru jgħid jekk inżammitx statistika ta' kemm inbiegħu ċilindri tal-gass minn dawn il-fixed points kemm ilhom li ġew introdotti? Tul ix-xitwa li għaddiet, kif jikkompara l-konsum tal-gass ma' snin ta' qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ma zzomx statistika dwar kemm inbiegħu ċilindri tal-gass mill-postijiet fissi. Dan għaliex waqt it-tagħbija tat-trakkijiet ma ssirx distinzjoni bejn ċilindri mogħbija biex jitqassmu jew jinbiegħu minn postijiet fissi. Madanakollu l-Korporazzjoni għandha informazzjoni illi fix-Xitwa madwar tmien trakkijiet kuljum (800 ċilindru) kienu jinbiegħu bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa u madwar tnax – il trakk (1200 ċilindru) kull nhar ta’ Sibt. L-iktar postijiet popolari jkunu St.Andrews u Burmarrad. Numru ta’ tunellaġġ ta’ gass mibjugħ 2004 2005 2006 Jannar 2285232 2149470 2378595 Frar 1906614 2353409 2570291 Marzu 1682062 1930950 2164851 April 1415913 1223913 1326023