Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ambjent Esperimentazzjoni fuq annimali – pożizzjoni tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern fuq esperimentazzjoni fuq l-annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-materja hija dik kif regolata minn Kapitlu 439 tal-Liġijiet ta’ Malta, partikolarment Artikli 32 sa 42 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali — uffiċini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali ngħatax uffiċini addati minn fejn jista’ jaħdem? Minn fejn qed jaħdem il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali bħalissa qed jopera b’mod indipendenti u separatament għalih minn uffiċċju li jinstab fil-kumpless tal-Ministeru. Hija x-xewqa tagħna li dan ikollu uffiċċju aħjar u qed isiru sforzi biex tinstab proprjetà oħra li tkun taqdi l-bżonnijiet meħtieġa.

Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali – staff complement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi staff complement għandu l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-istaff complement li għandu l- Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali huma żewġt Promotional Officers u Inspector for Animal Welfare.

Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – investigazzjonijiet fuq funzjonijiet u ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali rrevediex jew investigax minn jeddu jew wara li rċeva lmenti, il-funzjonijiet u l-ħidma tal-Kunsill tad-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji jew tad-Direttorat responsabbli mit-Trattament Xieraq tal-Annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li r-rapporti dwar investigazzjonijiet li saru mill-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali huma ippubblikati online. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ rapport li jittratta każ li l-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali investiga minn jeddu dwar żamma ta’ għasafar fil-kwarantina mid-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji.

Kummissarji għat-Trattament Xieraq tal-Annimali — rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ rapporti dwar diversi oqsma li saru mill-Kummissarji għat-Trattament Xieraq tal-Annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fil-waqt li nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari preċedenti bin-Nru. 19579, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport ieħor hekk kif jidher fuq il-websajt tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.

Kelb f’qagħda kritika fuq il-katamaran

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin u: (a) jikkonferma li nstab kelb f’qagħda kritika fil-garaxx tal-katamaran li jopera bejn Malta u Sqallija? (b) Jgħid jekk hux vera li sa dak iż-żmien il- policy tal-katamaran kienet li klieb ma jitħallewx jitilgħu mal-passiġġieri kif isir fuq il-vapur t’Għawdex?; (c) Jgħid jekk hux vera li l-kelb in kwistjoni aktarx miet b’ heat stroke ? (d) Jekk saritx awtopsja fuq il-kelb u x’irriżulta? (e) Jekk saritx jew qed issir inkjesta? u (f) Jekk ġewx involuti l-pulizija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari rrispondew kif ġej: a) Xi ġimgħat ilu proprjetarju ta’ kelb għarraf lill-uffiċjali tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali li l-kelb tiegħu kien instab ibagħti, sofferenti u f’qagħda kritika meta mar biex jiġbru mill-garaxx tal-katamaran fi traġitt bejn Malta u Sqallija. b) Sa dak iż-żmien il-policy tal-katamaran kienet li l-klieb ma jitħallewx jitilgħu mal-passiġġieri; c) Skond veterinarju Sqalli li eżamina l-kelb u mill-kopja tar-rapport li ntbagħat lir-regolatur veterinarju Malti jirriżulta li l-kelb kien miet f’Messina fi Sqallija aktarx kawża ta’ ħsara newroloġika kkawżata minn temperatura tal-ġisem għolja ħafna (ipertermija). d) Mill-informazzjoni li għandu d-Dipartiment ma’ jirriżultax li l-awtoritajiet Sqallin għamlu awtopsja fuq il-kelb; e) Fil-waqt li wieħed ifakkar li l-kelb ma mietx Malta, ir-regolatur veterinarju Malti għamel investigazzjoni fuq il-każ u, f) Il-Pulizija ma kinitx involuta.

Animal Welfare – impjegati li telqu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm telqu impjegati mid-Dipartiment tal-Animal Welfare minn Marzu 2013?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, kien hemm tlettax (13) -il ħaddiem li telqu mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali minn Marzu 2013 sas-6 ta' Ottubru 2015. Ninsab infurmat ukoll li ħafna minnhom telqu minħabba promozzjonijiet li huma kisbu.

Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex imwaqqaf il-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali? Jekk iva, min huma l-membri maħtura fuq dan il-kunsill?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali twaqqaf skond kif ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern, ħarġa numru 19,444 datata 23 ta’ Ġunju 2015.

Animal Welfate — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin u jgħid tul l-2013, l-2014 u sal-aħħar ta’ Awwissu 2015, kemm saru spezzjonijiet mid-Dipartiment tal-Animal Welfare? Jista’ jgħid kemm ittieħdu passi legali fuq trattament mhux xieraq ta’ annimali fl-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm-il sid ġie mwiddeb mingħajr ma ttieħdu passi? Kemm minnhom tressqu l-Qorti? Jista’ jagħti break down sena b’sena?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inqiegħed Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Animal Welfare – ingaġġ ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies fid-diviżjoni tal-Animal Welfare minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid kemm ġew seconded ħaddiema ma’ din id-diviżjoni mill-elezzjoni tal-2013 sal-lum? X’inhu l-grad tagħhom? Mil-liema lokalità ġejja kull persuna li ġiet seconded? Dawk li ma kinux seconded u kienu qed jirreġistraw, għal liema xogħol kienu qed jirreġistraw?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari kien hemm sbatax (17) –il ħaddiem li ġew impjegati mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali minn Marzu 2013 sas-6 ta' Ottubru 2015. Kien hemm ukoll erba’ (4) ħaddiema li kienu seconded u li tnejn huma Uffiċjali fi Skala 10, ieħor fi Skala 13 u ieħor Transport Officer. Dawn ġejjin minn Ħal Luqa, Santa Venera, Ħal Qormi u Għajnsielem Għawdex. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jireferri d-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali – pariri lill-Ministru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’pariri ta s’issa l-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali lill-Ministru?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari minn mindu twaqqaf il-Kunsill f’Ġunju li għadda, dan iltaqa’ tlett darbiet. Il-minuti ta’ kull laqgħa ġew mgħoddija lis-Segretarju Parlamentari u l-kontenut jitqies mill-Kunsill bħala l-fehma tiegħu għall-użu tas-Segretarjat.

Ittra mibgħuta minn individwu

Question

Jaħsibx il-Ministru li l-ittra mibgħuta lill-BirdLife mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tammontax għall-intimidazzjoni? Dan meta dawk il-ħafna nies li isibu tajr ferut jeħduhom lill-BirdLife biex jieħdu ħsiebhom huma, issa x’suppost jagħmlu wara din it-theddida li rċevew mingħand dan l-individwu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li ngħatatli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ma jirriżultax li l-imejl - u mhux ittra - inkwistjoni kienet b’xi mod tikkostitwixxi intimidazzjoni, u dan għaliex kull ma kienet qed tagħmel din l-imejl huwa li tfakkar li hemm provvedimenti speċifiċi tal-liġi li għandhom ikunu osservati minn kullħadd, inkluż il-BirdLife. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi ghar-regolament numru 4 tar-Regolamenti Dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi.

BirdLife – rijabilitazzjoni ta’ għasafar

Question

La darba l-Gvern ta l-binja restawrata fil-Buskett lill-BirdLife biex tintuża għar-rijabilitazzjoni ta’ għasafar x’sens jagħmel issa li tinforma uffiċjalment lill-istess BirdLife li jkunu qed jiksru l-liġi jekk jaċċettaw jew jikkuraw tajr ferut kif infurmati fl-ittri uffiċjalment mibgħuta mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill- Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li ngħatatli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari jidher li l-Onorevoli Interpellant mhux qed jifhem sewwa, la l-kontenut tal-imejl inkwistjoni u li dwarha tajjeb jekk jirreferi għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19563, u lanqas l-għan u l-metodoloġija li ser tkun segwita fil-każ tal-binja msemmija minn kumitat konġunt u li ser jimxi skond ir-rekwiżiti kollha tal-liġi.

Il-Belt – shelters għaż-żwiemel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn żdiedu x-shelters għaż-żwiemel tal-karozzini u jekk sarux shelters ġodda l-Belt kif kien imwiegħed?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, b’żieda mat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15043, fejn Kastilja l-Belt Valletta, inqala’ xelter għal-żewġ karozzini u ġie stallat ieħor għal erba’ karozzini. Intant qed isiru t-tħejjijiet sabiex quddiem il-qanpiena fil-Belt Valletta stess, jitwaħħal xelter ieħor wara li jinkisbu l-permessi neċessarji.

Karozzi pparkjati fis-shelters għaż-żwiemel

Question

Jista’ l-Ministru jikkoordina mal-pulizija u Transport Malta għax mhux l-ewwel darba sewwieqa irresponsabbli qed jispiċċaw jipparkjaw il-karozzi tagħhom għall-kenn fix-shelters li saru għaż-żwiemel tal-karozzini? Jistgħu jiżdiedu l-pieni għal min jipparkja l-karozza tiegħu fix-shelters li saru għaż-żwiemel?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fil-fatt hemm komunikazzjoni regolari għaddejja bejn id-Dipartiment ikkonċernat, il-Korp tal-Pulizija kif ukoll Transport Malta sabiex dawn jagħmlu infurzar iktar strett u qawwi kontra min jabbuża billi jipparkja fix-xelters taż-żwiemel kif inhi fil-kompetenza tagħhom.

Neutering ta’ klieb u qtates

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar kampanja ta’ neutering ta’ klieb u qtates? ? Kemm ġew neutered klieb u kemm ġew neutered qtates separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-aħħar kampanja ta’ neutering saret fi Frar tal- 2015 fejn issewwew total ta’ 553 annimal li minnhom 498 kienu qtates u 55 kienu klieb.

Kampanja ta’ neutering ta’ klieb u qtates

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir kampanja oħra ta’ neutering ta’ klieb u qtates? Jekk iva, hemm il-ħsieb li jintużaw veterinarji Maltin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-kampanja ta’ neutering li jmiss ser issir f’Novembru 2015 u m’hemmx il-ħsieb li jintużaw veterinarji Maltin.

Residenza San Vinċenz de Paul – bord tat-tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tat-Tmexxija (jew Bord Konsultattiv) tar-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Il-membri tal-Bord Konsultattiv huma: Chairperson Imħallef Emeritus Philip Sciberras Vici Chairperson Dr Marcon Ali Sarfraz Membri Dr Josianne Cutajar Dr Gunther Abela Perit Chris Grech Mr Gaetano Mercieca Mr Joe Galea

Residenza San Vinċenz de Paul – ħlas liċ-Chairman u membri tal-Bord tat-Tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħlas qed jieħdu kull xahar iċ-Chairman u kull membru tal-Bord tat-Tmexxija (jew Bord Konsultativ) tar-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas li qed jieħdu kull xahar iċ-Chairman u kull membru tal- Bord Konsultativ tar-Residenza San Vinċenz de Paul huwa kif jidher hawn taħt: Chairperson : €2,329.37 fis-sena Membri: €1,747.03 fis-sena

Residenza San Vinċenz de Paul – ħaddiema sospiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew sospiżi ħaddiema mir-Residenza San Vinċenz de Paul tul is-sena li għaddiet (2014) u sal-1 ta’ Ġunju 2015? Xi grad kellhom kull ħaddiem li ġie sospiż? Għal liema raġuni ġie sospiż kull impjegat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox ġew sospiżi 5 ħaddiema mir-Residenza San Vinċenz de Paul. Ir-raġuni li għaliha ġew sospiżi, qed jiġu indikati fit-tabella t’hawn taħt: Grad tal-Ħaddiema Raġuni 1 Assistance And Rescue Officer Frodi relatati ma’smart metres imbagħbsa 2 Social Assistants Theddid lejn uffiċjal superjuri Minħabba mġieba arroganti lejn uffiċjal pubbliku kif ukoll assenza minn fuq il-post tax-xogħol 1 Health Assistant Naqas minn dmiru 1 Deputy Charge Nurse Imġieba arrogant