Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ingaġġ ta’ Home helpers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11332 u jgħid kemm ġew ingaġġati nies biex jaħdmu bħala home helpers din l-aħħar sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġew impjegati l-ebda nies mal-Gvern bħala home helpers matul din l-aħħar sena. Ninsab informat li ż-żewġ operaturi li jagħtu dan is-servizz żiedu n-numru ta’ siegħat b’ 986 siegħa matul l-aħħar sena.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – konsulenzi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11333, jista' l-Ministru jgħid min huma dawn il-konsulenti u f'kull każ jgħid x'inhuma dawn l-allowances?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11333.

Day Centres – pjan tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11337 u jgħid x’inhu l-pjan tal-Gvern fuq day centres? Hemm xi pjanijiet li jinfetħu oħrajn ġodda? Jekk iva, fejn?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern bħalissa għaddej b’taħdidiet ma’ diversi entitajiet. Il-Ġimgħa l-oħra stess ġie konkluż arranġament maċ-Ċentru Ragħaj it-Tajjeb fir-Rabat Għawdex dwar programm t’attivitajiet għall-Anzjani.

Dar tal-Anzjani u Day Centre tal-Mellieħa – żjara minn delegazzjoni Ċiniża

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk delegazzjoni Ċiniża żaritx id-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa u d-Day Centre tal-istess Dar? Minn min kienet tikkonsisti din id-delegazzjoni u x’kien l-iskop tagħha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li delegazzjoni Ċiniża wriet ix-xewqa li żżur entità tal-Gvern u għalhekk ġiet mistiedna biex iżżur id-Dar tal-Anzjani fil-Mellieħa. Din id-delegazzjoni żaret din id-Dar wara li ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn l-Istitut Internazzjonali tal-Anzjani (Ġnus Magħquda – Malta) u l-Beijing Civil Affairs Bureau.

Residenza San Vinċenz de Paul – kotba tal-menu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew il-kotba kkuluriti li ġew stampati f’Marzu 2014 meta fil-kċina ta’ San Vinċenz ġie introdott menu ġdid li tqassmu lir-residenti kif ukoll lill- qraba tagħhom ftit ġimgħat qabel daħal il-kuntrattur privat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-disinn tal-menu ġie jiswa € 1,026.60 u sar minn Keen Advertising Ltd. L-istampar sewa € 5,953.50 u sar għand Gutenberg Press Ltd. B'kollox saru 5,000 kopja.

Public-Private Partnerships in Long Term Care

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid fiex wasal il-proċess ta' Public-Private Partnerships in Long Term Care għall-anzjani li għalih ġiet ippublikata expression of interest f'The Sunday Times tal-14 ta' Lulju 2013? Saret spezzjoni tal-postijiet li wrew interess f'din l-expression of interest? Jekk iva, fejn u meta saru dawn l-ispezzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa qegħdin jiġu ffinaliżżati l-Istandards Minimi Nazzjonali għar-Residenzi tal-Anzjani. Wara dan jitkompla l-eżerċizzju biex jiġi assigurat servizz ta' kwalita.

Residenza San Vinċenz de Paul – refurbishment ta’ swali

Question

Billi fil-bidu ta’ Ġunju, Lulju 2014, ir-residenti anzjani li kienu rikoverati fis-swali St Francis 3 u 4 fir-Residenza San Vinċenz de Paul inħarġu min dawn is-swali u kienu sparpaljati fil-kurituri, atriums u dining rooms tas-Serenity Wards 2 u 3 u Madre Theresa Wards 2 u 3 b’inkonvinjent kbir għall-istess residenti anzjani u dan bil-wegħda lill-dawn ir-residenti u l-istaff li r-refurbishment għandu jkun lest f’Marzu 2015, jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk it-tlestija ta’ dan il-proġett ta’ refurbishment hux qiegħed on track?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – refurbishment ta’ swali

Question

B’referenza għall-anzjani residenti fis-swali ta’ San Vinċenz de Paul u li kienu fis-swali St Francis 2 u 3 u li nħarġu mis-swali tagħhom f’Ġunju 2014 u ġew imgeddsa fi swali oħra biex isir refurbishment li kellu jitlesta f’Marzu 2015, jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġux it-tenders għal dan il-proġett u jekk iva min kienu l-kuntratturi li ħadu dawn it-tenders eż. xogħol ta’ kostruzzjoni, mechanical and electrical, xogħol ta’ aluminju, għamara, eċċ.? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopji tal-pjanti tal-proġett imsemmi hawn fuq u miegħu Gantt charts tal-proġett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – spiża ta’ ikla

Question

Jista’ l-Onor. Ministru jgħidilna kemm kienet tiġi tiswa ikla ras għal ras fir-Residenza San Vinċenz de Paul qabel ma daħal il-kuntrattur u issa wara li daħal il-kuntrattur?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Abbuż fuq anzjani investigati mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ abbuż fuq anzjani ġie investigat mill-pulizja tul is-snin, 2009, 2010, 2011, 2012, 2013 u sal-aħħar ta’ Ġunju 2014? Kemm minnhom tressqu l-Qorti? Jista’ jagħti d-dettalji sena b’sena?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #11754 Sitting 194 2014-11-03 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Latrini Pubbliċi — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jgħaddi t-tindif u l-kura tal-latrini pubbliċi lil kuntrattur privat? Jekk iva, ħarġet tender jew għadha se toħroġ tender?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkoncernat.

Servizz ta’ Meals on Wheels

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jieħdu s-servizz ta’ meals on wheels f’din l-aħħar sena? Jista’ jgħid jekk hemmx waiting list?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' benefiċċjarji li qed jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels fil-preżent huwa 355 . In-numru ta’ nies li qed jistennew li jingħataw is-servizz hu ta’ 371.

Pensjonanti li baqgħu jaħdmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti li għadhom jaħdmu wara l-età tal-irtirar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandu f’idejh id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jirriżulta li hemm 9,935 persuna li qegħdin jirċievu l-pensjoni tal-irtirar, u li għandhom impjieg miftuħ u irreġistrat mal-Korporazzjoni tal-Impjiegi u Taħriġ (ETC).

Pensjonanti – impjieg fil-Qasam tal-Kura tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pensjonanti li għadhom jaħdmu fil-qasam tal-kura tal-anzjani? Jekk iva, x’inhu l-impjieg tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ hawn tlett (3) impjegati li huma pensjonanti li għadhom f’dan il-qasam tax-xogħol. Wieħed (1) minn dawn l-impjegati huwa Enrolled Nurse u t-tnejn (2) l-oħra huma Staff Nurse.

Day Centres – pjan tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tal-Gvern fuq day centres? Hemm xi pjanijiet li jinfetħu oħrajn ġodda? Jekk iva, fejn?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Sodod tal-Anzjani mixtrija mill-Privat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm sodod tal-anzjani mixtrijin fil-privat? Liema huma dawn id-djar u x’inhi l-ispiża?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li hemm 553 sodda mixtrija mil-privat u l-ispiża minn Jannar sa Awwissu 2014 kienet ta’ €4,997,606.55. Dawn is-sodod huma mixtrijin minn dawn id-djar: § Casa Arkati § Central Home § Roseville § Villa Messina § Dar Saura § Casa Serena § Holy Family Home § Casa Leone § Residenza Sant’Anna (ISLA)

Residenza San Vinċenz de Paul – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul din l-aħħar sena? Jista’ jagħti lista ta’ f’liema gradi ġew ingaġġati u x’inhi l-paga tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħol ta’ manutenzjoni jew xogħlijiet oħra saru fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn Marzu 2013 s’issa? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u jekk dawn ingħatawx ix-xogħol permezz ta’ direct order jew ta’ tender?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Marzu 2013 s’issa saru madwar 28 biċċa xogħol ta’ manutenzjoni, fejn ħafna mix-xogħol sar mill-ħaddiema tar-Residenza San Vinċenz de Paul. Il-materjal inxtara permezz ta’ talba għall-kwotazzjoni, kif stipulat fir-regolamenti finanzjarji. Meta tali xogħol ma setax isir mill-ħaddiema ta’ San Vinċenz, saret talba għal kwotazzjoni sabiex isir ix-xogħol, dejjem skont ir-regolamenti finanzjarji. L-ispiża u l-metodu kif sar dan huma ndikati fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Sadanittant qed ikun evalwat il-mod kif ikomplu jsiru proġetti simili u li l-proċess tagħhom jinbidel fl-istess linja ta’ rakkomandazzjonijiet li kellna.

Servizz ta’ Homehelp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ngħataw servizz ta’ homehelp tul is-sena 2013 u l-2014? Jista’ jgħid jekk hemmx waiting list għal dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 3742-il persuna li ħadu dan is-servizz fis-sena 2013 u 3576 li ħadu s-servizz fis-sena 2014 (sal-aħħar ta’ Settembru). Bħalissa hemm 107 djar jistennew għall-homehelp. Dawn diġa ġew referuti lill-kuntratturi u se jingħataw is-servizz fi żmien qasir.