Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ inizjattivi meħuda mill-Uffiċju tal-Kummissjarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti u l-pubblikazzjonijiet maħruġa mill-uffiċju tal-imsemmi Kummissarju kif ukoll riżultati ta’ awditjar tad-direttorati tat-Trattament Xieraq tal-Annimali, tas-Servizz Veterinarju u tal-Kunsill għat-Trattament Xieraq tal-Annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fost l-inizzjattivi li ħa l-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali kien hemm il-kitba u pubblikazzoni tal-ktieb ‘L-imħabba Tagħna Lejn l-Annimali – Obbligi, Liġijiet u Regolamenti’ għat-tfal tas-sitt sena tal-Primarja. Il-ħsieb huwa li l-ewwel tingħata lezzjoni fuq il-materja mill-Kummissarju jew mill-promotional officers tiegħu u wara l-ktieb jitqassam lill-klassi rispettiva. Ninsab infurmat li dan ix-xogħol għadu għaddej u qed jintlaqa’ tajjeb ħafna. Minħabba l-liġijiet tal-copyright kopji ta’ dan il-ktieb ikunu jistgħu jinġabru liberament mill-Uffiċċju tal-Kummissarju. Minbarra inizjattivi edukattivi bħal dawn il-Kummissarju għamel numru ta’ investigazzjonijiet u rapporti, li kopja tagħhom diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra bħala parti mit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 19579 u 19580. Ninsab mmgħarraf ukoll li l-Kummissarju regolarment jipparteċipa f’diversi programmi dwar l-annimali fuq il-midja.

Kampanja dwar tiswija tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji ta’ meta saret l-aħħar kampanja ta’ tiswija (neutering) tal-annimali? Meta hu maħsub li ssir kampanja oħra, u kemm hu maħsub li ser jibbenefikaw annimali minn din il-kampanja? Kif jiġi aċċertat li jissewwew biss annimali li jkunu strays?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-aħħar kampanja ta’ tiswija tal-annimali saret fi Frar 2015 filwaqt li l-kampanja li jmiss mistennija ssir f’Novembru 2015. Bħall-aħħar kampanji, huwa maħsub li jissewwew madwar 500 annimal. Il-persuni li jibbukkjaw dawn l-annimali għat-tiswija huma dawk il-volontarji u organizzazzjonijiet li jaħdmu u jieħdu ħsieb l-annimali tat-triq u għaldaqstant, dawn jiddikjaraw li fil-fatt l-annimali li jressqu għal dan is-servizz ikunu strays.

Regolamenti biex jirregola s-settur tat-tlielaq taż-żwiemel u ż-żwiemel tal-karozzini

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk jeżistix abbozz ta’ regolamenti biex jirregola s-settur tat-tlielaq taż-żwiemel u ż-żwiemel tal-karozzini? Jekk dawn l-abbozzi ta’ regolamenti jeżistu x’qed jistenna l-Gvern biex jirregola dan is-settur kemm għas-saħħa taż-żwiemel, għas-saħħa tas-sidien kif ukoll tal-pubbliku? Meta hu maħsub li tali regolamenti jiġu ppublikati?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ċentru San Franġisk — klieb u qtates trattati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-valur li tħallas liċ-Ċentru San Franġisk għas-servizz provdut lid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali minn Marzu 2013 sa issa xahar b’xahar? Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ittrattati klieb u qtates separatament fiċ-Ċentru San Franġisk kull xahar rispettivament.?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Ċentru San Franġisk – kontijiet individwali tat-trattament ta’ kull annimal

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra l-kontijiet individwali ta’ kull annimal li ġie trattat fi ħdan iċ-Ċentru San Franġisk minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Naħseb li l-Onor. Interpellant għandu jifhem li dak li qed jitlob huwa l-ewwel nett sproporzjonat meta wieħed iqis l-eluf ta’ annimali li jkunu ttrattati fiċ-Ċentru San Franġisk u t-tieni nett dawn huma affarijiet ta’ natura sensittiva u kummerċjali. Infakkar li l-operatur li qabel kien f’San Frangisk għadu operatur fl-istess suq.

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali — uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fi ħdan id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali? X’inhuma l-gradi rispettivi tagħhom u l-grad sostantiv tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, fi ħdan id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali hemm 31 uffiċjal. Il-pożizzjonijiet tagħhom ivarjaw minn Direttur sa Animal Carer filwaqt li l-gradi sostantivi huma mifruxa minn Uffiċjal Prinċipali Anzjan sa Skrivan.

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali — uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip u x’livell ta’ kwalifiċi għandhom l-uffiċjali nkluż l-istaff amministrattiv fi ħdan id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali fi ħdan il-Malta Qualifications Framework? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-gradi tal-uffiċjali, it-titolu tal-kwalifiċi li għandhom u x’livell huma fil-qafas ta’ Malta Qualifications Framework?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed titpoġġa f’Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentru San Franġisk — obbligu mill-Ministeru lejn l-operatur

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’kienu l-obbligi tal-Ministeru tiegħu lejn l-operatur taċ-Ċentru San Franġisk? X’obbligi kellu l-Ministeru lejn l-ex-operatur taċ-ċentru f’dak li jikkonċerna ħlasijiet u arranġamenti oħra li ma jikkonċernawx trattament ta’ annimali u kemm attwalment tħallas għalll-ispejjeż li ma jikkonċernawx trattamenti tal-annimali mill-Gvern mill-bidu sat-tmiem tal-kuntratt?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Kuntratt u l-Memorandum of Understanding. Għall-aħħar parti tal-mistoqsija l-operatur ma kienx jitħallas għat-trattament, iżda jitħallas tal-mediċini u consumables u fil-perjodu imsemmi tħallas tagħhom €432,325.68

Ċentru San Franġisk – inventarju dwar oġġetti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra inventarju aġġornat tal-makkinarju, gaġeġ, għamara u oġġetti oħra li huma tal-Gvern u li fil-preżent jinsabu fiċ-Ċentru San Franġisk u jindika l-valur ta’ kull oġġett imsemmi hawn fuq?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-inventarju li kien mgħoddi lill-operatur u li kopja tiegħu tinsab fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali.

Xelters għaż-żwiemel — bini ta’ xelters ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn u kemm ġew installati xelters ġodda għaż-żwiemel matul is-sena 2015? Jista’ jagħti rendikont tal-ispiża tax-xogħol li sar fuq dawn ix-xelters?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li b’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19565 ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segetarjat Parlamentari li l-ispiża tax-xogħol li sar dis-sena laħqet €6,555.55.

Ċimiterju tal-Annimali — bidu ta’ kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jindika f’liema stadju wasal il-proċess tal-bini taċ-Ċimiterju tal-Annimali? X’inhuma r-rekwiżiti tal-MEPA li għadhom ma ġewx sodisfatti mil-lat ambjentali? Meta se tibda l-kostruzzjoni ta’ dan iċ-ċimiterju u meta se tiġi ppubblikata s-sejħa għall-offerti għall-immaniġġar ta’ dan iċ-ċimiterju? Dan iċ-ċimiterju se jkun bi ħlas?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari s-sejħa għall-bini u t-tmexxija taċ-ċimiterju tal-annimali mill-privat ser tinħareġ mid-Dipartiment tal-Artijiet fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif ikunu ffinalizzati d-dokumentazzjoni. Infurmat ukoll li m’hemm l-ebda rekwiżit li mhux għas-sodisfazzjon tal-MEPA. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija kif diġà għidt, is-servizz ser ikun operat mill-privat u allura wieħed jassumi li jkun bi ħlas. Mhix il-politika tal-Gvern li jindaħal lill-privat fid-deċiżjonijiet kummerċjali tiegħu.

National Animal Welfare Fund

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ġiex imniedi n-National Animal Welfare Fund? Jista’ jindika kemm hu l-baġit allokat għall-imsemmi fond? Jista’ jagħti dettalji ta’ kif ser ikun immaniġġjat dan il-fond u min huma l-persuni li ser ikunu involuti fit-tmexxija ta’dan il-fond? Liema entitajiet ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-fond u kemm hu l-massimu ta’ fondi li tista’ tieħu kull NGO? Kif ser jiżgura li kull NGO li taħdem favur l-annimali tibbenefika minn dan il-fond?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari n-National Animal Welfare Fund ġie mniedi fl-aħħar ta’ Settembru li għadda b’fond ta’ €40,000. Dwar il-kumplament tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-linji gwida għal dan il-fond li ġew imfassla b’konsultazzjoni mal-istakeholders inklużi l-NGO’s li jaħdmu favur l-annimali.

Għawdex – servizz ta’ ambulanza tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi mniedi s-servizz ta’ ambulanza tal-annimali f’Għawdex? Meta ser jiġi mniedi dan is-servizz u kemm hu l-baġit allokat, jekk hemm, u kif ser jopera dan is-servizz?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li għaddejjin taħdidiet mal-Ministeru ta’ Għawdex kif tali servizz l-aħjar li jkun provdut minn ġewwa Għawdex stess.

Animal Welfare Officers — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu jaħdmu Animal Welfare Officers minn Marzu 2013 sal-lum? Mil-liema lokalità huma?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, minn Marzu 2013 sal-1 ta’ Ottubru 2015 daħlu jaħdmu 8 Animal Welfare Officers u dawn huma minn Marsaxlokk, il-Mosta, Ħal Qormi, iż-Żurrieq, Raħal Ġdid u Santa Luċija.

Animal Welfare Officers – ħaddiema — kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kwalifiki kellhom il-ħaddiema li daħlu jaħdmu bħala Animal Welfare Officers jew f’xi grad ieħor minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid x’taħriġ ingħataw l-Animal Welfare Officers li daħlu jaħdmu minn Marzu 2013 anke fid-dawl tat-tibdil tal-liġi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-ħaddiema li daħlu jaħdmu bħala Animal Welfare Officers jew f’xi grad ieħor fi ħdan id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, minn Marzu 2013 sal-lum għandhom il-kwalifiki skond kif stabbilit fis-sejħiet għall-applikazzjoni rispettivi. Fost it-taħriġ li ngħataw l- Animal Welfare Officers kien hemm taħriġ ta’ First Aid fuq annimali żgħar (klieb u qtates), taħriġ fuq kif taqbad kelb/qattus bl-apparat provdut mid-Direttorat, taħriġ fuq rettili bħal speċi, l-imġieba tagħhom eċċ, taħriġ ta’ First Aid fuq il-post tax-xogħol kif ukoll taħriġ fuq il-prinċipji tas-sigurtà għal nirien fuq il-post tax-xogħol.
Leg 12 PQ #19583 Sitting 302 2015-10-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Attivitajiet f’kumpless

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk jaqbilx li l-Gvern jew entitajiet li jaqgħu taħtu m’għandhomx jorganizzaw attivitajiet fil-kumpless li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament meta hu fatt magħruf li f’dan il-post hemm bosta illegalitajiet fosthom zoo illegali fejn numru ta’ annimali qed jinżammu f’ambjent li mhux addattat għalihom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kif jaf sew l-Onor Interpellant il-bosta illegalitajiet li huwa stess irrefera għalihom fil-mistoqsija tiegħu, jmorru lura snin sħaħ. Infurmat mis-Segretarjat Parlamentari li fl-aħħar sentejn u nofs, il-MEPA ħadet azzjoni skont il-liġi dwar dawn l-illegalitajiet, waqt li iktar kmieni dis-sena l-pulizija fethet proċeduri fil-Qorti dwar iz-zoo illegali li hemm riferenza għalih fl-istess mistoqsija. Il-messaġġ tal-Gvern huwa li l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-azzjonijiet meħtiega kontra l-illegalitajiet.

Zoo illegali — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar spezzjoni mill-veterinarji tal-Gvern u uffiċjali tal-Animal Welfare fiz-zoo illegali li hemm fil-kumpless li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? X’irriżulta minn din iż-żjara? Qed jiġi aċċertat li mhumiex jiżdiedu l-annimali f’dan iż-zoo illegali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari dan il-każ qiegħed sub judice u allura d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja ma tantx jista’ jagħmel wisq iżjed qabel ma tinqata’ l-kawża tal-Qorti. Infurmat ukoll illi l-aħħar spezzjoni li saret fuq il-kumpless in kwistjoni mid-Direttorat imsemmi kien fl-20 ta’ Lulju 2015. F’dik iż-żjara kien irriżulta li kien sar xogħol u żvilupp mill-operatur f’dan il-kumpless bl-intenzjoni li l-annimali jkunu aktar komdi u dan kif kien indikat lilu mid-Direttorat imsemmi. Madakollu kien hemm bżonn numru ta’ xogħlijiet oħra li fuqhom hemm bżonn permess ta’ żvilupp. Mill-ispezzjoni kien irriżulta wkoll li ma kienux iddaħħlu annimali ġodda f’dan l-istabbiliment. Ispezzjoni oħra hija ppjanata li ssir fil-futur qrib. Sadanittant id-Direttorat qiegħed ukoll jaċċerta permezz tas-sistemi ta’ kontroll ta’ moviment tal-annimali li ma jiddaħħlux annimali minn barra l-pajjiż.

Ċentru San Franġisk – stħarriġ indipendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-istħarriġ indipendenti dwar l-operat taċ-Ċentru San Franġisk li sar f’Ġunju 2013? Min għamel l-analiżi ta’ dan l-istħarriġ indipendenti, kemm tħallas u x’inhi r-raġuni li dan l-istħarriġ qatt ma ġie ppublikat? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport u l-analiżi dettaljata ta’ dan l-istħarriġ li sar dwar iċ-Ċentru San Franġisk?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-istħarriġ in kwistjoni sar minn Bloom Research, u sewa €6,903. Peress li l-istħarriġ fih informazzjoni u referenzi sensittivi diretti u indiretti dwar l-operatur li kien iħaddem dan iċ-Ċentru u li għadu wkoll operatur fis-settur, dehrilna li m’għandniex nippubblikaw dan ir-rapport għalkemm il-kontenut tiegħu ttieħed in kunsiderazzjoni meta tfasslet it-tender il-ġdida għall-istess post.

Ċentru San Franġisk — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li l-kuntratt taċ-Ċentru San Franġisk ma ġiex imġedded? Jista’ jgħid sa kemm kien validu l-kuntratt u meta dan ġie tterminat jew se jiġi terminat? X’miżuri ttieħdu sabiex is-servizz mogħti lill-klijent u lid-Direttorat tal-Animal Welfare miċ-Ċentru San Franġisk ma jieqafx hekk kif se jieqaf jew se jitwaqqaf il-kuntratt?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-kuntratt inkwistjoni kien validu sat-28 ta’ Settembru 2015 iżda l-operatur għandu sat-28 ta’ Ottubru biex ibattal il-post u dan dejjem skond il-kuntratt li kien iffirmat mill-Amministrazzjoni Preċedenti. Il-kuntratt ma ġiex imġedded fuq l-istess xewqa tal-operatur. Teknikament is-servizz li kien mogħti miċ-Ċentru San Franġisk kien wieħed privat u li kien qed jiġi offrut kemm lill-pubbliku in ġenerali kif ukoll lid-Direttorat tal-Animal Welfare. Illum il-ġurnata, il-pubbliku huwa moqdi tajjeb b’dsatax il-klinika liċenzjata li fiha wieħed jista’ jmur sabiex jingħata servizz veterinarju filwaqt li l-istess kliniċi llum huma wkoll marbuta bil-Liġi li joffru servizz ta’ emerġenza 24 siegħa kuljum. Min-naħa l-oħra, id-Direttorat tal-Animal Welfare ħaseb fi pjan ta’ kontinġenza li jinkludi servizz veterinarju provdut minn operaturi privati li joperaw f’dan is-settur. Sadanittant il-Gvern ħaseb ukoll sabiex tinħareġ sejħa għall-offerti għat-tmexxija taċ-Ċentru San Franġisk minn operatur ġdid. F’dan il-konfront is-Segretarjat Parlamentari diġà ħareġ Stqarrija għall-Istampa li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali – pariri fuq esperimentazzjoni fuq annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali tax pariri lill-Gvern fuq esperimentazzjoni fuq annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali ma għadda l-ebda parir lill-Gvern fuq esperimentazzjoni fuq l-annimali.