Legislature:
Category:
Reset
Active:

MEPA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-applikazzjonijiet pendenti mal-MEPA skond it-tagħrif mogħti għall-mistoqsija parlamentari 18274 ġew proċessati, approvati u/jew miċħuda? Jista' f'kull każ jgħid ir-raġuni għala l-MEPA ħadet tali deċizjonijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mil-lista li poġġejt fuq il-mejda tal-kamra għal Mistoqsija Parlamentari Nru 18274 ġew deċiżi żewġ applikazzjonijiet. Dawn kienu approvati għax kienu konformi mal-policies u l-guidelines u mal-pjan lokali taż-żona. Applikazzjoni oħra kienet irtirata mill-applikant.

Qrati — Kawzi ċivili/sentenzi pendenti

Question

Jista' l-Viċi Ministru jgħid kemm hemm kawżi civili u sentenzi pendenti mill-Qorti tal-Appell, li ilhom għal deċizjoni minn dik l-Qorti għall-aktar minn ħames snin? Jista' wkoll jgħid x'passi ħadet il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tali kawzi jiġu deċiżi mingħajr aktar dewmien u b'hekk tiġi evitata l-probabbilta' li tali kawzi jiġu riferiti għad-deċizjonijiet fil-Qorti Ewropea għal drittijiet fundamentali tal-bniedem bi ksur tal-konvenzjoni dwar nuqqas ta' smiegħ xieraq u smiegħ fi zmien raġonevoli?

Response (BORG, TONIO)

Il-kawżi ċivili pendenti quddiem il-Qorti ta' l-Appell huma s-segwenti:- 865 quddiem l-Appelli Superjuri u 284 quddiem l-Inferjuri. Ninsab infurmat ukoll li ma hemm ebda kawża fl-Appell li ilha iktar minn ħames snin għas-sentenza.

MEPA — Rationalisation of Development Boundaries

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari tiegħi 23010, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-proċess wasalx biex jiġi konkluż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 22927. Nixtieq inżid li l-proċess issa qiegħed jiġ magħuq. Fadal biss numru ta' konfermi mill-aġenziji li jipprovdu s-servizzi infrastrutturali u dettalji dwar kemm ikunu u kif isiru l-ħlasijiet għas-servizzi ta' infrastruttura. Jekk ma jinqalgħux kumplikazzjonijiet, nittama li sa l-aħħar ta' Frar is-sistema tkun f'postha biex jibdew jiġu determinati l-parametri ta’ l-ippjanar. Dawn iservu ta’ bażi biex ikunu jistgħu jiġu pproċessati applikazzjonijiet fuq l-artijiet li ġew approvati għall-inklużjoni fiż-żoni ta' l-iżvilupp.

Belt Valletta — Likwidu tossiku

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid jekk ġiex stabbilit x'kien il-materjal li ntefa' fl-isprall il-Belt waqt iċ-ċerimonja ta' l-ordinazzjoni ta' l-Arċisqof il-ġdid? Billi ntqal li dan il-likwidu li ntefa' fl-isprall kien tossiku u seta kkawża splużjoni , saru testijiet biex jiġi stabbilit x'kien dan il-materjal? Intbagħat sample f'laboratorju u jekk iva, x'kien l-eżitu? Qed isiru investigazzjonijiet mill-pulizija u jekk iva, minn min qed jitmexxew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi nhar il-Ġimgħa 26 ta' Jannar 2007 għal xi s-7.00pm, waqt li kienet għaddejja l-Ordinazzjoni Episkopali, il-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kienu ġew infurmati mic-chief security officer tal-KonKattidral ta' San Ġwann, li minn sprall li hemm fil-ġenb ta' Pjazza l-Assedju l-Kbir mal-ġenb tal-KonKattidral, kienet tiela' rieħa, x'aktarx ta' petrol. Immedjatament li sar magħruf dan, il-Pulizija, ħadet il-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex il-pubbliku ma jersaqx lejn dak l-isprall, filwaqt li membri tal-Protezzjoni Ċivili, analizzaw l-arja li kienet tiela' mill-isprall permezz ta' strumenti apposta, fejn dan indika li l-arja kienet tossika. Hekk kif spiċċat iċ-ċerimonja, il-KonKattidral ġie spezzjonat bir-reqqa minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija, fejn ma rriżultax li kien hemm xi periklu. Nell'frattemp, bl-assistenza ta' l-executive director tal-Kumitat ta' Rijabilitazzjoni tal-Belt, infetaħ ukoll il-bokkaport, li jagħti għall-ġibjun taħt l-istess pjazza. Billi r-riħa kienet qawwija ħafna u setgħet tkun ta' periklu, ġie deċiż li l-ġibjun ikun spezzjonat l-għada, filwaqt li tħalliet għassa mill-Pulizija u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. L-għada filgħodu, wara li l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili niżlu fil-ġibjun, dawn infurmat lill-Pulizija li l-arja kienet ikklerjat u ma kienx hemm aktar periklu. Ma nstab xejn li jindika minn fejn kienet ġejja dik ir-rieħa tal-lejl ta' qabel. L-investigazzjonijiet li saru s'issa biex jiġi stabbilit minn fejn kienet ġejja din ir-riħa, irriżultaw fin-negattiv. Skond it-testijiet li saru fuq il-post permezz ta' strumenti li għandu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, irriżulta li l-'vapours' li kienu ħerġin mill-isprall in kwistjoni kienu kkawżati minn prodotti magħrufa bħala VOCs (volatile organic compounds) bħal petrol, thinner etc. Billi ma nstab l-ebda likwidu li seta' kkawża dan il-'vapour', ma setax jiġi elavat kampjun sabiex jiġi analizzat f'xi laboratorju.

Emigranta l-Awstralja b'ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bint koppja Maltija li huma emigranti l-Awstralja u li allura għandha ċ-ċittadinanza Maltija tistax tiġi sena Malta u taħdem hawn Malta biex eventwalment tiddeċiedi jekk tridx tibqa' hawn Malta għal kollox?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi persuna li għandha ċ-Ċittadinanza Maltija u li tirrisjedi barra minn Malta tista' tiġi tgħix u taħdem f'Malta.

Corega Ultra

Question

Għandha mezz id-diviżjoni tas-saħħa tiċċekkja kemm suppost jinbiegħ il-prodott Corega Ultra 40g li hu gum glue għad-dentaturi minħabba li wasluli ilmenti li dan qed jogħla ta' spiss u f'xahar għola għal Lm1.36c, jiġifieri żieda ta' 6c fix-xahar? Billi dan il-prodott jintuża minn għadd ta' pensjonanti fost oħrajn, hemm xi mod kif jiġi verifikat il-prezz proprja tiegħu u jekk hux vera dan qed jogħla minn barra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Finance Section

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23386, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-Finance Section hux se jiġi trasferit ukoll il-Belt għax dan se joħloq inkonvenjent lill-membri tal-pubbliku li ta' spiss imorru biex iħallsu ċnus, eċċ. f'dan id-dipartiment? Jikkonsidra li l-Finance Section jibqa' Sa Maison fejn hu aktar konvenjenti għall-pubbliku anke għax hu post ħafna aktar faċli biex tipparkja?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' għidt fir-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23385, ma hemm l-ebda Finance Section fl-Uffiċċju Konġunt. Rigward is-Sezzjoni tal-Ġbir tal-Kera, din ser tiċċaqlaq għall-uffiċċji ġodda fil-Belt Valletta mal-kumplament ta' l-Uffiċċju Konġunt. Mhux possibli li din is-sezzjoni tibqa' waħedha f'Sa Maison minħabba raġunijiet ta' loġistika kif ukoll, għax hemm deċiżjoni tal-Kabinett li din is-sezzjoni tiġi amalgamata fis-Sezzjoni tal-Ġbir tal-Kera li diġa' teżisti fi ħdan id-Dipartiment ta' l-Artijiet. F'din is-sezzjoni diġa' jsiru 'il fuq minn 30,000 pagament ta' kirjiet u ċnus bil-mezzi moderni li daħlet fis-seħħ it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern.

Finance Section

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23385, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu n-nies il-Finance Section?

Response (BORG, TONIO)

Kif għidt fir-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23385, il-Finanzi ta' l-Uffiċċju Konġunt jitmexxa mis-Sezzjoni Amministrazzjoni u Finanzi tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern li qiegħda fil-Berġa tal-Baviera, il-Belt.

Uffiċċju Konġunt — Finance section

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex jiżdiedu n-nies fil-joint office, speċjalment fil-finance section, għaliex ilhom ħafna b'nuqqas ta' staff? Kemm hemm nies jaħdmu fil-joint office u kif inhuma mqassmin? Kif suppost li hu l-complement?

Response (BORG, TONIO)

Il-Joint Office jifforma parti mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern u għaldaqstant l-amministrazzjoni u l-finanzi tas-sezzjonijiet kollha li jaqgħu fiha, huma ġestiti mill-istess Taqsima. Ninsab infurmat illi preżentament, mal-Joint Office hemm jaħdmu 43 persuna u dawn huma mqassmin kif ġej: Amministrazzjoni Direttur Assistent Direttur 2 Skrivani Customer Care persuna waħda Sezzjoni tal-Ġbir tal-Kera 4 persuni Registry 6 persuni Sezzjoni Amministrazzjoni tal-Proprjeta' 6 persuni Sezzjoni Kuntratti 4 persuni Sezzjoni Verifika u Rikonċiljazzjoni 4 persuni Sezzjoni Teknika 8 persuni Sezzjoni Skema ta' Fidi ta' Ċnus persuna waħda Messaġġiera 5 persuni Minn dan it-total, persuna waħda qiegħda fuq Parental Leave filwaqt li 7 oħra jaħdmu siegħat imnaqqsa. Mhux magħruf kemm suppost li hu l-complement peress li mhix il-prassi fis-Servizz Pubbliku li dipartiment jingħatalu numru fiss ta' ħaddiema li għandu jkollu.

Uffiċċju Konġunt

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-joint office jiċċaqlaq minn Sa Maison u jekk iva, fejn se jmur? Meta hemm il-ħsieb li jsir dan iċ-ċaqlieq? Liema sezzjonijiet/dipartimenti tal-joint office se jibqgħu Sa Maison u liema se jiċċaqilqu?

Response (BORG, TONIO)

Hemm il-ħsieb li d-dipartiment tal-Joint Office fl-intier tiegħu, jiċċaqlaq mill-uffiċċju li għandu f'Sa Maison għall-fond li qabel kien jospita' l-iskola tal-Pilar fil-Belt Valletta. Huwa l-ħsieb li dan iseħħ fis-sena kurrenti malli x-xogħlijiet neċessarji jitlestew fil-fond li sejjer fih il-Joint Office.
Leg 10 PQ #23054 Sitting 484 2007-01-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Libja — Każ dwar Tabib Palestinjan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti semmax leħnu kontra l-piena tal-mewt għat-tabib Palestinjan u n-nurses Bulgari fil-Libja li qed jiġu akkużati li nfettaw tfal bil-viru ta' l-AIDS? Billi hemm dubju dwar il-proċess ġudizzjarju fejn hu mgħaruf li t-tabib u n-nurses ġew torturati billi fost oħrajn dendluhom minn mas-saqaf u qalgħulhom idejhom minn spallejhom u billi hemm indikazzjonijiet ċari li wara kollox dan it-tabib u dawn in-nurses huma innoċenti, jaħsibx il-gvern li għandu jsemma leħnu kif għamlu diversi pajjiżi u istituzzjonijiet internazzjonali biex jappella kontra l-piena tal-mewt lil dawn il-professjonisti u jappella għall-inkjesta serja biex toħroġ il-verita'?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Malta għamlet diversi rappreżentazzjonijiet bilaterali dwar dan il-każ u pparteċipat fid-dibattitu intern Ewropew li wassal għal ħruġ ta' konklużżjonijiet tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin Ewropej dwar dan il-każ illum stess. Il-pożizzjoni ta' Malta kontra l-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ hi magħrufa.

MCAST — Interior Design

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk l-Interior Design jiġix mgħallem fl-MCAST? Jekk iva, bħala kors għalih jew inkorporat ma' suġġetti oħrajn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Interior Design huwa speċjalizzazzjoni li jifforma parti mit-Three Dimensional Design. Hemm zewġ study-modules ta' sittin siegħa l-wieħed li huma direttament marbutin ma' l-istudju u l-proġettazzjoni ta' l-interni, jiġifieri Exhibition and Retail Design (Unit 26) u Interior Design (Unit 27). Il-units l-oħra tad-3D Design huma kollha validi għall-ispeċjalizzazzjoni ta' l-Interior Design, per ezempju, Furniture Design, Computer Applications in Art and Design, Commercial Model Making eċċ.

Mtarfa — Riabilitazzjoni ta' proprjeta'

Question

B'riferenza għat-tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari 17212 u 12620, tista' il-Ministru ġentilment tgħid jekk il-MEPA approvatx il-pjanti sottomessi mill-perit Paul Camilleri & Associates f'Ottubru 2005? Xi progress sar f'dan il-proġett s'issa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar għad m’għandiex deċiżjoni mill-MEPA dwar il-pjanti li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant.

Għawdex — Klieb li sfaw mgħallqa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux eżamijiet forensiċi bħal finger prints, etc fuq il-post fejn instabu tlett iklieb mgħallqa f'Għawdex? Billi dan hu att mill-aktar brutali u selvaġġ kontra l-annimali li xxokkja lil diversi nies u billi atti ta' moħqrija b ħal dawn huma ksur tal-liġijiet ta' pajjiżna, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min qed jinvestiga dan l-inċident? Għalkemm mhux interessat f'ismijiet, jista' jgħid jekk ġewx interrogati xi persuni mill-pulizija? Jista' jaċċerta li dan l-att krudili jiġi investigat kif suppost bit-tama li min hu responsabbli jitressaq biex iwieġeb għal għemilu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tad-Distrett ta' Għawdex għadha għaddejja bl-investigazzjoni tar-rapport li kien sarilha nhar id-9 ta' Jannar 2007 dwar tlett ikliet li kienu nstabu minn sidhom mgħallqa fir-razzett tiegħu. Is-sid irraporta wkoll li kien sab diversi oġġetti nieqsa minn ġo kamra fl-istess razzett. Għalkemm f'dan l-istadju mhux opportun li tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-investigazzjoni, ninsab infurmat illi kien hemm numru ta' persuni li ġew interrogati mill-Pulizija, fejn anke' saru xi tfittxijiet għal oġġetti relatati ma' dan ir-reat.

Ċirkli — Annimali

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jinformana jekk sarux spezzjonijiet fl-aħħar ċirklu li kien hawn Malta fi żmien il-festi biex jiġi aċċertat li l-annimali kienu qed jinżammu f'kondizzjonijiet tajbin u aċċettabbli u li l-liġijiet ta' pajjiżna favur l-animal welfare ġew osservati? Jekk iva, minn min saru dawn l-ispezzjonijiet? Meta saru? X'kien l-eżitu ta' dawn l-ispezzjonijiet? Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb il-mistoqsijiet tiegħi waħda waħda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Iċ-ċirku ‘Bellucci’ li hawn il-Furjana kien spezzjonat għall-għarrieda minn uffiċjali tat-Taqsima ta’ l-Attività Veterinarja u s-Sajd, fis-26 ta’ Dicembru 2006, biex jaraw li l-Att għat-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali kien qiegħed ikun osservat. L-ispetturi identifikaw li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dawn l-annimali kienu mħarsa adekwatament.

MCAST — Każi ta' Bullying

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jinformana x'investigazzjonijiet saru fl-MCAST biex jiġi aċċertat li l-każ tal-bullying ma kienx aktar mifrux minn dak li ħareġ fil-pubbliku s'issa? Il-vittma jew vittmi ta' dawn il-każi ta' bullying ġew offruiti councelling b'xejn minn psikologi? Min kien responsabbli għal dan il-bullying intbagħat għal councelling?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-investigazzjoni interna li saret mit-tmexxija ta' l-MCAST dwar il-każ ta' bullying kienet intensa. Saru diskussjonijiet interni biex il-mexxejja ta' l-Istituti differenti u d-diriġenti ċentrali ta' l-MCAST jassikuraw kemm jista' jkun li ma jkunx hemm bullying minn xi studenti. Informat ukoll li l-vitttma kif ukoll dawk li kienu involuti fil-bullying ġew offruti counselling. Saru laqgħat mal-ġenituri kemm tal-vittma kif ukoll ta' l-istudenti involuti fil-bullying. It-tweġiba tal-ġenituri kif ukoll ta' l-istudenti involuti għal kooperazjoni sħiħa kienet waħda pożittiva ħafna. Il-każ sa jkompli jkun segwit sakemm u safejn ikun hemm bżonn u l-proċess qed jkompli.
Leg 10 PQ #22941 Sitting 482 2007-01-16 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Wied il-Għajn — Jerma Hotel

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-gvern hux informat dwar x'se jiġri mil-lukanda Jerma f'Wied il-Għajn għaliex il-ħaddiema tħallew fl-għama u ma jafux jekk il-lukanda hux se tkompli topera jew le?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Awtorita' tat-Turiżmu mhix informata uffiċċjalment mill-propjetarji tal-lukanda Jerma f'Wied il-Għajn x'se jiġri mill-istess lukanda.

MEPA — Jerma Hotel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi applikazzjoni pendenti quddiem il-MEPA biex il-lukanda Jerma tiġi konvertita f'appartamenti jew inkella xi tip ta' applikazzjoni oħra li tikkonċerna bdil fl-operazzjoni tal-Jerma minn lukanda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma jidhirx li daħlet xi applikazzjoni għal proposta biex il-lukanda Jerma tkun konvertita f'appartamenti jew inkella biex isir xi bdil fl-operat ta’ lukanda tal-Jerma.

MEPA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-formola jew il-metodu li tuża l-MEPA meta tikkalkula u titlob il-ħlasijiet lill-applikanti għall-kostruzzjoni tal-bini u/jew alterazzjonijiet (djar, flats, maisonettes u garages) f'toroq ġodda u f'toroq diġa' mibnija? Jista' jindika r-rati relattivi (DPF - Infrastruttura, triq, drenaġġ eċċ.) għal kull binja li dwarha tkun saret l-applikazzjoni għal kostruzzjoni u/jew alterazzjoni? X'kien l-ammont li tħallas lill-gvern mill-MEPA dwar ix-xogħlijiet li jkunu saru minn fondi pubbliċi matul l-2006?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-metodu li tuża l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) meta tikkalkula u titlob il-ħlasijiet lill-applikanti għall-kostruzzjoni tal-bini u/jew alterazzjonijiet (djar, flats, maisonettes u garages) f'toroq ġodda u f'toroq digà mibnija, inklużi r-rati relattivi (DPF - infrastruttura, triq, drenaġġ, eċċ.) huwa kif speċifikat f'Avviż Legali 112/96 kif emendat minn Avviżi Legali 138/97, 186/98, 115/99, 131/99, 275/00, 224/02, 42/03, 230/03 u 482/04. Verżjoni ta' dan l-avviż ikkonsolidat bl-emendi tinsab fuq is-sit elettroniku ta’ l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hekk: http://www.mepa.org.mt/Planning/factbk/LNs/LN_112_1996_M.pdf L-ammont li tħallas lill-Gvern mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-2006 għall-kontribuzzjonijiet għall-infrastruttura miġbura mingħand applikanti għall-permess ta' żvilupp huwa ta' Lm2,902,234.