Legislature:
Category:
Reset
Active:

Animal Welfare – każijiet ta’ moħqrija ta’ Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ moħqrija ta’ annimali jew rapporti li annimali mhux qed jinżammu b’mod xieraq lis-sezzjoni tal-Animal Welfare tul din is-sena sal-1 ta’ Ġunju 2015? F’kemm minnhom jirriżulta li fil-fatt kien hemm każ ta’ moħqrija jew trattament mhux xieraq ta’ annimali? X’passi ttieħdu kull każ? Jista’ jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, minn Jannar sa l-1 ta’ Ġunju 2015, in-numru ta’ każijiet ta’ moħqrija tal-annimali rrapurtati kien ta’ 386. Minn dawn ir-rapporti nstab li f’101 każ kien hemm xi forma ta’ moħqrija u / jew negliġenza. Fil-maġġoranza tal-każijiet, il-persuna ntalbet tirranġa s-sitwazzjoni mill-aktar fis possibli stipulat mill-uffiċjali tad-Direttorat. Kien hemm każ wieħed biss fejn bdew proċeduri kriminali fil-konfront ta’ persuna waħda fuq moħqrija tal-annimali, kif ukoll ir-rimi ta’ tali karkass f’post mhux awtorizzat.

Serq ta’ pets

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati serq ta’ pets tul is-snin 2013 u 2014 u sal-1 ta’ Ġunju 2015 separatament? Minn fejn insteraq kull pet u x’kien it-tip ta’ pet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru globali ta’ serq irappurtat lill-Pulizija fir-rigward ta’ pets matul is-snin 2013, 2014 u sal-aħħar ta’ Mejju 2015 huwa skond kif indikat fit-tabella A li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Informazzjoni f’aktar dettal rigward il-lokalita’ min fejn sar is-serq kif ukoll it-tip ta’ animal indikat bhala pet, tinsab ukoll fl-istess dokument fuq il-mejda tal-Kamra, tabella B.

Qorti – Persuni akkużati b’moħqrija jew trattament mhux xieraq ta’ annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-2014 u sal-1 ta’ Ġunju 2015, kemm tressqu nies il-qorti mill-pulizija akkużati b’moħqrija jew trattament mhux xieraq ta annimali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2014 u din is-sena, sal-1 ta’ Gunju 2015, kien hemm tlieta u għoxrin (23) persuna li tressqet il-Qorti in konnessjoni ma moħqrija jew trattament mhux xieraq ta’ annimali, Tlettax (13) il-persuna tressqu il Qorti matul is-sena 2014, filwaqt li għaxra (10) tressqu il Qorti din is-sena. Dettalji dwar dawn il kazi jidhru fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Iż-Żejtun, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Wied il-Għajn, Bormla, l-Isla u il-Kalkara – studenti jattendu l-Università ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti jattendu l-Università ta’ Malta fl-1986 fl-inħawi ta’ iż-Żejtun, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Wied il-Għajn, Bormla, l-Isla u il-Kalkara u jgħid kemm hemm studenti jattendu l-Università ta’ Malta mill-istess inħawi llum? Jista’ jagħti l-informazzjoni separatament għal kull lokalità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti miż-Żejtun, mill-Fgura, minn Ħaż-Żabbar, minn Wied il-Għajn, minn Bormla, mill-Isla u mill-Kalkara li qed jattendu kors fl-Università ta’ Malta, maqsuma skont il-lokalitajiet ta’ residenza tal-istudenti, hu kif jidher fil-lista t’hawn taħt. Infurmat ukoll li peress li l-informazzjoni ta’ studenti li kien hemm jattendu fl-1986 mhix disponibbli skont il-lokalitajiet ta’ residenza tagħhom, qed tingħata l-informazzjoni tas-sena akkademika 1991/92 li hija l-eqdem sena li għaliha l-Università għandha d-data mitluba. Lokalità1991/22014/5 BORMLA4147 IL-FGURA117263 IL-KALKARA1380 WIED IL-GĦAJN28335 L-ISLA1127 ĦAŻ-ŻABBAR105320 IŻ-ŻEJTUN83214 Total3981286
Leg 12 PQ #16359 Sitting 268 2015-05-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Iż-Żejtun – Day Centre għall-Persuni bi problemi ta’ Saħħa Mentali

Question

Jista’ l-Ministru jintervjeni mal-Parroċċa taż-Żejtun jew jara li jinstab post alternattiv għad-Day Centre għall-Persuni bi problemi ta’ Saħħa Mentali li hemm fiż-Żejtun li bħalissa qed jopera minn sit li hu tal-Parroċċa taż-Żejtun wara ftehim li kien sar mal-Arċipriet preċedenti li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minħabba li jien infurmat li dawn ġew infurmati li l-Parroċċa taż-Żejtun trid dan is-sit lura? Billi f’dan is-sit jattendu numru ta’ persuni bi problemi ta’ Saħħa Mentali u liema Day Centre għamel differenza kbira fil-ħajja ta’ dawn il-klijenti, jista’ jara li dan id-Day Centre ma jingħalaqx għax ikun ta’ detriment għall-klijenti li jattendu dan il-post?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadejjin diskussjonijiet mal-awtoritajket ekkleżjastiċi lokali f'dan ir- rigward.

Parkeġġi — tabelli dwar annimali fil-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li f'postijiet riservati għall-parking iwaħħal tabelli biex ifakkar lin-nies biex ma jħallux annimali msakkra fil-karozzi fix-xemx, l-aktar issa li bdiet is-sħana?

Response (BRINCAT, LEO)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-liġi dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali titratta dak kollu li għandu x’jaqsam mal-moħqrija tal-annimali. Skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, persuni li jħallu l-annimali msakkra fil-karozzi fix-xemx iwettqu reat u huma suġġetti għall-passi legali kontrihom. Filwaqt li l-ħsieb tal-Onorevoli Interpellant huwa wieħed li jintlaqa’ pożittivament, ngħarrfu li l-edukazzjoni, speċjalment kif qed issir fl-iskejjel, hija meqjusa l-aktar mod effettiv sabiex jitqajjem għarfien kontra l-moħqrija tal-annimali. Ma naħsibx li hu prattiku li għal kull reat li jikkostitwixxi ksur tal-liġi noqogħdu nwaħħlu tabelli biex infakkru liċ-ċittadini x’inhuma l-obbligi tagħhom.
Leg 12 PQ #15894 Sitting 261 2015-05-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Iż-Żurrieq — bypass - leakage ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li d-dipartiment ikkonċernat isewwi minnufih leakage tad-drenaġġ fil-bypass taż-Żurrieq (quddiem is-substation tal-Enemalta u viċin l-Isqaq l-Imdina) minħabba li kumm meta jkun hemm sadd fid-drenaġġ qed ikun hemm leakge tad-drenaġġ u tinġemma għadira kbira tad-drenaġġ fil-bypass b'riskju għas-saħħa tan-nies anke minħabba l-fatt ta' ammont ta' dubbien u nemus li qed jinġabar fuq din l-għadira? Peress li saru diversi rapporti fuq din il-problema u baqa' ma sar xejn, jista' jara li jsiru tiswijiet neċessarji?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet l-investigazzjonijiet tagħha u nehdiet il-proċess biex finalment tingħadda medda ġdida ħalli l-problema tissolva b’mod definittiv.
Leg 12 PQ #15693 Sitting 259 2015-05-05 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Sptar Montel Carmeli – pazjenti għal kura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm idaħħlu pazjenti għall-kura fl-Isptar Monte Carmeli, sena b’sena mis-sena 2010 sas-sena 2013?

Response (MIZZI, KONRAD)

In-numru ta’ pazjenti li ddaħħlu għall-kura fl-Isptar Monte Karmeli mis-sena 2010 sas-sena 2013 kienu kif jidher hawn taħt: Sena 2010 835 irġiel 300 nisa Sena 2011 884 irġiel 394 nisa Sena 2012 867 irġiel 379 nisa Sena 2013 910 irġiel 394 nisa

Ċimiterju tal-annimali — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li ċ-ċimiterju tal-annimali mwiegħed fil-programm elettorali tal-Partit Laburista se jkun bi ħlas? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, NGOs li jiġbru u jrabbu annimali abbandunati u jkollhom jagħmlu użu minn dan iċ-ċimiterju dawk se jkunu eżnetati mill-ħlas meta wieħed jikkunsidra li dawn l-NGOs jagħmlu sforzi kbar biex ilaħħqu mal-ispejjeż biex jiġbru, jżommu u jrabbu dawn l-annimali abbandunati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, iċ-Ċimiterju tal-Annimali se jkun joffri servizz personalizzat u se jkun żviluppat b’investiment privat. Għalhekk huwa raġonevoli li wieħed jistenna li dan is-servizz ikun bi ħlas. Ta’ min ifakkar li l-WasteServ diġà toffri servizz ta’ inċinerazzjoni ta’ annimali fl-inċineratur tagħha fil-Marsa. Dan is-servizz diġà jintuża mill-NGOs u dawn se jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu dan.

Ritorn għax-xogħol wara sentenza ta’ ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna li mill-Qorti weħlet sentenza ta’ ħabs li hi anqas minn sena, għal reat li kien l-ewwel wieħed tagħha, u din il-persuna kienet impjegata mal-Gvern, mal-AFM, hix intitolata li terġa’ tingħata x-xogħol wara li toħroġ mill-ħabs?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Qabda ta’ għasafar tal-għana

Question

B’referenza għal qabda ta’ għasafar tal-għana li nqabdu dan l-aħħar u li kienu qed jidaħħlu Malta illegalment min Sqallija, billi ġie rrapurtat mill-media lokali li xi wħud mill-għasafar li ma kienux fi stat li jittajru, ‘inżammu f’xi uffiċċju x’imkien’ jista’ l-Ministru jgħid: (a) kemm kien in-numru ta’ għasafar li ma kienux fi stat li jittajjru; (b) liema speċi kienu dawn l-għasafar li ma kienux fi stat li jittajjru; (c) fejn inżammu u min kien responsabbli għalihom; u (d) kemm minnhom għadhom ħajjin u kemm minnhom mietu? Jista’ jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BRINCAT, LEO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari. Ninsab infurmat illi l-għasafar inkwistjoni ġew ikkonfiskati mill-Pulizija li talbet l-għajnuna tal-Wild Bird Regulations Unit fi ħdan il-Ministeru tiegħi u dawn flimkien kienu responsabbli mill-għasafar inkwistjoni wara li ġew ikkonfiskati. Sal-lum baqa’ 10 għasafar li ma jistgħux jittajru minħabba l-ġrieħi li ġarrbu fit-traġitt lejn Malta u qed jinżammu f’post adegwat fl-Għammieri ta’ Għawdex u dan bi ftehim mal-Ministeru t’Għawdex. Dan l-inċident huwa wieħed sfortunat wara aġir irresponsabbli u abbużiv minn persuna barranija li diġà instabet ħatja mill-Qorti Maltija u kienet ikkundannata wara li l-Gvern ħa passi immedjati. Nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jingħaqad miegħi biex nirringrazzja lill-uffiċjali kkonċernati għal ħidma tagħhom li waslet mhux biss biex inqabad dan l-abbuż, imma biex jinħelsu ammont kbir ta’ għasafar anke wara li dawn tawhom l-attenzjoni neċessarja biex jistejqru ħalli jkunu jistgħu jinħelsu.

Sriep velenużi – anti venom

Question

Billi fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14033 ġejt infurmat li min jimporta sriep velenużi f’pajjiżna mhux obbligat li jżomm bil-liġi anti venom f’każ ta’ gidma minn dawn is-srieq kif ukoll jiddepożita doża ta’ anti venom liċ-ċentru tas-saħħa viċin tiegħu jew l-Isptar Mater Dei, jaħsibx il-Ministru li għandna nillleġislaw biex issir mandatorja bil-liġi li min jimporta serp jew srieġ valenużi, jkun obbligat li jżomm tal-anqas doża ta’ anti venom id-dar għal kull serp valenuż li għandu kif ukoll jiddepożita doża jew aktar lill-awtoritajiet tas-saħħa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, r-Regolamenti tal-2015 dwar il-Pussess u ż-Żamma ta’ l-Annimali, skont Artikolu 8(1) tal-Att Dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali (Kap. 439), li ġie ppublikat fil-Gazzetta tal-Gvern tal-14 t’April u li bħalissa għaddej mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, jistabilixxu li persuna li żżomm annimal velenuż għandha tkun meħtieġa li jkollha l-antidotu għall-velenu partikolari prodott mill-annimali, fil-kwantitajiet li jistgħu jkunu neċessarji biex ireġġgħu lura l-effetti tal-velenu.
Leg 12 PQ #15689 Sitting 258 2015-05-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Rapporti ta’ nemusa li xxerred il-marda tal-Malarja

Question

Peress li rapport riċenti fuq SKY News jiżvela li xjenzati fl-Ingilterra huma inkwetati dwar possibilità li tfeġġ il-Malaria li minħabba tibdil fil-klima in-nemusa Plasmodium Anopheles li xxerred din il-marda tista’ ssib ambjent adegwat f’ċerti postijiet tal-Ingilterra u peress li l-istess rapport jgħid kif il-Malarja li kienet eradikata fil-Greċja reġgħet feġġet u kienu rapportati u xi każijiet f’ċertu postijiet rurali fil-Greċja, u fid-dawl ta’ dan ir-rapport (għalkemm wieħed jenfassiza li mhemmx lok ta’ allarm) jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed issir moniteraġġ biex jiġi aċċertat li din in-nemusa li tikkawża l-marda tal-Malarja ma terġax tfeġġ f’Malta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien sar valutazzjoni ta’ riskju, biex jiġi assessjat ir-riskju li jiġi introdott u trasmess mard imxerred minn nemus u insetti oħra, inkluż dik li xxerred il-marda tal-Malarja. Dan kien sar minn esperti mill-ECDC flimkien mal-Infectious Disease and Prevention Unit. In-nemusa li xxerred il-Malarja ma’ kienitx identifikata f’dak iż-żmien u r-riskju ta’ Malarja jibqa riskju għall-persuni li jivvjaġġaw u għall-immigranti li jaslu hawn. Isir moniteraġġ dwar il-każijiet rapurtati ta’ Malarja biex naċċertaw li l-ebda każ ma’ kien infettat f’Malta. Tajjeb ngħidu li sa issa kollha kienu każijiet impurtati.

Rapporti ta’ moħqrija fuq annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn Jannar 2015 sal-lum kemm saru spezzjonijiet minħabba suspett jew rapport ta’ moħqrija fuq annimali? Minn dawn l-ispezzjonijiet, kemm minnhom irriżulta li kien hemm moħqrija tal-annimali u x’passi ttieħdu f’kull każ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, minn Jannar 2015 sa Marzu 2015 id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali rċieva 325 rapport dwar moħqrija jew negliġenza t’annimali. Minn dawn il-każijiet, 280 każ ġew konklużi u 45 qed isiru spezzjonijiet supplimentari biex issir verifika li d-defiċenzi minuri li kienu identifikati jkunu ġew rattifikati fi żmien stipulat mid-Direttorat. Fil-preżent qed jittieħdu proċeduri kriminali bil-Qorti fil-konfront ta’ 9 każijiet.

Klieb — microchipping

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: (a) tul dawn l-aħħar sejnten, kemm inqabdu sidien bi klieb li ma kienux microchipped ; (b) minn fejn kienu dawn is-sidien; u (c) x’passi ttieħdu f’kull każ? Jista’ jwieġeb il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, tul dawn l-aħħar sentejn nqabdu 30 sid/detentur ta’ klieb mingħajr mikroċippa. Dawn is-sidien kienu minn 24 lokalità madwar Malta u Għawdex fosthom Bormla, Birgu, Burmarrad, Dingli, Għarghur, Gudja, Gżira, Ħal Għaxaq, Ħamrun, Kappara, Luqa, Mellieħa, Mosta, Msida, Wied il-Għajn, Ħal-Qormi, Qrendi, Ħal Safi, San Pawl tat-Tarġa, Siġġiewi, Tarxien, Valletta, Ħaż Żabbar u Għawdex. Fil-każijiet meta kelb ġie misjub mingħajr mikroċippa, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali wissa lis-sid/detentur li f’massimu ta’ 3 ijiem dan kellu jirregola ruħu mal-liġi. F’kull każ minbarra f’wieħed li qiegħed quddiem il-Qorti, wara t-twissija mill-Uffiċċjali għall-Ħarsien tal-Annimali, is-sid/detentur tal-kelb irregola ruħu fiż-żmien stipulat.

Azzjonijiet kontra zoo illegali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13611 fejn kien qal li l-pulizija se tieħu passi kontra s-sid ta’ zoo illegali fil-kumpless Montekristo, jista’ l-Ministru jgħid għaliex sal-lum baqgħu ma ttieħdux passi meta hu fatt magħruf li f’dan iż-zoo illegali hemm annimali protetti li qegħdin f’riskju ta’ estinsjoni, li hemm żvilupp illegali u li hemm annimali li mhux qed jinżammu fi spazju adegwat u kif suppost mil-liġi? X’qed tistenna l-pulizija biex tieħu passi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li kif korretament ġie indikat fil-mistoqsija parlamentari 13611, il-Pulizija ser tieħu passi kontra s-sid ta’ zoo llegali fil-kumpless Montekristo. Fil-fatt wara li ġew ikkonfermati l-akkużi anke mas-servizz Veterinarju fil-21 ta’ Jannar 2015, inħarġu l-akkużi. Irid jingħad li l-ewwel smigħ sar nhar l-21 ta’ April, 2015, quddiem il-Magistrat Dr. AM. Trigona, LL.D’. Dan juri biċ-ċar li l-Pulizija mxiet mill-ewwel meta setgħet fuq dan il-każ.

Klieb mikroċippati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm klieb mikroċippati u rreġistrati fid-databażi nazzjonali? Jista’ jgħid kemm ġew mikroċippati klieb fis-snin 2013 u 2014 rispettivament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lil-Onor. Interpellant illi skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, in-numru totali ta’ klieb mikroċippati kif jidher fid-databażi tagħna s’issa hu ta’ 50,114. Fl-2013, kien hemm 7,004 kelb filwaqt li fl-2014 kien hemm 5,226 kelb li ġew mikroċippati u liċenzjati.

Petshops liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn petshops f’Malta li qed joperaw fil-preżent irrispettivament jekk ġewx liċenzjati jew le? Kemm minn dawn il-petshops applikaw għal-liċenzja? Kemm minnhom ġew spezzjonati u kemm inħarġu liċenzji? Jekk baqa’ applikazzjonijiet li għadhom ma nħarġitlhomx liċenzja, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-data ta’ meta ġew sottomessi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jżomm biss informazzjoni dwar dawk il-petshops li huma reġistrati miegħu skond l-Avviż Legali 244 tal-2013 li ġie fis-seħħ fit-2 ta’ April 2014. Fil-fatt minn dakinhar ‘l hawn id-Direttorat rċieva 47 applikazzjoni għal-liċenzja. Minn dawn l-applikazzjonijiet saru 32 spezzjoni fl-2014, u minn dawn inħarġu 10 liċenzji. Hemm 18 minnhom li l-ispezzjoni kienet saret u l-liċenzja ser tinħareġ f’dawn il-ġranet, u hemm 4 liċenzji li ma nħarġux. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bil-lista tal-applikazzjonijiet.

Trattament tal-annimali — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet li jikkonċernaw it-trattament xieraq tal-annimali fuq irziezet li jrabbu t-tiġieġ tas-simna, it-tiġieġ tal-bajd, dawk li jrabbu l-majjal u fuq dawk li jrabbu l-għoġġiela għas-simna matul is-snin 2013 u 2014, separatament? X kienu r-riżultati tal-imsemmija spezzjonijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, meta jagħmel spezzjonijiet li jikkonċernaw it-trattament xieraq tal-annimali, id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jiċċekja ukoll għal-bosta ħtiġijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mal-bijo-sigurta`, maċ-ċensiment, mat-tagging, mal-iġjene tat-tatwaġġi u mar-rekords tal-mediċina tal-annimali. Filwaqt li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba, ninsab mgħarraf li meta jkun hemm xi nuqqas jew irregolarita`, skond il-gravita` tal-każ, id-Dipariment iwissi lis-sid sabiex jirranġa fejn hemm bżonn

Rettili — Importazzjoni – u moviment bejn il-pajjiżi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tan-numru ta’ kull speċi ta’ rettili kif ukoll ta’ bajd tal-ispeċi li jidhru fil-lista li qed tingħata separatament li ddaħħlu Malta permezz ta’ movimenti kummerċjali u movimenti mhux kummerċjali minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (movimenti intrakomunitarji) kif ukoll minn terzi pajjiżi (importazzjoni), sena b’sena, matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BRINCAT, LEO)

Hekk kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista ta’ rettili li ddaħħlu minn pajjiżi barranin, UE u non-UE, għas-snin inkwistjoni. Bir-rispett kollu lejn l-Onor. Interpellant naħseb li stenna wisq meta ppretenda d-dettal kollu li talab għal-lista ta’ 235 rettilu. F’dan l-istadju nista’ ngħarraf biss bl-informazzjoni li qed nagħti għaliex id-dettalji kif mitluba ma jinżammux.