Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hux permess li l-kunsill lokali jagħmel reserved parking bays personalizzati fejn ikun hemm numru ta' vettura partikolari u allura tkun tista' tipparkja din il-vettura biss? L-Awtorita' dwar it-Trasport tapprova reserved parking bays personalizzati għall-persuna b'diżabilita' jew il-policy ta' l-ADT hi li r-reserved parking area tkun għall-persuni li huma reġistrati bħala disabled?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-policy ta’ l-Awtorita’ Dwar it-Trasport hi li kull parkeġġ riservat għal persuni b’disabbilita’ jista jintuza minn kull minn għandu Blue Badge tal-persuni b’disabbilita’. L-awtrorita’ ma tapprovax parkeġġi riservati għal persuni b’disabbilita’ li jkunu personalizzati.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26452 jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm daħħal il-gvern jew id-Diviżjoni tas-Saħħa meta 3489 karozza ġew clamped fl-Isptar San Luqa? Kemm kien l-ammont totali mħallas lill-kumpanija u kemm minnhom tħallsu lid-Divizjoni tas-Saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Gvern u d-Diviżjoni tas-Saħħa ma jdaħħlu l-ebda flus mill-clamping tal-karozzi fl-Isptar San Luqa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta' flus li ntefqu mill-Gvern f'benefiċċji soċjali, bħal pensjonijiet differenti, għajnuna supplimentari, allowances, bonuses, matul is-sena li għaddiet u kemm hu maħsub li jkun l-ammont din is-sena? Tista' tgħid kemm kien l-ammont għal kull benefiċċju b'mod separat?
Tista' tgħid ukoll kemm nies gawdew minn kull benefiċċju matul is-sena li għaddiet, u kemm minnhom għandhom aktar minn 61 sena? Tista' tagħti lista ta' benefiċċji soċjali li jistgħu igawdu minnhom l-anzjani li għandhom aktar minn 61 sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riżultat tal-miżuri mħabbra fl-aħħar budget li huma immirati lejn l-anzjani jew persuni 'l fuq 61 sena tista' l-Ministru tgħid kemm se jiswew dawn il-miżuri? Tista' telenka l-miżuri mħabbra fl-aħħar budget immirati lejn l-anzjani?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Apparti ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, il-miżuri l-oħra mħabbra fl-aħħar budget, li jikkonċernaw id-dekasteru tiegħi, li jistgħu jolqtu l-anzjani huma:
il-miżura dwar romol li jekk jerġgħu jiżżewġu jibqgħu jirċievu l-pensjoni tar-romol b'rata fissa fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ;
iż-żieda fir-rata tal-benefiċċju supplimentari kemm għal koppja miżżewġa kif ukoll għal persuna weħedha; u
l-introduzzjoni tal-Benefiċċju għall-Enerġija.
Filwaqt li ninsab infurmata li għadu kmieni biex wieħed jiddetermina kemm se jiswew l-ewwel żewġ miżuri msemmija, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern alloka Lm3.3 miljuni biex ikopri l-ispiża għall-Benefiċċju għall-Enerġija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi trid tagħmel persuna biex l-isqaq fejn toqgħod li diġa' ġie dikjarat bħala sqaq privat tal-istess persuna f'kawża li din il-persuna kienet għamlet kontra l-Gvern ta' Malta, biex dan l-istess sqaq jiġi rikonoxxut bħala "Sqaq Privat" mill-entita' tal-Gvern li tieħu ħsieb l-ismijiet tat-toroq?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Avviż Legali 176 ta' l-1995, l-għoti ta' isem ta' triq jew l-għoti mill-ġdid ta' isem ta' triq mhux arterjali jew distributorja jaqa' fil-kompetenza tal-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq wara li "... il-Kunsill Lokali ta' dik il-lokalita' jissottometti r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Ministru responsablbi għall-Pulizija li għandu jirreferi ... lill-Kumitat għat-Tismija ta' Toroq proprju, għall-parir tiegħu".
Jista' l-Ministru jgħid min hu awtorizzat li jipparkja l-vettura tiegħu fl-Isptar San Luqa? Liema kategoriji ta' staff huma ntitolati li jipparkjaw il-vettura tagħhom fl-Isptar San Luqa? Min aktar għandu l-permess li jipparkja l-vettura tiegħu fl-Isptar San Luqa? Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Min hu awtoriżżat li jipparkja l-vettura tiegħu fl-isptar San Luqa?
a. Dawk l-impjegati ta' l-isptar San Luqa li huma elenkati fir-risposta għat-tieni mistoqsija.
b. Kull min għandu permess temporanju biex jipparkja.
c. Persuni bil-badge ta' diżabilita.
d. Vetturi minn Sptarijiet oħrajn, Ċentri tas-Saħħa u Dipartimenti.
e. Vetturi awtoriżżati li jagħtu servizz fl-Isptar.
f. Persuni importanti (VIP)
Liema kategoriji ta' staff huma ntitolati li jipparkjaw il-vettura tagħhom fl-isptar San Luqa?
L-impjegati sa skala 9 jistgħu jipparkjaw matul il-ħin kollu tal-ġurnata, f'areas designati. L-impjegati kollha l-oħra jistgħu jipparkjaw mit-Tnejn sas-Sibt wara s-sagħtejn u nofs ta' wara nofsinhar, filwaqt li fil-Ħdud u l-festi huma permessi li jipparkjaw matul il-ġurnata kollha.
Min aktar għandu permess li jipparkja l-vettura tiegħu fl-isptar San Luqa?
L-impjegati li jaħdmu fl-Istitut tal-Ħarsien tas-Saħħa u fl-iskola Hookham Frere, għandhom ukoll il-postijiet riservati għall-parking.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26384 jista' l-Ministru jgħid kemm ilha topera l-kumpanija privata tal-parkeġġ fl-Isptar San Luqa kemm karozzi ġew clamped?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' karozzi li ġew clamped kemm ilha topera l-kumpanija privata huwa ta' tlett elef, erba' mija u disgħa u tmenin (3489).
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm speech therapists jaħdmu mad-diviżjoni tas-saħħa bħalissa? Kemm suppost hu l-complement? Billi hemm numru ta' speech therapists gradwati li qed jaħdmu mal-privat, hemm il-ħsieb li jiġu mpjegati speech therapists fil-futur qarib? Meta kien l-aħħar li ħarġet sejħa biex jiġu impjegati speech therapists?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru fil-gradi kollha ta' Speech Therapist li jaħdmu mad-Diviżjoni tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' huwa ta' 54.
Qed jittieħdu passi mal-Public Service Commission biex mill-aħħar sejħa għall-applikazzjoni li ħarġet fis-6 ta' Novembru 2006 fejn kienu ġew impjegati sitt Speech Therapists jiġu mpjegati disa' Speech Therapists oħra.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm tħallas il-kumpanija lid-diviżjoni tas-saħħa li qed tmexxi is-sistema ta' parkeġġ fl-Isptar San Luqa? Min hi din il-kumpanija? Meta jsiru clamping tal-karozzi fl-Isptar kemm tieħu l-kumpanija u kemm tieħu d-diviżjoni tas-saħħa? Meta sar il-kuntratt ma' din il-kumpanija u minn min sar? Hemm perjodu taż-żmien meta dan il-kuntratt jeskadi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-dħul li jirċievi l-isptar San Luqa għan-nom tad-Diviżjoni tas-Saħħa mingħand il-Kunsill Lokali tal-Pieta hu kif qed jiġi muri hawn taħt:
1. Lm16,773 fis-sena (għall-użu tal-Car Park, deprezzament tal-apparat, manutenzjoni, kif ukoll spejjeż oħra)
2. 40% share tan-Net Profit li jiġi determinat wara li jitnaqqsu l-ispejjeż min-Net Revenue (jiġifieri Gross Income less VAT).
Il-kumpanija li timmaniġġja t-traffiku fl-isptar San Luqa għan-nom tal-Kunsilli Lokali tal-Pieta hija C.T. Park Limited.
Il-flus kollha li jinġabru kif ukoll l-ispejjez kollha tal-clamping jittieħdu mill-kumpanija C.T. Park Limited.
Il-kuntratt ġie ffirmat fil-15 ta' Novembru 2004, u sar bejn il-Kunsill Lokali tal-Pieta u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tas-Saħħa.
Dan l-imsemmi kuntratt jiskadi fil-11 ta' Novembru 2008.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk l-uffiċjali tas-sigurta' li hemm fl-Isptar San Luqa hux se jmorru jaħdmu fl-isptar l-ġdid meta dan jibda jiffunzjona? Huwa vera li s-sigurta fl-isptar l-ġdid se tingħata lil privat? Jekk iva, x'se jsir mill-uffiċjali li hemm fl-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-servizz ta' sigurta' fl-isptar Mater Dei ser jingħata lill-privat.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24935 (seduta 514).
Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli t-taqsima inkarigata tmur tagħmel valenu fl-inħawi ta' Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn partikolarment minħabba l-ammont kbir ta' ġrieden li hemm u li qed idejjaq ir-residenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat illi l-ħaddiema tal-Pest Control Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għamel trattament intensiv fl-inħawi msemmija, llum 24 ta' Mejju 2007. Din iż-żona ser tinżamm taħt sorveljanza minn din is-sezzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm security officers jew impjegati oħra fis-servizz pubbliku li qed jagħmlu xogħol ta' security officers fl-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ammont ta' Uffiċjali tas-Sigurta' li qed jagħmlu xogħol fl-isptar San Luqa jammonta għal 60 persuna. Biss dawn ifornu wkoll iċ-Ċentri tas-Saħħa u l-isptarijiet l-oħra tal-Gvern meta dawn ikollhom uffiċjali tas-Sigurta' nieqsa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx lok kif il-pubbliku jista' jirrapporta imġieba ħażina jew allegat abbuż ta' wardens? Jekk iva, kif jista' jsir dan ir-rapport u lil min għandu jiġi ndirizzat? Minn min hu kompost il-bord jew bordijiet li jinvestiga ilmenti bħal dawn? Min jagħmel ir-rapport jista' jitlob li jiġi mgħajjat biex jispjega l-każ tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istess Avviż Legali li waqqaf il-Kumitat għall-Infurzar Lokali (Avviż Legali 237 ta' l-2006), ta wkoll poter lill-istess Kumitat li jinvestiga allegat imġieba ħażina minn Gwardjani Lokali.
Il-pubbliku jista' jagħmel dan billi jibgħat l-ilment tiegħu lis-Segretarju, Kumitat għall-Infurzar Lokali fl-indirizz postali c/o 26 Triq l-Arċisqof, Valletta VLT 1443.
In vista ta' dak li deher f'rapporti fl-istampa lokali, jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jikkonferma li l-pulizija qed tagħmel investigazzjonijiet dwar e-mailsu ittri mibgħuta lil uffiċjali tal-Partit Laburista u li jitrattaw dwar kwestjonijiet interni tal-MLP? Jikkonferma li persuna partikolari li bagħtet e-mail kienet obbligata mill-pulizija li tmur tiffirma kuljum id-Depot tal-Pulizija mingħajr ma ġiet akkużata b'xi reat? Minn meta bdiet tkun applikata din il-proċedura u kemm kien hemm, sal-lum, każi li fihom intużat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f'Diċembru 2006 il-pulizija bdiet tinvestiga każ dwar ittra anonima kif ukoll E-mail anonima li kien irċieva fl-istess żmien uffiċjal tal-Partit Laburista. Ninsab infurmat ukoll li kemm l-E-mail kif ukoll l-ittra ma kienux jittrattaw affarijiet interni tal-Partit Laburista iżda kienu jirrigwardjaw lill-istess uffiċjal minħabba l-konnessjoni tiegħu mal-partit.
Minn investigazzjoni li saret, il-pulizija rnexxielha tistabilixxi l-identita' tal-persuna li kienet bagħtet din l-E-mail anonima. Għaldaqstant, il-pulizija bagħtet għal din il-persuna sabiex tintervistah in konnessjoni ma' l-E-mail u l-ittra anonima.
Fil-kors ta' l-investigazzjoni, din il-persuna ammettiet li kienet hi li bagħtet l-E-mail anonima iżda ċaħdet li kienet responsabbli mill-ittra anonima. Sussegwentement din il-persuna ingħatat il-"Police Bail" ai termini ta' l-artikolu 355 AL tal-Kodiċi Kriminali Kap. 9 sabiex terġa' tiġi u titkompla l-intervista u dan wara li jkunu ġew konklużi l-investigazzjonijiet mis-Cyber Crime Unit. Il-"Police Bail" kien ġie mġedded għal sitt (6) darbiet u tneħħa wara li kienu ġew konklużi dawn l-investigazzjonijiet. Mhux minnu li l-persuna suspettata kienet kostretta li tiġi tiffirma ta' kuljum fid-depot tal-pulizija.
Din il-proċedura, magħrufa bħala "Police Bail" kienet ġiet fis-seħħ fid-9 ta' April ta' l-2002 bis-saħħa ta' l-Att III tal-2002 u tintuża b'mod regolari f'diversi każijiet li jkunu qed jiġu nvestigati mill-pulizija u għadhom ma ġewx akkużati quddiem il-Qorti. Fil-fatt matul 2006 intużat tlett mija u seba w għoxrin (327) darba fuq diversi reati filwaqt li din is-sena intużat mija u dsatax-il darba (119-il darba).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk hux possibbli l-waste serve tara tistax tbiddel il-post tal-bring-in sites li hemm fi Triq il-Qalliet, Wied il-Għajn u issibilhom post ieħor għax jinsabu viċin ferm ta' residenti u minħabba l-fatt li hemm nies irresponsabbli li qed iħallu l-imbarazz mal-art ħdejn il-bins tal-bring-in sitesdawn qed ikunu ta' inkonvinjent għar-residenti u eye soregħal għadd kbir ta' nies u turisti li jgħaddu minn din it-triq?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex possibbli li d-diviżjoni tas-saħħa tara jekk hux il-każ li jkollna tobba u nurses li jispeċjalizzaw fil-kundizzjoni Myalgic Encephalopathy billi hawn Maltin li qed ibatu minn din il-kundizzjoni u jidher li hemm bżonn ta' aktar speċjalizzazzjoni u għarfien fuq din il-kundizzjoni medika? Fid-dawl li fir-Renju Unit biss hu stmat li hemm madwar kwart ta' miljun ibatu minn din il-kundizzjoni u f'Malta hawn numru ta' każi li probabbli lanqas biss ġew diagnosed,jaħseb li għandna bżonn nagħtu aktar importanza lil din il-kundizzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ġie nnotat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk anzjani li għandhom il-Karta Anzjan humiex intitolati għal xi roħs fuq it-telefon? Jekk iva, x'għandhom jagħmlu biex igawdu minn dan ir-roħs?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-roħs fuq il-kera tat-telephone (Maltacom) huwa dovut biss lil dawk l-anzjani li għandhom il-karta anzjan flimkien mal-karta r-roża valida (i.e. trid tkun imġedda). Dawn jistgħu japplikaw għal servizz billi jmorru fiċ-Ċentru tal-Customer Care l-Belt (Ċentru Servizz Anzjani), mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jew Kunsill Lokali tal-lokal, bl-internet billi jidħlu fis-sit tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' fis-servizz tar-Rebates, jew inkella bil-posta.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23835, dwar it-tul ta' żmien raġonevoli biex tinstema' u tiġi deċiża kawża, kif provdut fil-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea, dan jiddependi minn min tkun komposta l-Qorti Kostituzzjonali? Hemm xi provediment fil-liġi (speċjalment fil-kostituzzjoni) li jikkontempla dewmien eċċessiv skond kif u minn min tkun komposta l-Qorti Kostituzzjonali?
Response (BORG, TONIO)
B'referenza għall-ewwel parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi ġeneralment iż-żmien li ddum kawża biex tiġi deċiża ma jiddependix minn kif tkun komposta qorti kolleġġjali, għalkemm il-komplessita' tal-każ, id-doveri ġudizzjarji l-oħra li jkollhom l-Imħallfin komponenti dik il-qorti, u ċirkostanzi oħra jistgħu jinċidu fuq dan iż-żmien.
B'referenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, ma hemmx disposizzjoni ta' liġi kif indikat mill-Onorevoli Interpellant.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23772 fejn intqal li l-ħaddiema tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent kienu qed jevalwaw ix-xogħlijiet li hemm bżonn fil-Magħluq (Marsaskala), jista' l-Ministru ġentilment jgħid fejn waslet din l-evalwazzjoniu u meta se jsir ix-xogħol ta' manutenzjoni biex jirranġaw is-sistema ta' l-ilma, eċċ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li peress li s-sit tal-Magħluq huwa sit ta’ importanza ekoloġika, din l-evalwazzjoni trid issir fid-dawl ta’ l-istħarriġ li hemm bżonn isir għall-proposta ta’ family park li kienet sottomessa mill-WasteServ Malta Ltd għas-sit fejn il-lum hemm miżbla qadima, jiġifieri bejn l-impjant ta’ Sant’ Antnin u r-Razzett tal-Ħbiberija. L-iżvilupp li sar f’din iż-żona fil-passat seta’ impatta l-Magħluq u għalhekk hemm bżonn ta’ pjan ħolistiku dwar dan. It-tender għal dan l-istudju hija ppubblikata.