Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #15377 Sitting 253 2015-03-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rettili – importazzjoni u moviment bejn il-pajjiżi tal-Unojin Ewropea

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat tan-numru ta’ kull speċi ta’ rettili kif ukoll ta’ bajd ta l-ispeċi li jidhru fil-lista li qed tingħata separatament, li ddaħħlu Malta permezz ta’ movimenti kummerċjali u movimenti mhux kummerċjali minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (movimenti intrakomunitarji), kif ukoll minn terzi pajjiżi (importazzjoni), sena b’sena, matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Biċċerija tal-Gvern – metodi ta’ stordiment użat fil-qatla

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’metodi ta’ stordiment qed jintużaw fil-Biċċerija tal-Gvern biex jinqatlu l-majjal, il-bovini, in-nagħaġ u l-mogħoż għal kull speci separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-metodi ta’ stordiment li qed jintużaw għall-annimali fil-biċċerija tal-Gvern qabel il-qatla huma bil-gas Carbon Dioxide fuq il-majjala u permezz ta’ Captive bolt gun fuq il-Bovini, nagħaġ u mogħoż. Dawn il-metodi ta’ stordiment huma kollha approvati mill-UE u jintużaw biex inaqqsu kemm jista’ jkun it-tbatija ta’ dawn l-annimali.

Biċċerija tal-Gvern — Trattament xieraq tal-annimali waqt il-qatla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx uffiċjal għat-trattament xieraq responsabbli mill-proċeduri għall-ħarsien tal-annimali waqt il-qatla fi ħdan il-biċċerija tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, kemm ilu jokkupa dan ir-rwol? X’livell ta’ kwalifiki għandu f’qafas tal-Malta Qualifications Framework?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li r-risposta għall-ewwel parti tal-mistoqsija hija fl-affermattiv. L-uffiċjal preżentement responsabbli ġie maħtur fid-9 ta’ Marzu 2015 u fil-qafas tal-Malta Qualifications Framework għandu MQF7.

Nissiela ta’ Klieb — Liċenzja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nissiela tal-klieb li nħarġitilhom liċenzja għal dan il-għan? Kemm intefgħu applikazzjonijiet u kemm hemm minnhom li għadhom pendenti? Jekk baqa’ applikazzjonijiet li għadhom ma nħarġitlhomx liċenzja, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-data ta’ meta ġew sottomessi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-preżent m’hemm l-ebda nissiela uffiċjali tal-klieb fis-seħħ u għaldaqstant m’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti mal-Ministeru tiegħi.

Boarding Kennels – applikazzjoni għal liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm operaturi li nħargitilhom liċenzja biex joperaw boarding kennels? Kemm intefgħu applikazzjonijiet għal-liċenzja ta’ boarding kennel u kemm hemm minnhom li għadhom pendenti? Jekk baqa’ applikazzjonijiet li għadhom ma nħarġitlhomx liċenzja, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-data ta’ meta ġew sottomessi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li r-regolamenti dwar il-boarding kennels ġew fis-seħħ f’April tas-sena l-oħra, taħt l-Avviż Legali nru. 243 tal-2013. Sa issa għad m’hemm l-ebda boarding kennel liċenzjata u hemm pendenti applikazzjoni waħda li kienet sottomessa fil-21 ta’ Settembru 2014. Din għall-unika boarding kennel li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jaf biha.
Leg 12 PQ #15064 Sitting 249 2015-03-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Gabbani tal-festi –arloġġi temporanji tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14856 u jgħid kif inhi s-sistema jew prassi ta’ ġbir tal-arloġġi temporanji tad-dawl li jintużaw mill-gabbani/stands fil-festi wara li tintemm il-festa kkonċernata? Liema huma l-proċeduri li l-Enemalta qed tu¿a meta taqla’ dawn l-arloġġi temporanji tad-dawl minn fuq il-high tension wires li jkunu mqabbdin magħhom għall-użu tal-istess sidien tal-gabbani? Jekk dawn l-arloġġi jinġabru mill-istess ħaddiema tal-Enemalta, dawn fejn qed jittieħdu/jinżammu sakemm jiġu rtirati mill-istess sidien? Jista’ jgħid jekk je¿istix xi tip ta’ reġistru fejn l-individwu jiffirma li jkun ġabar dan l-arloġġ mill-uffiċċju/distrett u jekk tiġix irreġistrata l-karta tal-identità tal-istess individwu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċedura hija li jingħata appuntament biex il-konsumatur/rappreżentant jiġbru l-kaxxa minn fuq il-post malli din tiġi diskonnettjata minn mal-linja. Dawn il-kaxxi huma propjeta’ tal-applikant u jinġabru minn fuq il-post. Dawn il-kaxxi huma mqabbdin mal-low tension wires u mhux mal-high tension wires kif indikat fil-mistoqsija.

Kampanja ta’ tiswija tal-klieb

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex mhux qed isiru kampanji ta’ tiswija tal-klieb mill-Gvern? X’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern dwar il-kampanji ta’ tiswija tal-klieb ladarba l-kampanja ta’ tal-NGO Dogs Trust se tispiċċa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-kampanji li jniedi l-Gvern minn żmien għal żmien b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi tinkorpora ukoll it-tiswija tal-klieb. Ma huwiex previst li jinbidel xi ħaġa mill-pjanijiet odjerni peress li dan it-tip ta’ servizz xorta qiegħed u se jibqa’ jiġi offrut permezz ta’ dawn il-kampanji msemmija.

Ċimiterju tal-Annimali – site plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar dwar iċ-Ċimiterju tal-Annimali? Ġiet identifikata l-art fejn se jsir dan iċ-ċimiterju? Jista’ jipprovdi site plan tal-art magħżula?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li bħalissa qed tkun ipproċessata applikazzjoni għall-permess ta’ żvilupp fuq art li ġiet identifikata għall-għan imsemmi f’Ta’ Qali u li tagħha qed inpoġġi site plan fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċimiterju tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-Ċimiterju tal-Annimali hux se jippermetti difna ta’ karkassi ta’ annimali jew se jkun ibbażat fuq proċess ta’ inċinerazzjoni? Kemm hi l-kapaċità ta’ dan iċ-ċimiterju? Kemm hu stmat li jiġi jiswa l-iżvilupp ta’ dan iċ-ċimiterju? Dan iċ-ċimiterju se jitmexxa mill-Gvern jew mill-privat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, iċ-Ċimiterju tal-Annimali ġewwa Ta’ Qali ser ikun ibbażat fuq sistema ta’ inċinerazzjoni peress li skond regoli tal-Unjoni Ewropea, annimali ma jistgħux jiġu midfuna. L-inċineratur propost mistenni jaħraq karkassi sa massimu ta’ 50kilo fis-siegħa. Dan il-proġett għandu jkun wieħed purament privat fuq art tal-Gvern li mistennija tingħata b’emfitewsi temporanja wara sejħa għall-offerti.

Kunsill għat-Trattament Xieraq tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ġiex appuntat jew jekk huwiex xolt fil-preżent?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, permezz tal-emendi tal-liġi msemmija li ġew fis-seħħ fl-aħħar tas-sena l-oħra, bħal issa il-Kunsill huwa xolt u għadu mhux appuntat. Ir-raġuni għala għadu f’dan l-istat, hija għaliex tħejja mekkanizmu trasparenti amministrattiv ta’ kif għandhom jiġu appuntati ċerta membri li jirraprezentaw l-NGOs fuq dan il-Bord. Għaldaqstant, intalbet l-informazzjoni tal-NGOs legalment reġistrati mal-Kummissarju risponsabbli mill-Għaqdiet Volontarji biex issir elezzjoni sigrieta taħt l-awspiċju tal-Kummissarju għat-Trattament xieraq tal-Annimali għall-ħatra ta’ żewġ membri biex jirrapreżentawhom fuq dan il-Kunsill. Din l-elezzjoni għandha ssir fil-futur qrib.

Xelter għaż-żwiemel tal-karozzini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn twaħħlu xelters għaż-żwiemel tal-karozzini mis-sena 2013 s’issa? Kemm kienu l-ispejjeż relatati mal-kostruzzjoni ta’ dawn ix-xelters? Jista’ jgħid x’inhu l-pjan? Kemm u fejn se jiġu stallati xelters ġodda kif imsemmi fid-diskors tal-Baġit 2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba dwar ix-xelters imwaħħla mis-sena 2013 s’issa. L-ispiża totali ta’ dawn ix-xelters s’issa ammontat għal €52,972. Għaddejjin diskussjonijiet ma’ Transport Malta sabiex ikunu identifikati l-urġenzi u l-prijoritajiet fil-konfront ta’ dawn ix-xelters, inkluż ta’ oħrajn ġodda.

Importazzjoni ta’ naħal

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikati ta’ saħħa veterinarja maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti Franċiżi skont kif ġie ddikjarat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14032? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikazzjoni li turi li n-naħal miġjuba minn Franza ġew spezzjonati mill-Uffiċjali tal-Kontroll tas-Servizzi Veterinarji speċifikament biex jeskludu l-preżenza tal-parassita magħrufa bħala small beehive beetle qabel ma ġew rilaxxati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, iċ-ċertifikat ta’ saħħa veterinarja maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti Franċiżi huwa d-dokument tat-TRACES nru. INTRA.FR.2015.0000730, li kopja tiegħu ngħatgħat lill-Onor. Interpellant taħt forma kunfidenzjali fis-Seduta Parlamentari nru. 240. L-awtoritajiet kompetenti Franċiżi huma obbligati li jagħmlu spezzjoni ta’ saħħa qabel ma jirrilaxxaw in-naħal. Mill-banda l-oħra, fil-post tad-destinazzjoni (il-port ta’ Malta), ġew iċċekjati d-dokumenti mill-ġdid u l-kundizzjonijiet tat-trasport ġew evalwati. L-ispezzjoni ta’ saħħa saret fuq il-post fl-14 ta’ Jannar 2015 u qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-formola tal-ispezzjoni - inspection checklist mimlija kif sippost mid-Dipartiment u ffirmata minn żewġ veterinarji. Dan kollu sar skond kif jitolbu n-normi u r-regoli tal-UE.

Dħul ta’ annimali – kontrolli ta’ dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’kontrolli ta’ dokumenti, fiżiċi u ta’ identità hemm fuq id-dħul ta’ annimali f’Malta? Jeżistu sistemi ta’ prenotifika fuq id-dħul ta’ dawn l-ispeċi? Jekk fl-affermattiv, x’inhu l-perjodu ta’ din il-prenotifika?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-dħul kollu tal-annimali ħajjin u li iżda ma jaqawx taħt il-Pet Travel Scheme, huma soġġetti għal tliet tipi ta’ kontrolli kemm jekk dawn ikunu ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jew minn pajjiżi terzi. Dawn jinkludu kontroll tad-dokumentazzjoni fejn id-dokumenti relattivi kollha li jakkumpanjaw il-konsenji jkunu spezzjonati sabiex ikun ivverifikat li ntużaw id-dokumentazzjoni u l-format it-tajjeb; kontroll ta’ identita` fejn il-konsenja tiġi ċċekjata mal-informazzjoni iddikjarata fid-dokumenti u kontroll fiżiku fejn l-annimal/i ikun/jkunu soġġett/i għal kontroll veterinarju sabiex ikun ivverifikat l-istatus tas-saħħa. Annimali li jaqgħu taħt il-Pet Travel Scheme (klieb, qtates u inmsa) huma soġġetti għall-kontrolli tad-dokumentazzjoni u ta’ identita` biss kif provdut fil-liġi rispettiva. Il-prenotifika ta’ annimali ħajjin għal skopijiet kummerċjali hija obbligatorja u konessa mas-sistema TRACES. In-Notifikazzjoni għandha tintbagħat 48 siegħa qabel ma tiġi sottomessa d-dikjarazzjoni tal-importazzjoni f’każ ta’ annimali ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea u 48 siegħa qabel mid-dħul tal-annimal f’Malta fejn dan ikun ġej minn xi pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Dħul ta’ annimali – kontrolli – awtoritajiet kompetenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-awtoritajiet kompetenti involuti fuq il-kontrolli fuq id-dħul ta’ annimali f’Malta? X’dokumentazzjoni tintalab u tinżamm mill-awtoritajiet ikkonċernati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-awtoritajiet kompetenti nvoluti fid-dħul f’Malta ta’ annimali ħajjin jinkludu: is-Servizzi Veterinarji, id-Dwana u l-uffiċċju fil-MEPA responsabbli mis-CITES. Fir-rigward tas-Servizzi Veterinarji d-dokumenti li jintalbu u jinzammu huma: · Ċertifikat ta’ Saħħa u/jew ċertifikat tal- Intratra de, jiddependi mill-ispeċi li jkunu ġejjin mill-Unjoni Ewropea u skond kif provdut mil-liġi; · CVED u Ċertifikat Uffiċjali Veterinarju tas-Saħħa għal speċi li ġejjin minn Pajjiżi Terzi; · Passaport tal-annimali domestiċi f’każ ta’ klieb, qtates u inmsa skond ir-Regolament (UE) 576/2013; · Kopja tal-fatturi/ bill of lading f’każ ta’ movimenti kummerċjali. Fir-rigward tad-dokumenti li jistgħu jintalbu mid-Dwana u mill-MEPA skont ir-regolamenti jew proċeduri applikabbli għalihom, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-parti relattiva tal-mistoqsija tiegħu lill-Ministeri kkonċernati.

Annimali – databases

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika jekk jeżistux databases ta’ movimenti tal-ispeċi ta’ annimali ħajjin, inkluż dawk eżotiċi u pets, li jiddaħħlu Malta mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u ta’ dawk li jiġu impurtati minn pajjiżi terzi? Liema huma dawn id-databases u min hu l-leġittimu detentur tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li jeżisitu żewġ databases għall-iskop li qed jirreferi għalih hu. Waħda minnhom hija tal-Kummissjoni Ewropea li tissejjaħ TRACES u li l-membri stati kollha għandhom aċċess għaliha. Permezz tagħha kull annimal li jkun dieħel fi kwalunkwe membru stat, ġej minn fejn ġej, ikun irid jiġi notifikat, apparti klieb u qtates li jkunu jridu jiġu nnotifikati biss jekk ser ikunu għal skop kummerċjali. Hemm ukoll id-database tad-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji imsejħa n-National Livestock Database li tintuża biex ikunu notifikati movimenti ta’ tiġieġ, bovini, ovini, kaprini u ekwini. Il-Klieb u l-qtates iridu jiddaħħlu f’din id-database sa disgħin (90) ġurnata wara li jidħlu fil-pajjiż.
Leg 12 PQ #15036 Sitting 247 2015-03-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dħul ta’ annimali – Databases

Question

Jista’ l-Prim Ministru jispeċifika jekk jeżistux databases ta’ movimenti tal-ispeċi ta’ annimali ħajjin, inkluż dawk eżotiċi u pets, li jiddaħħlu Malta mill-Istati Membri u ta’ dawk li jiġu impurtati minn pajjiżi terzi? Liema huma dawn id-databases u min hu l-leġittimu detentur tagħhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Dħul ta’ annimali – Kontrolli

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-postijiet fejn qed isiru l-kontrolli fuq id-dħul ta’ annimali ħajjin f’Malta li jkunu ġejjin mill-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi terzi? X’inhi l-frekwenza ta’ dawn il-kontrolli? Jista’ jagħti garanzija li kull kunsinna u kull moviment tal-annimali qed tiġi spezzjonata?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li annimali ħajjin u li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea għal skop ta’ kummerċ, jistgħu jidħlu minn żewġ Postijiet ta' Spezzjoni fuq il-Fruntiera (Border Inspection Posts), wieħed fil-Port tal-Belt Valletta u l-ieħor fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta . Fil-każ ta’ annimali ħajjin u li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għal skop ta’ kummerċ, jistgħu jidħlu mill-Port tal-Belt Valletta u mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u peress li jkunu ġejjin mill-Unjoni Ewropea ma jintużawx proċeduri/strutturi tal-Post ta' Spezzjoni fuq il-Fruntiera. Dawn huma soġġetti għall-kontrolli ta’ dokumentazzjoni, kontrolli ta’ identita` u kontrolli fiżiċi. Fil-każ ta’ annimali domestiċi (pets), ġejjin minn fejn ġejjin, dawn jistgħu jidħlu minn 7 postijiet ta’ dħul għall-ivjaġġaturi u huma soġġetti biss għall-kontrolli ta’ dokumentazzjoni u kontrolli ta’ identita`. Dawn il-postijiet huma kif ġejjin: · L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Ħal Luqa · Il-Port il-Kbir, Belt Valletta · Il- Yacht Marina tal-Birgu, l-Birgu · Il-Port Ħieles ta’ Malta, Ħal Far · Il-Port ta’ Marsamxett – Dan jinkludi l- Yacht Marina tal-Imsida, il- Yacht Marina tal-Excelsior, il- Yacht Marina tal-Midi u l-Marina ta’ Manoel Island · Il-Marina ta’ Portomaso, San Ġiljan · Il-Marina tal-Imġarr, Għawdex Il-frekwenza tal-ispezzjoni hija waħda li tkun deċiża mir-regolatur veterinarju għab-bażi tar-riskju li jista’ jkun hemm u għalhekk ma ssirx spezzjoni kull darba. Din hija prattika normali f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

Fond għall-Ħarsien tal-Annimali – tnedija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitnieda l-Fond għall-Ħarsien tal-Annimali hekk kif imħabbar fid-diskors tal-Baġit 2015? Kemm huma l-flus allokati għal dan il-fond?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-fond ser jitwaqqaf fil-ġimgħat li ġejjin b’somma ta’ €40,000. Il-metodoloġija ta’ kif ser jitħaddem dan il-fond għadha qed tkun imfassla.
Leg 12 PQ #14856 Sitting 244 2015-03-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Gabbani/stands tal-festi – ġbir ta’ arloġġi temporanji tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhi s-sistema jew prassi ta’ ġbir tal-arloġġi temporanji tad-dawl li jintużaw mill-gabbani/stands fil-festi wara li tintemm il-festa kkonċernata? Liema huma l-proċeduri li l-Enemalta qed tuża meta taqla’ dawn l-arloġġi temporanji tad-dawl minn fuq il-high tension wires li jkunu mqabbdin magħhom għall-użu tal-istess sidien tal-gabbani? Jekk dawn l-arloġġi jinġabru mill-istess ħaddiema tal-Enemalta, dawn fejn qed jittieħdu/jinżammu sakemm jiġu rtirati mill-istess sidien? Jista’ jgħid jekk jeżistix xi tip ta’ reġistru fejn jiġi l-individwu jiffirma li jkun ġabar dan l-arloġġ mill-uffiċċju/distrett u jekk tiġix irreġistrata l-karta tal-identità tal-istess individwu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Animal Welfare – każ ta’ klieb

Question

Jista’ d-dipartiment responsabbli mill- animal welfare jieħu bis-serjeta’ każ ta’ tlett iklieb li għall-ħinijiet twal qed ikunu marbuta b’ċinga qasira tant li l-klieb bilkemm jistgħu joqogħdu bilqegħda ħdejn il-maħżen tal-karnival f’Albert Town u li skont informazzjoni li għandi minn xi nies li joqogħdu fil-viċinanzi, ikunu marbuta barra anki meta l-maħżen ikun magħluq? Billi jien infurmat li d-direttur tal-Animal Welfare jaf b’dan il-każ għax ikkumenta dwarhom fuq Facebook, jista’ l-Ministru jara li d-dipartiment tal-animal welfare jinvestiga u jieħu bis-serjeta’ dan il-każ u jagħti kull protezzjoni possibbli lil dawn il-klieb?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat tal-Animal Welfare ħa dan il-każ bis-serjeta`, fejn qabel ma saret din il-Mistoqsija Parlamentari l-każ daħal fih id-direttur stess li mill-ewwel bagħat l-uffiċċjali tiegħu fuq il-post u ma rriżultax li kien hemm xi każ ta’ moħqrija. Madanakollu, is-sid ġie mgħarraf dwar l-importanza li l-klieb jingħataw trattament xieraq u li ma jitħallewx marbutin barra fix-xita jew xemx qalila mingħajr il-fakulta` li jidħlu għall-kenn u li dawn għandhom dejjem ikollhom aċċess għall-ikel u xorb. Is-sid ġie avżat ukoll biex iżomm nadif il-post fejn ikunu l-klieb.