B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19572, jista’ l-Ministru jgħid jekk wara dawn it-twissijiet verbali, l-Animal Welfare reġgħetx għamlet spezzjonijiet għall-għarrieda? Jekk iva, meta u fejn?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-uffiċjali tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jwettqu spezzjonijiet għall-għarrieda fi żmien wara li tkun ingħatat twissija verbali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-data u l-post fejn twettqu tali spezzjonijiet.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19570, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-13-il ħaddiema li telqu minn dan id-direttorat ħadu promozzjoni? X’promozzjoni ħadu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti mit-13 -il ħaddiem imsemmija, 5 telqu mid-Direttorat imsemmi għaliex ħadu ħatra ġdida fl-istess Ministeru jew f’Ministeri oħrajn. Id-dettalji huma kif ġej:
(a) 1 inħatar Executive Officer fil-Ministeru għas-Saħħa;
(b) 1 nħatret Accounting Support Officer fid-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi f’dan l-istess Ministeru;
(ċ) 1 ingħata l-ħatra ta’ Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali kif jipprovdi Kap. 439 tal-Liġijiet ta’ Malta;
(d) 1 nħatret Manager Accounting and Finance fil-Ministeru għall-Finanzi;
(e) 1 ingħata l-ħatra ta’ Reġistratur għall-
Veterinary Surgeons Council
kif jipprovdi Kap. 437 tal-Liġijiet ta’ Malta;
Kien hemm ukoll żewġ uffiċjali oħra li ddeċiedew li jtemmu l-kuntratt definit li kellhom mad-Direttorat; wieħed minn dawn ġie rilaxxat ma’ għaqda volontajra skond kif jipprovdi l-
Public Service Management Code (PSMC)
, filwaqt li l-ieħor irritorna fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili minn fejn kien telaq biex jingħaqad mad-Direttorat tal-
Animal Welfare
.
Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – annimali miġbura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta’ annimali miġbura mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali minn Marzu 2013 sal ġurnata tal-lum maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid kemm-il qattus, u kemm-il kelb inġabru, kemm-il speċi ta’ annimali oħra nġabru, kemm annimali mietu sakemm ingħataw il-kura, kemm minnhom ġew ikkurati, kemm minnhom inżammu mid-Direttorat u kemm traqqdu, b’mod separat xahar b’xahar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – ġbir ta’ qtates
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru qtates mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li kienu kkonfermati li jbatu bil-mard tal-Feline Immunodeficiency virus, Feline Leukemia virus u Feline Infectious Peritonitis virus minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jipprovdi lista ta’ qtates bin-numru tal-mikroċippa rispettiva tagħhom li kienu kkonfermati li jbatu b’xi waħda minn dan il-mard, minn liema mard ġew ikkonfermati li jbatu, u x’ġara minn kull annimal f’ kull każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ma’ l-informazzjoni li ngħatat għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19784 fejn ġie spjegat l-użu tas-sistema tal-informatika dwar il-ġbir tal-informazzjoni mitluba, inżid ngħid li l-ammont ta’ qtates li kienu kkonfermati li jbagħtu bil-mard tal-Feline Immunodeficiency virus, Feline Leukemia virus u Feline Infectious Peritonitis virus minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Settembru 2015 kien ta’ 381. Inżid ngħid ukoll li s-Segretarjat Parlamentari qed jintrabat li malli tinġabar l-informazzjoni kollha meħtiega titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – tilqim tal-annimali kontra l-mard
Question
Jista’ l-Ministru jindika l-protokolli li qed jiġu mħaddma fil-pre¿ent għal tilqim tal-annimali kontra mard u li qed jiġu applikati għall-annimali miżmuma mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali qed isegwi protokolli nterni rrakkomandati mill-veterinarji. Dawn japplikaw biss għal dawk il-klieb u qtates li jkunu ġew taħt ir-responsabilità tad-Direttorat f’età inqas minn tmien ġimgħat u li jkunu għadhom taħt ir-responsabilità tad-Direttorat f’età ta’ aktar min sitt ġimgħat. F’każ ta’ ġriewi, dawn jiġu mlaqqmin ukoll mit-tieni tilqima ’l-quddiem jekk ikollu tnax-il ġimgħa. Il-protokolli jinkludu wkoll trattamenti regolari għal kontra l-ħniex fl-intern tal-annimal u l-insetti li jgħixu fuq barra tal-annimal (de-fleaing u de-worming).
Abbozz tar-Regolamenti dwar iż-Żamma ta’ Annimali Eżotiċi – konsultazzjoni pubblika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika fuq l-Abbozz tar-Regolamenti Dwar iż-Żamma ta’ Annimali Eżotiċi? X’kienu s-suġġerimenti li ngħataw u liema minn dawn is-suġġerimenti ġew inkorporati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari matul il-konsultazzjoni, is-Segretarjat nieda serje ta' laqgħat ma’ entitajiet varji li jistgħu jagħtu kontribut, fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Bord li jirregola l-Armi, MEPA, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, il-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u organizzazzjonijiet involuti fis-settur. Infurmat ukoll li s-Segretarjat irċieva suġġerimenti u kummenti mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni fuq dan is-settur, u individwi li għandhom interess f'dan is-suġġett.
Minn dan il-proċess ta' konsultazzjoni għadha qed tiġi estrapolata l-informazzjoni biex sussegwentement tiġi diskussa fl-ambitu tal-ifformular tar-Regolament imsemmi.
Kuntratt ta’ individwu bħala speċjalista fuq il-kaċċa u l-insib
Question
Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet għalfejn fl-2014, il-Gvern ħass il-bżonn li jagħti kuntratt ta’ servizzi bħala speċjalista fuq il-kaċċa u l-insib lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? X’kienet ir-raġuni li dan il-kuntratt inħareġ bħala direct order? Ġew ikkunsidrati quotations mingħand speċjalisti oħra qabel ma nħarġet din id-direct order?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li r-raġunijiet għall-ingaġġ tal-individwu li d-dettaliji dwaru ngħataw separatament huma l-istess raġunijiet li għalihom kien ilu jiġi ingaġġat b’sempliċi ittra mill-Gvern preċedenti sa mill-2006. Kuntrarju tal-prassi minn amministrazzjoni preċedenti, dan il-Gvern ingaġġa lil dan l-individwu b’kuntratt u skond ir-regoli.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew kuntratti mogħtija lill- individwu li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ rapporti, rakkomandazzjonijiet u pariri maħruġa mill-individwu msemmi, bħala parti mis-servizz li ta s’issa??
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li s-servizzi mogħtija mill-konsulent in kwistjoni jinkludu parteċipazzjoni f’laqgħat impenjattivi. Il-pariri mogħtija huma ta’ natura professjonali u kunfidenzjali kemm fil-każ fejn il-Ministeru qabel ma dawn il-pariri u kemm fejn ma qabilx u allura ma ġewx addottati.
Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex il-Gvern ħass il-bżonn li jagħti kuntratt ta’ servizzi lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar servizz ta’ pariri marbuta ma’ talba għall-proposti għaċ-Ċentru San Frangisk f’Ta’ Qali? X’kienet ir-raġuni li dan il-kuntratt inħareġ bħala direct order? Ġew ikkunsidrati quotations mingħand speċjalisti jew kumpaniji oħra qabel ma inħarġet din id-direct order?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari illi peress li l-operatur taċ-Ċentru San Frangisk infurmana illi kien ser jieqaf f’qasir żmien kien hemm urġenza sabiex ikun imfassal qafas ta’ kuntratt ġdid għal dan iċ-Ċentru li jkun jirrifletti aħjar x’rid il-Gvern sabiex joffri iżjed aċċessibiltà għall-NGOs u jkun hemm iżjed garanziji favur il-Gvern milli kien hemm kif kien il-kuntratt li kien sar taħt l-amministrazzjoni l-oħra. Il-kumpanija in kwistjoni kellha l-ħiliet u r-rekwiżiti neċessarji biex tgħin lis-Segratarjat Parlamentari fiż-żmien qasir rikjest u l-ħatra tagħha kienet taqa’ wkoll fil-parametri tar-regoli. Saru diversi laqgħat ta’ diskussjoni u pariri sabiex sussegwentement setgħet tinħareġ is-sejħa għall-offerti mid-Dipartiment tal-Artijiet.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15690 dwar spezzjonijiet minħabba suspett jew moħqrija tal-annimali jista’ l-Ministru jispjega kif fit-tweġiba għall-mistoqsija 15690 li tkopri Jannar sa Marzu 2015 ingħatat informazzjoni li matul dan il-perijodu ttieħdu 9 proċeduri kriminali fil-konfront ta’ moħqrija ta annimali filwaqt li għall-risposta parlamentari 16777 li tkopri min Jannar sal–aħħar ta’Ġunju 2015 ġew imsemmija li qed jitteħdu proċeduri kriminal fil-konfront ta’ każ wieħed biss? Jista’ jispjega għal fini ta’ trasparenza x’ġara mit-tmien każijiet li donnu twaqqfu l-proċeduri kontra tagħhom? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ każijiet kriminali li bdew mill-bidu tas-sena sa issa bid-data ta’ meta bdew il-proċeduri kriminali u dettalji fil-qosor ta’ kull kwerela?
Response (BRINCAT, LEO)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jerġa’ jirreferi għat-Twegiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15690 fejn kien intqal li bejn Jannar u Marzu 2015 kien hemm 325 rapport li minnhom 280 każ kienu ġew konklużi, u allura ma ttieħdu l-ebda passi fil-Qorti, filwaqt li l-45 li jibqa’ kienu defiċenzi minuri li dwarhom kienet għadha qed issir verifika sabiex ikun stabbilit jekk tkunx saret ir-rettifika neċessarja mill-persuni kkonċernati. Għandu jkun ovvju li ġaladarba dawn il-45 każ kienu kwistjonijiet minuri l-anqas dwarhom ma kienet qed tittieħed azzjoni fil-Qorti. It-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15690 imbagħad tkompli tgħid li ‘fil-preżent’, jiġifieri sa dak iż-żmien, kienu ‘qed jittieħdu proċeduri kriminali fil-Qorti fil-konfront ta’ 9 każijiet’. Għandu jkun ċar li dawn id-9 każi kienu għal żmien preċedenti jew biex niċċara sew dawn kienu għas-sena 2014. Inserraħ ras l-Onor. Interpellant li kollox jitmexxa bi trasparenza u l-ebda każ mhu ser jisparixxi kif donnu irid jalludi.
Sadanittant qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni l-oħra li ntalbet.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-uffiċju tal-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Annimali hux fiżikament fi ħdan l-uffiċini ta’ Casa Leone f’Santa Venera? Jista’ jispjega għaliex il-Kummissarju ma ngħatax uffiċju li hu fiżikament separat mis-Segretarjat responsabbli għad-Drittijiet tal-Annimali? Ma jħossx il-Ministeru li dan l-uffiċċju jrid ikun jopera b’mod indipendenti mis-Segretarjat meta dan qiegħed fl-istess post?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirefferi lill-Onor. Interpellant li ngħatat għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19577.
Jista’ l-Ministru jispjega fuq liema parametri d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jiddeċiedi jekk jieħux passi kriminali immedjatament jew japplika piena amministrattiva? Għall-finijiet ta’ trasparenza, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-proċedura bil-miktub li juża l-imsemmi Direttorat biex jiddeċiedi jekk jieħux passi kriminali jew jekk japplikax pieni amministrattivi jew jagħti twiddiba bil-miktub?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Uffiċjali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – klieb mingħajr mikroċippa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu klieb f’residenzi jew postijiet privati mill-Uffiċjali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li kienu bla mikroċippa matul is-sena 2015 sal-lum? ? F’liema lokalità nstabu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, matul l-2015 sa issa kien hemm 37 kelb/a li nstabu mingħajr ċippa f’postijiet jew residenzi privati mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Dawn kienu hekk kif ġej:
Tliet każijiet f’Ħaż-Żabbar; żewġ każijiet f’kull lokalità fil-Belt Valletta, San Ġwann, in-Naxxar, Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi u każ wieħed f’kull lokalità fil-Gudja, Birkirkara, Raħal Ġdid, Ħal-Qormi, Burmarrad, l-Imrieħel, Ħal-Far, ix-Xemxija, Bormla, il-Birgu, il-Ħamrun, il-Mosta, il-Gżira, San Pawl tat-Tarġa, Ħal-Kirkop, il-Kappara, tas-Sliema, iż-Żurrieq, ir-Rabat, l-Imqabba, il-Fgura, Dellimara, ix-Xewkija u l-Marsa.
Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – allowances u benefiċċji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu sahra, allowances u benefiċċju oħra lill-istaff fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, mill-bidu tas-sena 2015 s’issa? Jista’ jindika min huma l-uffiċjali li bbenefikaw permezz ta’ sahra, allowances u benefiċċji oħra, fl-liema grad qiegħdin, u kemm tħallsu b’mod individwali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti mill-bidu tas-sena 2015 sal-lum, fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali tħallsu Allowances kif ġej:
(a) Id-Direttur irċieva
Expense Allowance
ta’ €1,254.30 skond kif jipprovdi l-
Performance Agreement
tad-Diretturi fis-Servizz Pubbliku;
(b) Il-
Coordinator (Animal Welfare, Promotion and Services)
irċieva
Disturbance Allowance
ta’ €3,059.10. Din titħallas skond il-provvedimenti tas-sejħa għall-applikazzjonijiet u tammonta għal 15% tas-salarju bażiku;
(ċ) L-
Animal Welfare Officers
irċivew
Shift Allowance
ta’ €3,461.5 kif stabbilit fl-aħħar sejħa għall-applikazzjoni li nħarġet għal din il-pożizzjoni;
(d) L-
Animal Carers
u s-
Senior Tradesman
jibbenefikaw minn
Shift Allowance
skond paragrafu 2.4.10 tal-
Public Service Management Code
(PSMC) u kif ukoll ħlas talli jaħdmu fil-Ħdud u l-festi skond kif jipprovdu paragrafi 3.2.6.2 u 3.2.7 tal-istess Kodiċi. L-ammont globali li tħallas lil seba’ ħaddiema kien ta’ €10,976.98 u l-pagamenti individwali jvarjaw minn €1,244.5 sa €2,966.42. Il-varjazzjoni fl-ammonti tiddependi mill-paga bażika, mit-tip ta’
shift
li jinħadem u minn kemm kull uffiċjal ilu jaħdem fuq bażi ta’
shift
.
Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – ġbir ta’ klieb
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru klieb mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li kienu kkonfermati li jbatu bil-mard tal-Leishmaniasis, Ehrlichiosis, Leptospirosis, Toxocariasis u jew mard żoonotiku ieħor minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-mikroċippi tal-klieb li kienu kkonfermati li jbatu b’dan il-mard u jiddeskrivi x’ġara mill klieb f’kull każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-ammont ta’ klieb li kienu kkonfermati li jbagħtu bil-mard tal-Leishmaniasis, Ehrlichiosis, Leptospirosis, Toxocariasis u/jew mard żoonotiku ieħor minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Settembru 2015 kien ta’ 479. L-informazzjoni dwar l-annimali li kellhom dan il-mard kienet miżmuma fuq sistema elettronika f’database u titmexxa mill-eks operatur taċ-Ċentru San Franġisk. Peress li din is-sistema ma kinitx intenzjonata sabiex toħroġ tali nformazzjoni mitluba, d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali se jkollu bżonn żmien twil sabiex jiġbor tali informazzjoni. Fid-dawl tal-ispjega li għadha kif ingħatat is-Segretarjat Parlamentari qed jintrabat li malli tinġabar l-informazzjoni kollha meħtiega titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – annimali miġbura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta’ annimali miġbura mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali minn Marzu 2013 sal ġurnata tal-lum maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid kemm-il qattus, u kemm-il kelb inġabru, kemm-il speċi ta’ annimali oħra nġabru, kemm annimali mietu sakemm ingħataw il-kura, kemm minnhom ġew ikkurati, kemm minnhom inżammu mid-Direttorat u kemm traqqdu, b’mod separat xahar b’xahar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Permanenti, minn fejn ġejt assigurat mill-istess Uffiċċju kif ukoll mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, li l-informazzjoni mitluba għada qed tiġi vverifikata u ser tingħata fl-iqsar żmien possibbli.
Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali — annimali miżmuma
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ annimali li bħalissa huma fil-pussess tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ klieb u qtates bin-numru tal-mikroċippa tagħhom, u jekk dawn humiex imsewwija jew le?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ġewwa l-Għammieri għandu 72 klieb u 175 qattus u dawn huma kollha msewwija. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – annimali msewwija fi kliniċi veterinarji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fejn ġew u qed jiġu msewwija (neutered) annimali fil-pussess tad- Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jgħid b’mod separat liema kienu l-kliniċi veterinarji fejn saru dawn il-proċeduri? Kemm kien hemm annimali li ssewwew f’kull klinika u kemm kien il-valur globali li ġie mħallas lil -kull klinika għas-servizzi pprovduti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – Animal Welfare Officers — terminazzjoni ta’ kuntratt
Question
Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ Animal Welfare Officers li telqu mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali minn Marzu 2014 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jgħid kemm minn dawn l-uffiċjali telqu għal dipartiment ieħor? Kemm minnhom itterminaw il-kuntratt eżistenti? Kemm minnhom irtiraw u kemm minnhom ingħataw karigi oħra fl-istess Ministeru jew f’Ministeri oħra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti minn Marzu 2014 sal-lum kien hemm ħames Animal Welfare Officers li telqu mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Minn dawn kien hemm wieħed li spiċċa għax ingħata kariga ogħla ġdida fl-istess Ministeru, waħda li telqet għax ingħatat kariga ogħla f’Ministeru ieħor u wieħed ieħor li telaq għax ingħata kariga ġdida ma’ dipartiment ieħor f’dan il-Ministeru. It-tnejn l-oħra irritornaw fil-grad sostantiv tagħhom mal-Gvern u minnhom wieħed kien misluf lill-NGO partikolari skond il-politika applikabbli u l-ieħor mar f’dipartiment ieħor tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Animal Welfare Officers li ġew trasferiti mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għall-Direttorati jew Ministeri oħra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar Animal Welfare Officers li tterminaw il-ħidma tagħhom fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali hija kif mogħtija fir-risposta għall-Mistoqsija Parlmentari Nru. 19652.