Sodod għall-anzjani – expression of interest — evalwazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid minn min hu kompost il-kumitat/tim li hu inkarigat biex jagħmel evalwazzjoni tal-expression of interest li nħarġet biex jiġu provduti sodod għall-anzjani (residential care)?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni hu magħmul mis-Sur Raymond Mamo bħala Chairperson u Dr Miriam Azzopardi u Dr Stephen Abela bħala membri. Dr Marvina Formosa u s-Sur Philip Rizzo huma osservaturi fuq il-kumitat waqt li s-Sur Mark Debono huwa s-Segretarju tal-Kumitat tal-Evalwazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm fost dawk li wrew interess li jipprovdu sodod għall-anzjani fl-expression of interest li ħarġet, jistgħu jipprovdu nursing care?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-evalazzjoni tal-espressjoni ta’ interess għadu għaddej.
Residenza San Vinċenz de Paul – rapporti dwar abbuż fuq anzjani
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew rappurtati każijiet ta’ abbuż fuq l-anzjani tul din is-sena xahar b’xahar fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Fiex kien jikkonsisti l-abbuż? X'passi ttieħdu f'kull każ?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati lill-Pulizija każijiet ta’ abbuż fuq anzjani tul din is-sena? Fiex kien jikkonsisti l-abbuż? X'passi ttieħdu f'kull każ?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, il-Pulizija kellha 187 rapport ta’ abbuż fuq persuni ta’ sittin sena jew aktar. Dawn kienu 65 każ ta’ vjolenza domestika, 75 offiżi fuq il-persuna, 6 serq, 5 mugging, 36 snatch & grab. Infurmat ukoll illi dawn il-każijiet ġew investigati u s’issa 54 persuna ġew imressqa quddiem il-Qorti
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ deputati parlamentari (backbenchers) tan-naħa tal-Gvern li qed jagħtu konsulenzi lill-Gvern u jgħid humiex full-time jew part-time u x’inhuma l-paga u allowances għal dawn il-konsulenzi? Jista’ jgħid ukoll għandhomx il-mobile imħallas?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-każ tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, m'hemm ebda lista li qed jitlob huwa, għaliex ma hemmx konsulenzi tat-tip li semma fil-mistoqsija tiegħu.
Għal informazzjoni oħra nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministri kkonċernati.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — konsulenti
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista aġġornata ta' persuni li qed jagħtu konsulenza fil-Ministeru tagħha u kemm qed jitħallsu f'paga, allowances u perkaċċi oħra?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ ħaddiema
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista aġġornata tal-persuni li għandha jaħdmu fil-Ministeru tagħha? Kemm minn dawn ma kinux jaħdmu fis-settur pubbliku qabel ġew ingaġġati mal-Ministeru?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Segretarju Parlamentari għall-persuni b’diżabilità u anzjanità attiva — konsulenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li qed jagħtu konsulenza lis-Segretarju Parlamentari għall-persuni b’diżabilità u anzjanità attiva? Xi ħlas għandu kull wieħed minnhom inkluż allowances u perkaċċi oħra? Tista’ tagħti lista ta’ dawn il-persuni?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Segretarju Parlamentari għall-persuni b’diżabilità u anzjanità attiva – ingaġġ ta’ persuni
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista aġġornata ta’ persuni li qed jaħdmu fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-persuni b’diżabilità u anzjanità attiva? Kemm minnhom ma kinux jaħdmu fis-settur pubbliku qabel ġew ingaġġati fis-segretarjat?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm nurses fir-Residenza San Vinċenz de Paul li baqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar? Fejn huma allokati ġewwa r-Residenza kull wieħed minn dawn in-nurses u xi ħlas, allowances u perkaċċi oħra għandhom?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm erba’ (4) infermieri fir-Residenza San Vinċenz de Paul li baqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar. Tlieta (3) minnhom huma allokati fir-‘Nursing Relieving Pool’ fir-Residenza u persuna oħra li għandha esperjenza wiesgħa fil-qasam amministrattiv intalbet tagħmel xogħol ta’ amministrazzjoni taħt il-gwida tal-uffiċċju tal-Kap E¿ekuttiv. Dwar xi ħlas, allowances u perkaċċi oħra qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li diġà qed jieħdu s-servizz tal-home help u li għandhom applikazzjoni pendenti biex iżidu s-sigħat ta’ servizzi?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija Parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm applikanti bħalissa li qed jistennew is-servizz tat-Telecare? Minn fejn huma l-applikanti?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li bħalissa hemm 27 applikant/a li qegħdin jistennew is-servizz tat-telecare. Ta’ min jinnota li l-għadd ta’ applikazzjonijiet ivajra skont il-ġurnata ladarba l-proċess huwa wieħed kontinwu. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-lokalitajiet tal-applikazzjonijiet pendenti.
Residenzi għall-Anzjani — Tim multidixxiplinarju – każijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ra persuni t-tim mutlidixxiplinarju li twaqqaf biex jagħmel assessment ta’ dawk li jkunu applikaw biex jidħlu f’dar jew residenza tal-anzjani? Kemm saru house visits minn dan it-tim? Minn fejn huma l-anzjani li s’issa ġew assessed minn dan it-tim?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-timijiet multi-dixxiplinarji tal-Isptar Karin Grech assessjaw 629 applikazzjoni pendenti ta’ anzjani li jeħtieġu kura fit-tul. Fosthom 308 pazjenti attendew mill-komunità waqt li 321 kienu assessjati waqt li kienu rekoverati fl-Isptar Mater Dei jew l-Isptar Karin Grech.
Informata li kien hemm ħames pazjenti li ma setgħux jattendu għal dan l-assessjar fl-isptar u saret żjara fir-residenza tagħhom. Dawn kienu każ (1) f’Wied il-Għajn, (1) San Ġiljan, (1) Ħal Qormi u (2) każ ta’ koppja f’Ħaż-Żabbar.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4661, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw għall-post ta’ direttur elderly? Meta saru l-interviews u min kien fuq il-bord tal-għażla? Meta hu maħsub li joħorġu ir-riżultati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li kien hemm ħames kandidati għall-pożizzjoni ta’ Direttur (Elderly Care), fil-Ministeru għas-Saħħa.
L-intervisti saru fit-23 ta’ Awissu, 5 ta’ Settembru, 9 ta’Settembru u 17 ta’ Ottubru 2013.
Il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatriet Anzjani huwa kompost kif ġej:-
Segretarju Permanenti Ewlieni
Segretarju Permanenti (Familja u Solidarjeta’ Soċjali)
Segretarju Permanenti (Għawdex)
Occupational Psychologist
Huwa mistenni li l-proċess jiġi konkluz fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4417 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se joħorġu r-riżultati għall-post ta’ diretturi fid-Diviżjoni tas-Saħħa li l-interviews tagħhom ġà saru?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-eżitu tal-proċess tal-għażla għal karigi ta’ Direttur ma joħroġx fil-forma ta’ riżultat iżda jiġi ikkomunikat direttament lill-applikanti. Fil-każ tal-karigi li rrefera għalihom l-Onor Interpellant, dan mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin.
Waqt li sa qabel Marzu li għadda l-proċess kollu tal-għażla ta’ Diretturi kien jieħu mas-sitt xhur, meta l-aktar li kienu joħorġu kienu 30 post, illum b’mal-mitt post, il-proċess kollu lanqas sa jkun ħa 3 xhur.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux vera li ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul se jibda jkun hemm il-wardens? Jekk iva, tista’ tikkonferma jekk dawn intalbux mit-tmexxija l-ġdida tar-Residenza San Vinċenz de Paul? Min se jħallas għas-servizzi ta’ dawn il-wardens?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Taqsima tas-Sigurtà tar-Residenza San Vinċenz de Paul intalbet biex tassigura li l-parkeġġ tal-vetturi jsir fil-post allokat għalihom. Bħalma jsir f’każijiet oħjran fejn tkun qed tinkiser il-liġi, il-Pulizija jew il-Gwardjani Lokali jistgħu jissejħu fuq il-post biex jittieħdu l-passi neċessarji. Huwa imperattiv li f’postijiet bħalma hija din ir-residenzja jiġi assigurat li ebda vettura ma tkun ipparkjata f’postijiet li jistgħu jkunu ta’ detriment għas-saħħa tar-residenti.
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-professjonisti u l-membri tat-tim multidixxiplinarju li assuma r-rwol tal-admission board biex jagħmel assessment u jara l-anzjani li jkunu applikaw biex jidħlu f’dar/residenza għall-anzjani?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet ta’ anzjani biex jiġu ammessi f’residenza għall-anzjani qed jiġu assessjati minn timijiet multi-dixxiplinarji fl-Isptar Karin Grech magħmula minn speċjalisti fil-qasam tal-anzjani, occupational therapists, fiżjoterapisti, infermieri, social assitants u ħaddiema soċjali. Dawn flimkien qegħdin jipprovdu assessjar komprensiv u ‘scoring’ skont prassi internazzjonali. Dan skont rakkamondazzjonijiet ripetuti tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u inpartikulari għar-rapport ta’ l-istess Awditur Ġenerali tal-2003, u bit-titolu ‘The Quality of Life for the Elderly at St Vincent de Paule Resident, li sfortunatament kienu għadhom qegħdin jiġu injorati sa ftit tax-xhur ilu.