Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pulizija investigatx l-inċident irrapurtat fil-media fejn persuna ta’ nazzjonalita barranija ġiet allegatament aggredita u msawta waqt li kienet qegħda ddoqq xi strument tal-mużika fit-terminal tal-vapur ta’ Għawdex nhar il-Ħadd 2 ta’ Marzu 2014? Jekk iva saru xi arresti?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara ir-rapporti li dehru fil-media fuq il każ kif rrapurtat mil-Interpellant, il-Pulizija kienet infurmata u ħadet passi biex tinvestiga il-każ. L-investigazzjoniet għadhom għaddejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-ġimgħat li għaddew inħarġitx xi ordni (anki jekk wara din ġiet irtirata) biex social workers li hemm fir-Residenza San Vinċenz De Paule jiġu trasferiti għall-Isptar Mater Dei?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li għaddew ma nħarget ebda ordni biex social workers li hemm fir-Residenza San Vinċenz De Paule jiġu trasferiti għall-Isptar Mater Dei.
Jista’ l-Ministru jgħid mill-elezzjoni ‘l hawn meta saret żjara f'Casa Flamini f'Raħal Ġdid li l-amministrazzjoni preċedenti kellha l-pjan li tirranġa f’Dar tal-Anzjani? Min kien preżenti waqt din iż-żjara? X'deċiżjoni ttieħdet?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar żjara li saret f’Casa Flamini f’Raħal Ġdid kienet fl-20 ta’ Jannar 2014. Preżenti kien hemm is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Franco Mercieca u Dr. Charles Scerri flimkien ma’ grupp ta’ periti barranin esperti fil-kura fit-tul, specjalment fi strutturi li jintuzaw minn pazjenti tad-dimensja. Wara li analizzaw sew l-istruttura, l-esperti kkonkludew li m’hijiex addattata biex tintuża bħala residenza li fiha tista tilqà l-anzjani.
Sptar Mater Dei – pazjenti li stennew fuq stretcher
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti stennew fuq stretcher qabel ġew assenjati sodda fl-Isptar Mater Dei minn Mejju 2013 sat-12 ta’ Frar 2014?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infirmat li n-numru ta’ pazjenti li stennew fuq stretcher qabel ġew assenjati sodda fl-Isptar Mater Dei minn Mejju 2013 sat-12 ta’ Frar 2014 huwa kif misjub fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid tul l-2013, kemm kien hemm warden jew wardens li ġie/t jew ġew arrestati mill-pulizija jew se jitressqu l-Qorti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom? Jekk iva, għal liema raġuni?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultax li kien hemm każi ta' arresti ta’ Gwardjani Lokali fis sena 2013.
Tista’ l-Ministru tgħid minn Marzu 2013 ‘l hawn kemm ġew irrappurtati serqiet mir-residenza San Vinċenz de Paule inkluż sgass u/jew serqiet minn stores, uffiċini, swali, dipartimenti, night shelters, serqiet minn fuq anzjani jew serqiet minn fuq ħaddiema? Tista’ tagħti lista ta’ kull serqa jew sgass?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Residenza San Vinċenz de Paule – każijiet ta’ abbuż sesswali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ abbuż sesswali fuq residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule xahar b’xahar tul l-2013?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni miġbura jidher li kien hemm kas wieħed ta’ abbuż sesswali li ġie rraportat u qiegħda tittieħed proċedura kriminali kontra il-persuna konċernata.
Dan seħħ minn qarib tal-vittma stess fid-29/07/2013.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm żdiedu sodod fir-Residenza San Vinċenz de Paule minn wara l-elezzjoni ‘l hawn? Tista’ tgħid f’liema sala ġiet miżjuda kull sodda? Meta żdiedu dawn is-sodod u għal kemm żmien se jibqgħu hemm?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma sar fis-snin tal-imgħoddi, għall-perjodu ta’ matul ix-xitwa, ġewwa ir-residenza SanVinċenz da Paul wara l-elezzjoni ‘l hawn żdiedu sitta u tletin sodda bħala extra beds u hemm ftehim mal-unjins li dawn is-sodod jibqgħu sa’ l-aħħar tax-xahar t’April. Qed npoġġi l-informazzjoni mitluba li turi f’liema sala ġiet miżjuda kull sodda u meta fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk żdidux sodod fl-Isptar Karen Grech mill-elezzjoni ‘l hawn? Jekk iva, f’liema sala żdiedu? Dawn żdiedu b’mod temporanju jew permanenti?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li żdiedu bi tlettax il-sodda fl-isptar kollu, b’mod temporanju fil-perjodu tax-xitwa
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm public officers li kienu rtirati ddaħħlu lura wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2013? Min huma u x’inhu x-xogħol tagħhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li mid-9 ta’ Marzu sal-lum, daħlu lura 49 impjegati li kienu rtiraw mis-Servizz Pubbliku.
Il-gradi jew pożizzjonijiet ta’ dawn l-impjegati jinsabu fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dettalji personali mitluba mill-Onorevoli Interpellant ma jistgħux jingħataw, skont il-provedimenti tal-Liġi dwar il-Privatezza tad-Data.
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li bejn il-bidu ta’ Gunju 2012 u t-8 ta’ Marzu 2013 kienu 72 l-impjegati li daħlu lura wara li kienu rtiraw mis-Servizz Pubbliku.
Is-sistemi li bihom iddaħħlu lura l-impjegati mid-9 ta’ Marzu sal-lum huma konformi mal-proċessi eżistenti li ilhom jintużaw għal dawn l-aħħar snin, inkluż il-proċess li l-impjieg mill-ġdid jgħaddi mill-kummissjoni dwar is-servizz pubbliku jew permezz ta' strument ta' delega mogħti mill-istess kummissjoni.
Dan huwa f’kuntrast ma dak li kien isir fl-amministrazzjoni preċedenti meta ddahhlu mal-gvern saħansitra persuni kontra l-provedimenti tal-Kostituzzjoni.
S’issa instabu hdax – il kaz minn dawn.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti l-lista ta’ special envoys li huma mpjegati mal-Gvern u jgħid kemm qed jitħallsu inkluż l-allowances u perkaċċi oħra li għandhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoggi fuq il-mejda tal-Kamra t-taghrif mitlub, relatat mal-Ufficcju tal-Prim Ministru.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta’ persuni boarded out f’Marzu 2012 u kemm hu llum?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li f’Marzu tal-2012 kienu jirċievu Pensjoni Għall-Invalidità mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali minħabba li ġew boarded out kien ta’ 4,780. Filwaqt illi f’Jannar ta’ din is-sena dan in-numru hu ta’ 4,557.
Tiġdid ta’ Liċenżja ta’ Electricians — kondotta tal-pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-electricians li qed imorru biex iġeddu l-liċenzja tagħhom issa qed jintalbu l-kondotta tal-pulizija biex tkun tista’ tiġġedded? Peress li jien informat li jista’ jkun hemm persuni li skontaw żmien fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin u li bħala parti mir-riabilitazzjoni tagħhom kienu imħeġġa biex jittrenjaw u jġibu liċenzja ta’ electricians, jista’ jgħid jekk lil dawn hux se tiġġeddilhom il-liċenzja?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi qed timxi skont l-obbligu li joħroġ mir-regolament 4 tal-Avviż Legali 195 ta’ l-2008.
Huwa minħabba dan l-obbligu li l-applikanti qed jintalbu l-kondotta tal-pulizija għal ħruġ jew tiġdid tal-liċenzja tagħhom.
Jista' l-ministru jara li l-prodott Resource Food Thickener li kif jaf hu prodott ferm importanti għall-persuni li għandhom problema biex jibilgħu, jkunu available fl-isptarijiet peress li infurmat li dan reġa' jinsab out of stock?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-prodott ‘Thickening agent’ kien disponnibli f’ammonti żgħar fl-aħħar ta’ Diċembru wara nuqqas fis-settur privat u internazzjonalment.
Infurmat ukoll li fl-isptarijiet tqassam
‘stock’
fl-10 ta’ Jannar stess minħabba li l-aġent wasalu Malta fid-9 ta' Jannar 2014.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3184 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2887 tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-grad tas-security guard jew security guards li ġie/ġew trasferit/i għal mas-security officers fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn wara l-aħħar elezzjoni? X’kien/u jagħmel/jagħmlu qabel ġie/ġew trasferit/i bħala security guard?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-grad tal-impjegati li ġew ittrasferiti għal mal-uffiċjali tas-sigurtà tal-SVPR minn wara l-elezzjoni ‘l hawn huma żewġ persuni li kienu nursing aides, persuna li kienet care worker u oħra li kienet health assistant kitchen.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — konsulenti
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 5126 u tagħti lista aġġornata ta' persuni li qed jagħtu konsulenza fil-Ministeru tagħha u kemm qed jitħallsu f'paga, allowances u perkaċċi oħra?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ ħaddiema
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 5127 u tagħti lista aġġornata tal-persuni li għandha jaħdmu fil-Ministeru tagħha? Kemm minn dawn ma kinux jaħdmu fis-settur pubbliku qabel ġew ingaġġati mal-Ministeru?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ex civil servants li kienu rtirati ddaħħlu lura wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2013? Min huma u x’inhu x-xogħol tagħhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li mid-9 ta’ Marzu sal-lum, daħlu lura 44 impjegati li kienu rtiraw mis-Servizz Pubbliku.
Il-gradi jew pożizzjonijiet ta’ dawn l-impjegati jinsabu fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dettalji personali mitluba mill-Onorevoli Interpellant ma jistgħux jingħataw, skont il-provedimenti tal-liġi dwar il-Privatezza tad-Data.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – special envoys ingaġġati
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti l-lista ta’ special envoys li huma impjegati mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u jgħid kemm qed jitħallsu, inkluż allowances u perkaċċi oħra li għandhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Bormla u l-Imtarfa – servizzi ta’ saħħa mentali fil-kliniċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħalqu jew jitnaqqsu s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità fil-kliniċi ta’ Bormla u l-Imtarfa? Jekk iva, x’servizzi se jonqsu u x’servizzi se jitħallew?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li l-Ministeru tas-Saħħa ma għandu l-ebda ħsieb li jingħalqu jew jitnaqqsu s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità fil-kliniċi, anzi huwa l-ħsieb ta’ dan il-Gvern li jkompli jsaħħah dawn is-servizzi.