Wara li l-Parlament approva rationalisation of development boundaries xhur ilu, xi jmiss issa biex il-MEPA tkun tista' tibda tikkonsidra applikazzjonijiet għall-bini ta' dar fuq siti bħal dawn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 22927.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-gvern jagħti t-trasport ta' l-istudenti b'direct order dejjem lill-istess tliet għaqdiet bil-konsegwenza li min mhux membru ta' waħda minn dawn l-għaqdiet, ma jingħatax imqar vjaġġ wieħed?
Għaliex il-gvern qed iħalli l-monopolju f'idejn dawn it-tliet għaqdiet bil-konsegwenza li dawn jaqsmu l-vjaġġi bejn il-membri tagħhom biss?
X'inhi r-raġuni li dawn il-vjaġġi ma jinqasmux bejn kulħadd jew ta' l-anqas jinħarġu b'tender minflok ix-xogħol jingħata b'direct order?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li issa għal ħafna snin t-trasport tat-tfal fl-iskejjel statali jsir mit-tlett għaqdiet tat-trasport li huma l-Għaqda tal-Mini Buses, 'Unsheduled Bus Service' u l-Għaqda Għat-Trasport Pubbliku.
Informat ukoll li dawn it-tlett għaqdiet/assoċazzjonijiet għandhom ftehim mal-gvern li jagħlaq fis-sena 2010.
Reġistru Pubbliku — Transazzjoni ta' ismijiet Maltin għall-Ingliż
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Insinwa ma tagħmilx transazzjoni ta' l-ismijiet Maltin għall-Ingliż għal ċertifikati li jkunu se jmorru barra minn Malta?
Jinnota l-Viċi Prim Ministru li immigranti Maltin qed ikollhom problemi għax l-awtoritajiet tal-pajjiżi fejn ikunu immigrati qed isibu problema biex jaċċettaw ċertifikati mill-Insinwa b'ismijiet Maltin għax dan ikun jinqara u jinstema totalment differenti mill-isem bl-Ingliż (eż: Mary Josephine - Maria Ġużeppa?
Tista' din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (BORG, TONIO)
Id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku m'għandux is-setgħa legali li jittraduċi ismijiet imniżżlin fuq ċertifikati tar-Reġistru Pubbliku għal lingwi oħra.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsijiet parlamentari 21020 u 22765, jista' l-Ministru jinvestiga jekk il-Perit Jean Frendo hijiex se tieħu ħsieb ukoll li l-arloġġ ta' l-Isla jibda jiffunzjona kif fil-fatt kien il-ħsieb oriġinali ta' min ikkostruwixxa l-binja li fiha hemm l-arloġġ?
Jidhirlu l-Ministru li t-tweġiba li tagħni għad-domanda tiegħi ma tirrigwardax l-arloġġ proprju iżda l-istruttura li fiha hu mpoġġi l-arloġġ?
Wara d-diversi mistoqsijiet parlamentari li għamilt fuq dan l-arloġġ, jista' jgħidli jekk l-arloġġ fl-aħħar mill-aħħar hux se jerġa' jibda jaħdem kif kien oriġinarjament għax struttura refurbished b'arloġġ wieqaf ftit tagħmel sens?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xoghlijiet m'għandiex ir-riżorsi teknici u speċjaliżżati sabiex tagħmel dan it-tip ta' xogħol, u cioe' il-manutenzjoni u t-tiswija tal-mekkaniżmu ta' l-arloġġ. Għaldaqstant u peress li l-manutenzjoni u r-responsabilta' ta' l-arloġġ hi tal-Malta Shipyards, qed isiru arranġamenti bejn it-Taqsima tax-Xogħlijiet u l-Malta Shipyards sabiex it-tiswijiet neċessarji jsiru kontemporanjament mar-restawr li se jsir fuq il-bini.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hux se jittieħdu passi mill-pulizija kontra s-sidien tal-farms tat-tiġieġ li nqabdu jrabbu t-tiġieġ f'kondizzjonijiet ħżiena li kkaġunaw moħqrija lill-istess tiġieġ?
Jaħseb il-Ministru li ma jagħmilx sens li nagħmlu liġi fuq animal welfare imbagħad affarijiet bħal dawn jibqgħu għaddejjin qisu ma ġara xejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
F’każijiet fejn jinstabu kundizzjonijiet ħżiena jittieħdu l-passi legali skond Artiklu 2, Artiklu 44 u Artiklu 45 ta’ l-Att għat-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali (Att No. XXV ta’ l-2001). Preżentement ma hemm ebda każ fejn qed jittieħdu passi mill-pulizija kontra sidien ta’ farms tat-tiġieġ. Madankollu riċentement saru laqgħat mis-Servizz Veterinarju biex jiġu edukati l-produtturi u l-proċessuri tat-tiġieġ fil-ħarsien u s-saħħa ta’ l-annimali.
Jista' l-Ministru jaċċerta li l-proċeduri stabiliti fil-biċċerija tal-gvern huma skond standards Ewropej u li ebda annimal m'hu qed isofri b'mod inutili biex jinqatel?
Min hu responsabbli biex dan jiġi assigurat fil-biċċerija?
Isiru spezzjonijiet b'mod regolari? Jekk iva, meta kienet l-aħħar spezzjoni li saret? X'kien l-eżitu ta' din l-ispezzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-proċeduri stabbiliti fil-biċċerija tal-Gvern ilhom stabbiliti mis-Servizzi Veterinarji u tingħata attenzjoni mill-impjegati fil-biċċerija biex l-annimali għall-qatla ma jsofrux b’mod inutli.
Ir-responsabbiltà tal-ħarsien ta’ dawn l-annimali meta dawn ikunu fil-biċċerija hi tas-Servizzi Veterinarji u jsiru spezzjonijiet regolari minn veterinarji. Fil-fatt l-approvazzjoni ta’ l-operat tal-biċċerija tingħata minn uffiċjal veterinarju. L-approvazzjoni eżistenti ingħatat mill-eks Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni.
Fi spezzjoni li saret lejn l-aħħar tas-sena 2006 irriżulta li kien hemm każijiet fejn mhux dejjem kien hemm trattament xieraq iżda dan irrizulta l-aktar fl-emergenza u mhux minn impjegati tal-biċċerija. Qed jittieħdu l-passi biex dan ma jerġax iseħħ, skond pjan komprensiv, li jindirizzaw l-aspetti kollha ta’ l-operat tal-biċċerija u dawk ta’ l-
Animal Welfare
. Fil-fatt diġà bdew il-proċeduri biex jiddaħħlu prassi ġodda inkluż il-preżenza tal-biċċiera (
middlemen
) waqt il-qatla tal-linja taċ-ċanga. Dan kollu jfisser ukoll impenn finanzjarju u ta’ investiment f’riżorsi umani.
Jikkonsidra l-gvern li jagħmel illegali ċirkli li jkollhom shows ta' l-annimali fihom kif għamlu pajjiżi oħrajn u dan għaliex ċirkli b'shows ta' l-annimali jfissru moħqrija żejda għall-annimali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Sa llum il-Gvern qatt ma ħass il-ħtieġa li jieħu pożizzjoni daqshekk riġida. F’każ li l-awtoritajiet ikunu konvinti li l-użu ta’ l-annimali iwassal b’mod ċar għall-moħqrija, din il-pożizzjoni tista’ tiġi riveduta.
Sa issa l-pożizzjoni kienet li sakemm iċ-ċirki li jkollhom
shows
ta' annimali josservaw il-liġijiet ta’ Malta, fosthom dawk fuq it-trattament xieraq ta’ l-annimali, kif ukoll ir-regolamenti rilevanti ta’ l-Unjoni Ewropea, u, meta dawn ikunu ġo pajjiżna, jkun żgurat li ma jkun hemm l-ebda tip ta’ moħqrija fuq l-annimali, dawn għandhom jingħataw l-opportunità li jipprovdu s-servizz tagħhom.
Jista' il-Ministru ġentilment jara għalfejn il-kwalifika ta' "National Diploma in Agribusiness", liema kors hu offrut mill-MCAST, mhux qed tiġi rikonoxxuta f'sejħiet għall-posts li joħorġu mill-istess dipartiment ta' l-agrikoltura?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-National Diploma in Agribusiness tingħata rikonoxximent skond il-kriterji stabbiliti iżda f’każijiet bħal, per eżempju, reklutaġġ ta’ Agriculture Officer il-kwalifika minima stabbilita hi dik ta’ Diploma in Agriculture mogħtija mill-Istitut ta’ l-Agrikultura ta’ l-Università ta’ Malta, skond kif inhu stabbilit fil-Ftehim ta’ Assimilazzjoni mal-unions.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21020, peress li issa għaddew xahrejn minn mindu kellu jiġi mqabbad perit biex iħejji rapport dwar il-kondizzjoni ta' l-arloġġ ta' l-Isla, jista' il-Ministru ġentilment jgħid min kien il-perit imqabbad għal dak l-iskop u jekk sarx ir-rapport li kellu jitħejja? Jista' jgħid x'riżultat kien hemm f'dak ir-rapport, jekk sar?
Response (ZAMMIT, NINU)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21020 ninsab infurmat illi l-perit imqabbad biex jitħejja rapport fuq il-kundizzjoni ta’ l-arloġġ ta’ l-Isla hija l-Perit Jean Frendo. Ix-xogħlijiet jikonsistu f'tiħkil ta' xi fili miftuħin fil-parti tat-torri (li nbena mill-Ingliżi) u f'restawr tal-bażi t'isfel li tifforma parti mis-sur (li kien inbena mill-kavallieri).
L-ewwel fażi tax-xogħlijiet, jiġifieri r-restawr tat-torri ser issir aktar tard din is-sena, filwaqt li t-tieni fażi, dik tar-restawr tal-bażi t'isfel issir aktar 'l quddiem.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk ix-xogħol fi Triq it-Tiben, Wied il-Għajn li ili ħafna nagħmel mistoqsijiet parlamentari dwarha hux se jibda f'Jannar kif kien imwiegħed is-sena l-oħra? Jaħseb li issa għandu jingħata committment ta' meta se tinbeda u titlesta din it-triq u dan fid-dawl li r-residenti ta' Triq it-Tiben ilhom snin twal jistennew li ssir din it-triq li hija mibnija kollha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din it-triq ser tiġi nkluża fil-batch ta' toroq li ser isiru bil-Period Contract mill-ADT. Hu ppjanat li dan ix-xogħlijiet jingħataw fi żmien 4 xhur oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21418 u ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-aħħar rapport li sar minn kull imħallef u maġistrat li jippresjedi fuq xi qorti lill-kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja sal-15 ta' Jannar, 2006 u jinkludi l-lista tal-kawżi pendenti skond Artiklu II ta' Kap 369?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22113.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 21418 tad-19 ta' Ottubru 2006 - seduta 441 - jista' il-Prim Ministru issa jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fid-domanda 20660 - seduta 429 - liema informazzjoni kellha tintalab mingħand il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja?
Peress li l-informazzjoni mitluba suppost li tkun għand il-Kummissjoni sa kull 15 ta' Jannar ta' kull sena, hemm xi raġuni valida għaliex tali informazzjoni ma tiġix pubblikata bħal kull informazzjoni oħra ta' interess pubbliku, biex l-istess pubbliku jkun informat b'kulma qed isir fil-qrati tal-ġustizzja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-liġi tikkontempla li dawn ir-rapporti jsiru lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni jidhrilha li mhux il-każ li dawn jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra iżda l-Kummissjoni lesta li tqiegħed a dispożizzjoni tal-Onorevoli Interpellant, fl-Uffiċċju tas-Segretarju tal-Kummissjoni r-rapporti msemmija.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22115, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kienx hemm sentenzi mogħtija mill-qrati ta' l-appell superjuri (tliet ġudikanti) fejn wieħed mill-imħallfin kellu dissenting opinion kif ġieli sar fi qrati oħra fl-Ewropa u partikolarment fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem?
Jekk qatt ma kien hemm dissenting opinion, dan għandu jfisser li fis-sentenzi mogħtija mill-qrati superjuri hawn Malta dejjem kien hemm qbil unanimu mill-ġudikanti u s-sentenzi jiffirmawhom it-tliet ġudikanti bħala li jaqblu t-tilieta?
Response (BORG, TONIO)
Peress li f'Qorti kolleġjali s-sentenza tirrifletti jew il-fehma tat-tliet imħallfin jew tal-maġġoranza tagħhom iżda dejjem tingħata biss sentenza waħda, wieħed qatt ma jista' jkun jaf jekk kienx hemm sentenzi mogħtija fejn wieħed mill-imħallfin kellu opinjoni dissenzjenti. Hija prassi li anke l-imħallef li ma jkunx jaqbel mas-sentenza jiffirma l-istess sentenza, għax dik tkun is-sentenza tal-Qorti. Ir-regola 18 tal-Kodiċi tal-Etika għall-Ġudikanti jipprovdi li l-membri ta' Qorti kolleġjali m'għandhomx, direttament jew indirettament, jiżvelaw il-vot jew l-opinjoni tagħhom jew ta' xi wieħed jew aktar mill-membri l-oħra ta' dik il-Qorti. Għalkemm l-Artikolu 216 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili jipprovdi li fil-Qorti Kostituzzjonali u fil-Qorti ta' l-Appell sentenza tista' tiġi ffirmata minn tnejn biss mill-imħallfin, dawn iż-żewġ firem huma meħtieġa biss meta s-sentenza tkun ser tiġi ppronunzjata mill-president ta' dik il-Qorti mhux fil-presenza taż-żewġ membri l-oħra, u għalhekk b'ebda mod dawk il-firem ma huma indikazzjoni ta' jekk it-tliet imħallfin ikunux qablu jew le dwar dik is-sentenza.
Peress li għadda żmien ġmielu minn meta twaħħlu t-tabelli li jindikaw li l-wiċċ tat-tarmac sar b'investigazzjoni bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn (fin-naħa tal-Latmija - ara ritratti) jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm riżultati favorevoli f'dawk l-investigazzjonijiet u fi kwalunkwe każ jgħid meta se jingħata wiċċ ġdid bit-tarmac lil dik it-triq li tinsab fi stat diżastruż biex b'hekk anke n-naħa t'isfel ta' Malta tgawdi mill-benefiċċji mill-akkwist ta' fondi akkwistati mill-gvern mill-Unjoni Ewropea?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li għadu għaddej monitoring fuq il-wiċċ tat-tarmak li sar b’investigazzjoni bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn. Dan qed isir biex jiġi stabbilit it-tip ta’ kostruzzjoni ta’ din it-triq għal meta ssir it-tender.
L-ADT qegħda tipprepara pjanti u
tender document
u l-applikazzjoni sabiex din it-triq tinbena mill-ġdid, permezz tal-fondi strutturali ta’ EU. Huwa ppjanat li sejħa għal offerti għax-xogħlijiet tinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 22349 u jgħid jekk l-istudenti tal-B.Educ li se jiggradwaw is-sena d-dieħla mill-Universita' ta' Malta hux se jkunu jistgħu jkomplu sena oħra biex iġibu l-Masters jew inkella l-kors tal-Masters hux se jitwal b'sentejn, biex b'hekk jiġi mtawwal għal sentejn?
Huwa veru li l-kors tal-PGCE se jitwal għal sentejn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni, kif tagħmel minn żmien għal żmien tevalwa l-korsijiet tagħha. Bħalissa qed isiru diskussjonijiet ta' din in-natura iżda s'issa l-ebda deċiżjoni għadha ma ttieħdet.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk studenti tal-B. Educ li se jiggradwaw is-sena d-dieħla mill-Universita' ta' Malta hux se jkunu jistgħu jkomplu sena oħra biex iġibu l-masters jew inkella l-kors tal-masters hux se jitwal b'sentejn, biex b'hekk jiġi mtawwal għal sentejn?
Huwa veru li l-kors tal-PGCE se jitwal għal sentejn?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21840 u jgħid x'inhi r-raġuni li meta individwu jibbukkja u jħallas flight imbagħad jikkanċella ma jeħux lura l-ammont kollu ta' taxxi mħallsa fuq it-ticket? Meta t-tour operators iżommu parti minn din it-taxxa din se tasal għand il-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari Numru 21840
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta individwu jibbukkja u jħallas flight imbagħad jikkanċella ma jeħux lura l-ammont kollu ta' taxxi mħallsa fuq it-ticket? Meta t-tour operators iżommu parti minn din it-taxxa din se tasal għand il-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li individwu li jħallas flight imbagħad jikkanċella għandu d-dritt li jieħu lura mingħand min ikun ħallas il-biljett l-ammont ta’ taxxa mħallsa. Taħt il-liġi, l-linja tal-ajru huma responsabbli biex jgħaddi din it-taxxa lill-Gvern.
Jista' il-Prim Ministru jinvestiga dan l-ilment li wasal għandi li ħanut popolari f'Ħal-Lija diġa' qiegħed jagħmel dual pricing fuq l-oġġetti u qiegħed jaqleb affarijiet li jinbiegħu lira għal euro2.50 (irċevuta qed tintbagħat separatament) li hi ogħla mir-rata stabbilita?
X'passi se jittieħdu kontra stabilimenti bħal dawn li se jabbużaw mal-bidla għall-munita Euro?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li diskussjonijiet mill-NECC mal-ħanut li tiegħu intbagħtet l-irċevuta fuq dan l-ilment bdew fis-17 ta’ Ottubru 2006. Dan l-istabbiliment kien ta assikurazzjoni li ser juża ir-rata tal-kambju fuq l-irċevuti kif suppost. Meta reġa’ ġie ikkuntattjat fis-6 ta’ Novembru mill-NECC, sid dan l-istabbilment qal li iffaċċja xi dewmien mill-fornitur tal-cash registers tiegħu rigward it-tibdil tekniku meħtieġ. Għaldaqstant huwa mistenni li t-tibdiliet neċessarji iseħħu fil-jiem li ġejjin.
Ninforma wkoll lill-Onorevoli interpellant li hu ppjanat li tidħol fis-seħħ
Legal Notice
fil-ġimgħat li ġejjin li tkun tista’ tirregola l-wiri tal-prezzijiet biż-żewġ muniti liema eżerċizzju irid isir skond ic-
Central Party Rate
li ġiet stabbilita’ mill-Bank Ċentrali u l-Gvern Malti fit-2 ta’ Mejju tal-2005.
L-NECC qiegħeda tirċievi diversi ilmenti dwar l-użu tar-rata tal-kambju mhux korretta, f’kull każ qiegħed tikteb lill-istabbiliment konċernat u tiġbid l-attenzjoni tas-sidien għal-linji gwida li ġew ippublikati kmieni din is-sena.
Bil-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali dwar il-Wiri tal-Prezzijiet biż-Żewġ Muniti, kull min ser jippersisti fl-użu ta’ rata tal-kambju mhux dik stabbilita ser jiġi mmultat multi amministrattivi għal kull ġurnata li jippersisti fl-iżball.