Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #14528 Sitting 241 2015-02-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Dipartiment tad-Dwana – Director Compliance & Systems

Question

Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni kif sar il-proċess biex tiġi appuntata Director Compliance & Systems fid-Dipartiment tad-Dwana, meta jidher li din il-persuna lanqas biss applikat u lanqas ġiet intervistata?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #14529 Sitting 241 2015-02-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Diretturi tad-Dwana – vetturi fil-bonded stores

Question

Jista’ l-Ministru jagħti raġuni valida għaliex iż-żewġ vetturi li kienu tad-Diretturi tad-Dwana u li l-kuntratt tagħhom ma ġiex imġedded, ma ngħatawx lid-Diretturi l-ġodda li laħqu (bħalma normalment isir fis-Servizz Pubbliku) iżda ntefgħu f’bonded store tad-Dwana u mhux qed jiġu utilizzati?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ċ-ċirkolari MF 5/98 tistipula li l-karozzi uffiċjali jinżammu għal perjodu ta’ bejn ħamsa u seba’ snin fejn imbagħad jistgħu jinbiegħu. Għalhekk minhħabba li dawn iż-żewġ vetturi għandhom iktar minn sitt snin, id-dipartiment iddeċieda li dawn iż-żewġ vetturi jintużaw ghħall-eżiġenzi tad-dipartiment flok oħrajn li huma iżjed qodma minnhom. Nixtiequ nikkonfermaw ukoll li dawn iż-żewġ vetturi issa qegħdin jintużaw u għalhekk m’humiex fil-bonded stores u waħda mill-karozzi antiki se tiġi wżata minn dipartiment ieħor. Id Diretturi l-ġodda ingħatawlhom karozzi ġodda.
Leg 12 PQ #14530 Sitting 241 2015-02-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Diretturi l-ġodda — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk intant ġewx approvati li jinxtraw karozzi ġodda għad-Diretturi l-ġodda?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena preċedenti l-Ministeru tal-Finanzi approva li jinxtraw karozzi għal xi diretturi ġodda fl-istess Ministeru u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tieghu. Dan dejjem skont il-providimenti tal-policies eżistenti fis-settur pubbliku.

Importazzjoni ta’ naħal

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14032 fejn il-Ministru qal li n-naħal li ġew importati dan l-aħħar f’Għawdex kienu minn Franza u mhux minn Sqallija u nikkwota mill-istess tweġiba “in-naħal f’dan il-każ, kienu kollha ċertifikati taħt ir-regoli kkonċernati bħala ħielsa minn kull tip ta’ mard mill-awtoritajiet kompetenti fi Franza” u li “dawn ġew ukoll spezzjonati mill-ġdid minn awtoritajiet veterinarji Maltin li kkonfermaw l-istess ħaġa”, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn iċ-ċertifikati “mill-awtoritajiet kompetenti fi Franza” kif ukoll kopja taċ-ċertifikati jew rapporti li saru “mill-awtoritajiet veterinarji Maltin”?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed tingħata kopja taċ-ċertifikazzjoni mis-sistema TRACES b’mod kunfidenzjali.

Importazzjoni ta’ naħal

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14032, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-importatur hux minn Sqallija? Jaf fiċ-ċert jekk dawn il-kaxex tan-naħal importati lejn Għawdex waqfux Sqallija fi triqthom lejn Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-importatur inkwistjoni huwa minn Sqallija. Kif diġa kelli l-okkażjoni nsemmi f’ Mistoqsijiet Parlamentari oħra l-importazzjoni tan-naħal minn membru stat tal-UE hija libera u ħielsa. Intenni li kif ninsab infurmat ma jirriżultax li fil-proċess ta’ importazzjoni tan-naħal inkwestjoni kien hemm xi ħaġa ħażina. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi provi konkreti li kien hemm xi forma ta’ abbuż allura dan għandu immedjatament jgħaddihom lill-Awtoritajiet Kompetenti. Nerġa’ ntenni bil-qawwa li kull attentat li jsir fejn tinżera l-inċertezza bla ebda bażi ta’ xejn, ma jkun xejn ħlief att ta’ irresponsabbilta`. Naħseb li l-Onor. Interpellant jaqbel miegħi li għandna naħdmu flimkien għall-ġid tal-industrija u għalhekk nitolbu jgħaddili kwalunkwe suġġeriment li jista’ jkollu u nwegħdu li nagħtuh kunsiderazzjoni xierqa.
Leg 12 PQ #14104 Sitting 239 2015-02-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Antivenoms

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-Isptar Mater Dei jew f’xi klinika jew spiżerija tal-Gvern jeżistix antivenom minħabba li hawn min għandu annimali valenużi, inkluż sriep?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-Ministeru tas-sahha flimkien ma’ dak tal-ambjent qieghed jistudja is-sitwazzjoni u jahdem fuqha.

Zoos illegali/mhux liċenzjati – Annimali Eżotiċi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 13872 fejn il-Ministru poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista twila ta’ annimali li hemm fiż-zoo illegali, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux l-investigazzjonijiet neċessarji? Kif iddaħħal f’Malta kull annimal li hemm f’dan iż-zoo?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-annimali in kwistjoni ġew introdotti ġewwa Malta skond ir-regolamenti applikabbli. Dan iżda minbarra fil-każ tal-babwini li meta ġew importati setgħu biss imorru fi stabbiliment reġistrat u mhux f’kollezzjoni privata. Meta l-Awtoritajiet Veterinarji indunaw b’dawn il-babwini sar attentat biex jintbgħatu lura minn fejn ġew iżda ma rnexxiex. Minħabba f’hekk l-Awtoritajiet kienu ddecidew li jitħallew Malta minnflok jinqatlu. Dwar l-annimali l-oħra ta’ min ifakkar illi l-illegalita` fil-post privat in kwistjoni seħħet mhux meta nġabu l-annimali per se u nżammu ġo stabbiliment privat, iżda meta l-istess stabbiliment infetaħ għall-pubbliku għal aktar minn sebgħat ijiem f’sena u b’saħħa t’hekk sar zoo illegali u mhux iktar kollezzjoni privata.

Zoos illegali/mhux liċenzjati — spezzjonijiet

Question

Billi l-Ministru fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 13869 infurmani li f’Malta hawn zoo wieħed illegali, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti wara spezzjonijiet li saru f’dan iż-zoo illegali? Jekk iva, jista’ l-Ministru jqiegħed tali rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma diġa ntqal fi twegibiet oħra, hemm diversi rapporti fuq dan iz-zoo partikolari. Mhux għaqli li npoġġu dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra, kemm għaliex fihom informazzjoni kummerċjalment sensittiva kif ukoll għaliex dawn jista’ jkun hemm bżonnhom biex jintużaw fl-azzjoni legali li qed tittieħed.

Zoos illegali/mhux liċenzjati – Annimali Eżotiċi – Dħul f’Malta

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 13871, jista’ l-Ministru jwieġeb il-msitoqsija tiegħi u jgħid jekk sarux l-investigazzjonijiet neċessarji mill-awtoritajiet kompetenti? Kif iddaħħlu f’Malta l-annimali kollha esebiti f’zoos jew f’postijiet mhux liċenzjati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13870.

Zoos illegali/mhux liċenzjati – dokumentazzjoni dwar Annimali Eżotiċi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 13870 fejn il-Ministru infurmani li “l-awtoritajiet veterinarji jafu bl-eżistenza ta’ annimali eżotiċi li hawn f’pajjiżna” dan ifisser li dawn l-awtoritajiet għandhom dokumentazzjoni dwar l-annimali kollha eżotiċi li hawn f’pajjiżna? Jiċċekkjaw l-awtoritajiet jekk dawn l-annimali eżotiċi ddaħħlux f’Malta legalment?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13870 kienet diġa ċara f’dan ir-rigward.

Zoos illegali/mhux liċenzjati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 13869 fejn il-Ministru qal li jeżisti zoo wieħed illegali, dan ifisser li postijiet pubbliċi oħra li għandhom annimali eżotiċi huma kollha liċenzjati, anki jekk ma jissejħux zoos?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-kelma zoo hija definita fl-Avviż Legali 265/2003. Dan l-Avviż jgħid li zoo huwa stabbiliment permanenti fejn jinżammu għal wiri pubbliku l-annimali ta’ speċi selvaġġa għal sebgħat ijiem jew aktar fis-sena. Skond il-ħtiġijiet ta’ dawn ir-regolamenti, id-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji jista’ jeżenta lill-dawk l-istabblimenti li ma jkollhomx għall-wiri pubbliku numru sinifikanti ta’ annimali eżotiċi jew ta’ speċi selvaġġa.

Animal Welfare

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Animal Welfare, li qabel kienet taqa’ taħt Veterinary and Animal Welfare, issa qed taqa’ taħt l-agrikoltura meta jidher li jagħmel aktar sens li tkun taħt is-Servizzi Veterinarji?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari jikkonferma li fil-fatt id-Direttorat inkwistjoni jaqa’ taħt il-Veterinary and Phytosanitary Regulation Department.

Importazzjoni ta’ naħal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li Tajlan qed jitħalla jġib mijiet ta’ kaxex ta’ naħal f’Malta b’detriment għall-industrija tan-naħal f’Malta? Veru li dan it-Taljan ġie pprojbit milli jbigħ naħal f’pajjiżi oħra minħabba riskju ta’ mard li jista’ jeżisti fl-Italja? Jekk hu hekk, għaliex qed jitħalla jdaħħal in-naħal tiegħu f’Malta? Kemm ġab kaxex tan-naħal s’issa u jista’ jikkonferma li dawn ġew kollha ċċekkjati waħda waħda biex jiġi eskluż mard? Huwa minnu li dan it-Taljan qed jieħu dawn il-kaxex tan-naħal f’Għawdex? Sar xi studju dwar x’effett jista’ jkun hemm fuq in-naħla Maltija jekk titgħammar ma’ dan in-naħal meta hu meqjus li n-naħla Maltija hija fost l-aqwa naħal li jeżistu? Sar xi studju dwar ir-riskju li l-importazzjoni ta’ dan in-naħal idaħħal f’Malta l-ismall bee hive li tidħol fil-kaxxa tan-naħal u teqred il-bajd tan-naħal? Jista’ jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li b’żieda mal-informazzjoni li diġa tajt fit-tweġibiet għall-diversi mistoqsijiet parlamentari m’hemm l-ebda bażi xjentifika għall-allarmiżmu li donnu qiegħed jinżera' meta l-importazzjoni ta’ naħal barranin ila sejra snin twal. Huwa dan l-allarmiżmu nfundat li qed jagħmel ħsara kbira lill-industrija tan-naħal f’Malta. F’dan il-kuntest nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għab-bażi ta' x’hiex fil-Mistoqsija tiegħu qed jagħmel referenzi li l-importazzjoni tan-naħal li saret riċentament qed tagħmel ħsara lill-industrija meta kif diġa għidt in-naħal ilu snin twal ikun impurtat. Nerġa ntenni li l-importazzjoni tan-naħal minn Membru Stat tal-UE hija libera u ħielsa u li l-ebda Gvern ta’ Membru Stat m’għandu dritt jipprojbixxiha. Inżid ngħid li mgħarraf ukoll li m'hu minnu xejn li l-persuna li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ġie pprojbit milli jbiegħ naħal f’pajjiżi oħra. Il-projbizzjoni li teżisti u li tapplika għall-kulħadd hija li ma jinbiegħx naħal li ġej minn Sqallija minħabba riskju ta’ mard li ġie identifikat hemmhekk, mentri dan in-naħal ġej minn Franza, fejn m’hemmx ir-riskju bħal fil-każ ta’ Sqallija. In-naħal f’dal każ, kienu kollha ċċertifikati taħt ir-regoli kkonċernati bħala ħielsa minn kull tip ta' mard mill-awtoritajiet kompetenti fi Franza. Dawn ġew ukoll spezzjonati mill-ġdid mill-Awtoritajiet Veterinarji Maltin li kkonfermaw l-istess ħaġa. Ninsab infurmat ukoll li hu minnu li dawn il-kaxxex ittieħdu ġewwa Għawdex. Sadanittant id-Direttorat tal-Agrikoltura huwa konoxxenti li fl-Universita` ta’ Malta, hemm teżi li saret minn studenta li għamlet riċerka fuq l-istatus ġenetiku tan-naħla Maltija, iżda li dan għadu mhux ippublikat, u li għaliħ d-Direttorat għadu ma ngħatax aċċess, minkejja talba f’dan ir-rigward. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija l-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari jtenni li m’hemm l-ebda studju xjentifiku li nafu biħ li jikkonferma dak li qed jalludi għaliħ l-Onor. Interpellant, iżda nenfasizza li n-naħal inġiebu minn Franza, li huwa territorju li mhux meqjus f’riskju tal- ismall hive beetle .

Sriep velenużi – anti venom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min għandu sriep velenużi bħala pets f’Malta u Għawdex hux obbligat bil-liġi li jkollu l-anti venom tagħhom għandu d-dar jew l-isptar jew f’xi ċentru tas-saħħa kif isir f’pajjiżi oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li sal-lum m’hemmx l-obbligu li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.

Annimali eżotiċi — reġistrazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li min għandu annimali eżotiċi d-dar jew fil-pussess tiegħu jkun obbligat li jirreġistrahom biex il-Gvern ikun jaf x’annimali jinsabu f’pajjiżna?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li bħalissa l-Gvern qed jevalwa l-materja in kwistjoni.

Zoos illegali/mhux liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn zoos illegali (jew mhux liċenzjati) f’pajjiżna fejn hemm annimali eżotiċi li mhumiex liċenzjati? Liema huma dawn, inkluż ristoranti jew swali tat-tiġijiet fejn ikun hemm annimali eżotiċi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari illi F'Malta hawn zoowieħed li huwa meqjus illegali skont il-parametri tal-Avviż Legali Nru. 265/2003. Dan iż-zoo diġa ssemma fil-midja lokali għaliex il-pulizija flimkien mad-Direttorat tar-Regolamentazzjoni Veterinarja qegħdin jieħdu azzjoni legali kontra tiegħu.

Zoos illegali/mhux liċenzjati – Annimali Eżotiċi – Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-annimali eżotiċi li hawn f’pajjiżna, u li ħafna minnhom huma f’zoos mhux liċenzjati, u li d-dipartiment tal-Animal Welfare jaf bihom, ġiex iċċekjat jekk hux kollha għandhomx iċ-ċertifikati neċessarji, fosthom dak li juri li twieldu in captivity?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari illi fejn l-awtoritajiet veterinarji jafu bl-eżistenza ta' annimali eżotiċi li hawn f'pajjiżna, dawn l-annimali huma kollha verifikati għaċ-ċertifikati neċessarji, anki jekk ikunu twieldu in captivity.

Zoos illegali/mhux liċenzjati – Annimali Eżotiċi – Dħul f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux l-investigazzjonijiet neċessarji dwar kif l-annimali eżotiċi kollha esebiti f’zoos jew f’postijiet mhux liċenzjati ddaħħlu f’Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-Tweġibiet li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13869 u għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13870.

Zoos illegali/mhux liċenzjati – Annimali Eżotiċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ annimali li hemm fiż-zoo illegali jew mhux liċenzjat li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Zoos illegali – rapporti tad-Dipartiment tal-Veterinarji

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li għandhom id-Dipartimenti tal-Veterinarji fuq iż-zoo illegali jew mhux liċenzjat li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika għal-liema tip ta' rapporti qed jirreferi.