Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #3461 Sitting 45 2013-07-03 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Karmeli — bord

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid minn min hu magħmul il-bord il-ġdid tal-Isptar Monte Karmeli?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din l-mistoqsija tingħata f’xi seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – xogħlijiet strutturali u ta’ refurbishing

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2890, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma x-xogħlijiet li qed isiru fil-blokk ewlieni fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Fiex jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet? Tista’ l-Ministru tagħti d-dettalji ta’ kull biċċa xogħol li qed issir?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-blokk ewlieni fl-Isptar San Vinċenz de Paul, liema xogħlijiet qegħdin isiru wara telqa’ ġenerali ta’ ħames snin.
Leg 12 PQ #3186 Sitting 43 2013-07-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Servizz tas-Saħħa mentali fil-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern biex tul din is-sena jkompli jespandi is-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li d-dipartiment huwa kommess li jkompli jikkonsolida s-servizzi eżistenti għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali fil-komunità.
Leg 12 PQ #3187 Sitting 43 2013-07-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Karmeli – Flats għal persuni bi problema ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk minn Marzu sal-lum l-Awtorità tad-Djar għaddietx xi flats lill-Isptar Monte Karmeli biex fihom jiġu allokati u integrati lura fil-komunità persuni bi problemi ta’ saħħa mentali?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li minn Marzu sal-lum l-Awtorità tad-Djar ma għaddietx flats lill-Isptar Monte Karmeli, biex fihom jiġu allokati u integrati lura fil-komunita persuni bi problemi ta’saħħa mentali.

Residenza San Vinċenz de Paul – job experience għal persuni b’diżabilità

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2888, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna bi bżonnijiet speċjali attendiet għal job experience fl-iskema mħaddma mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) fl-Entertainment Section (jew Active Ageing) tar-Residenza San Vinċenz de Paul f’kull jum minn Marzu sa’ Ġunju, jum b’jum?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm żewġ persuni b’diżabiltà li kienu jieħdu esperjenza ta’ xogħol f’dik li kienet magħrufa bħala l-Entertainment Section tal-SVPR. Informata li dawn komplew jieħdu din l-esperjenza fl-Active Ageing Unit.

Residenza San Vinċenz de Paul – transfers lill-ħaddiema fl-Activity Centre

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu transfers lill-ħaddiema fl-Activity Centre fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn wara l-elezzjoni ’l hawn? X’inhu l-grad ta’ kull ħaddiem li nħariġlu transfer? Kemm minn dawn il-ħaddiema talbu huma li jiġu trasferiti mill-Activity Centre?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab informata li wara li ġie xolt l-Activity Centre, l-impjegati li kienu f’din it-taqsima ġew assenjanti f’sezzjonijiet oħrajn tal-Isptar San Vinċenz de Paul. Dawn l-impjegati kienu fil-gradi ta’ enrolled nurse, nursing aide, part-time enrolled nurse, social assistant u staff nurse.

Residenza San Vinċenz de Paul – għażla ta’ Kap Eżekuttiv

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2889 u mingħajr ma nnaqas xejn mill-merti tal-persuna magħżula, tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-għażla ta’ Kap Eżekuttiv fir-Residenza San Vinċenz de Paul ma saritx permezz ta’ sejħa pubblika kif sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti fil-każ tal-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli u l-Isptar Karin Grech?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-hatra ta’ CEO fir-Residenza ta’ San Vincenz de Paule hija abbazi ta’ fiducja u tinkwadra fir-ristrutturar immedjat tat-tmexxija ta’ din ir-residenza. Ghal-kumplament tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant ghat-twegiba moghtija ghal-mistoqsija parlamentari 2889.

Residenza San Vinċenz de Paul — ħatriet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 1813 u tgħid x'ħatriet saru marbuta mar-Residenza San Vinċenz de Paul mill-11 ta' Mejju ’l hawn? F’liema kariga ġew maħtura dawn il-persuni? Liema minn dawn il-ħatriet huma pożizzjonijiet ġodda? Kemm qed jitħallsu kull waħda minn dawn il-persuni maħtura?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ngħatajt fil-mistoqsija parlamenatari 2891.

Residenza San Vinċenz de Paul — Hospital Management Board - ħlas

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn min hu magħmul il-Hospital Management Board il-ġdid tar-Residenza San Vinċenz de Paul? Xi ħlas se jirċievi kull membru tal-bord u apparti ħlas, jekk hu l-każ, għandhom xi benefiċċji oħrajn?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Management Board li nħatar mid-9 ta’ Marzu 'l quddiem huwa dan: Chairperson Judge Philip Sciberras Deputy Chairperson Dr Maria Concetta (Marcon) Ali CEO Dr Josianne Cutajar Member Dr Gunther P Abela Member Dr Marvin Formosa Member Arch. Chris Grech Member Mr Gaetano Mercieca Il-ħlas tas-servizz tagħhom għadu ma ġiex iffinalizzat.

Residenza San Vinċenz de Paul – tkissir ta’ taraġ antik

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux vera se jitkisser taraġ antik fir-Residenza San Vinċenz de Paul li jinsab ħdejn il-kamra tal-punching? Jekk iva, hemm permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex jitkisser dan it-taraġ antik?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-amministrazzjoni tal-Isptar San Vinċenz de Paul ma tat l-ebda struzzjonijiet biex jitwaqqa’ jew jitkisser xi taraġ f’din ir-residenza. Għaldaqstant mhux veru li se jitkisser xi taraġ f’din ir-residenza. Nista’ nassigura lill-interpellant li l-amministrazzjoni preżenti għandha għall-qalba l-valur arkittetoniku ta’ din ir-residenza u għalhekk se tassigura li jinkisbu l-permessi kollha neċessarji mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar għal dawk ix-xogħlijiet li jkunu jeħtieġu tali permessi minn din l-awtorità.

Residenza San Vinċenz de Paul – security guards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2887 tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-grad tas-security guard jew security guards li ġie jew ġew trasferit/i għal mas-security officers fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn wara l-aħħar elezzjoni? X’kien, jew x’kienu jagħmel jew jagħmlu qabel kull persuna li issa ġie trasferita bħala security guard?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #3185 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Karmeli – air conditioners bil-ħsara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm air conditioners ma jaħdmux fl-Isptar Monte Karmeli? Fejn qegħdin?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li għaddej proċess biex jissewwew 18-il air conditioner fl-Isptar Monte Karmeli li jinsabu fis-swali FW2, FW3A, FW3B, FW7, MAW, MW2, MW8B, MW3B. Qed tintalab informazzjoni sabiex ikun stabbilit kemm fil-fatt ilhom bil-ħsara, kif ukoll x’seta ikkawża din il-ħsara.

Residenza San Vinċenz de Paul — Entertainment Section – sigħat ta’ overtime

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ħadem sigħat ta’ overtime kull membru tal-istaff li issa hu allokat fis-sezzjoni li qabel kienet l-Entertainment Section fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn mindu ġie trasferit f’din is-sezzjoni? Fejn ħadem overtime kull membru tal-istaff u meta?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika s-sahra li nħadmet mit-13-il impjegat li jaħmdu fl-Active Ageing Unit tal-Isptar San Vinċenz de Paul. Din is-sahra nħadmet f’San Vinċenz de Paul għall-okkażjoni tal-Festa tal-Qalb ta’ Ġesu’ li hija wkoll il-festa “titulari” tar-residenza għall-anzjani. Matul din il-ġimgħa madwar 914-il anzjan u anzjana tniżżlu mis-swali tagħhom biex setgħu jgawdu din il-festa. Din is-sahra kienet neċessarja wkoll biex il-post fejn isiru l-attivitajiet għall-anzjani jinġabar mit-telqa u t-traskuraġni li kien jinsab fiha.

Residenza San Vinċenz de Paul — rwol ta' deputat parlamentari

Question

Tista l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1500 u tgħid x’se jkunu d-dmirijiet tad-deputat parlamentari, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fir-residenza San Vinċenz de Paul? Jekk dan mhux se jkun involut fil-management ta’ din ir-Residenza x’se jkun qed jagħmel eżatt?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Onorevoli Anthony Agius Decelis inħatar Konsulent tal-Gvern fuq l-Anzjani mill-Prim Ministru. Peress li l-Onor Agius Decelis speċjalizza fl-istudji tiegħu fuq livell ta’ Masters fuq l-akbar residenza tal-istat għall-anzjani, ir-Residenza San Vinċenż de Paul, ġie mitlub biex jgħin fl-iżvilupp tal-politika u t-twettiq tagħha għal din ir-residenza li hija maħsub li tagħti servizzi ta’ ‘long term care’, u in partikolari, fil-kuntest ta’ l-istrateġija u l-politika dwar l-anzjanità attiva.
Leg 12 PQ #2894 Sitting 32 2013-06-18 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

segretarji permanenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1503, jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex l-ex Segretarju Permanenti, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tħalla barra mir-risposta u allura jinforma l-Kamra x’inhu jagħmel issa dan l-individwu wara li tneħħa minn segretarju permanenti? Jista’ jgħid x’xogħol qed jagħmlu ż-żewġ segretarji permanenti li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament ukoll, li t-tnejn li huma tneħħew minn segretarji permanenti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-ewwel persuna qed taqdi dmirijiet skont il-grad sostantiv tiegħu ta’ konsulent fil-Ministeru għas-Saħħa. Iż-żewġ persuni l-oħra qed jaqdu responsabilitajiet fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u fil-Ministeru għat-Turiżmu.

Residenza San Vinċenz de Paul — Entertainment Section – sigħat ta’ overtime

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ħadem sigħat ta’ overtime kull membru tal-istaff li issa hu allokat fis-sezzjoni li qabel kienet l-Entertainment Section fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn mindu ġie trasferit f’din is-sezzjoni? Fejn ħadem overtime kull membru tal-istaff u meta?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra

Residenza San Vinċenz de Paul – trasferiment ta’ security

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew trasferiti persuni li kienu qed jagħmlu xogħol ta’ security fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn wara l-elezzjoni ’l hawn? Fejn intbagħtu jaħdmu? It-transfer ġie mitlub minnhom?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn wara l-elezzjoni lil hawn saru ħames trasferimenti ta’ security. Informata li wieħed minn dawn it-transfers sar fuq talba tal-individwu waqt li l-oħrajn saru skont l-esiġenzi tas-servizz. Tlieta minn dawn voldieri Health Assistant, Gardinar u Driver intbagħtu jaħdmu f’xogħol relatat mal-grad proprju tagħhom li mhux fil-grad ta’ security waqt li t-tnejn l-oħra kienu wieħed f’San Vinċenz de Paul u l-ieħor fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta.

ETC – persuni bi bżonnijiet speċjali – work experience

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-inizjattiva li kienet ittieħdet bi ftehim mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ li persuni bi bżonnijiet speċjali jingħataw work experience fl-Entertainment Section (jew Active Ageing kif inhi magħrufa issa) fir-Residenza San Vinċenz de Paul twaqqfitx? Jekk iva, għalfejn?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-inizjattiva ma twaqqiftx.

Residenza San Vinċenz de Paul – Kap Eżekuttiv

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx sejħa pubblika biex intgħażlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Fejn ħadmet s’issa din il-persuna u x’esperjenza jew kwalifiki għandha fl-amministrazzjoni ta’ sptar?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pożizzjoni tal-persuna indikata hija waħda ta’ fiduċja. Il-persuna indikata għandha għaxar snin esperjenza fl-amministrazzjoni ta’ servizzi ta’ saħħa u ċentri tas-saħħa f’pajjiżna. Il-kwalifiki tagħhom huma MD, MSc Health Services Management (Malta), MSc Primary Care and General Practice (Ulster).