Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttorat tal-Animal Welfare — ikel tal-annimali - xiri

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu qed jinxtara l-ikel tal-Annimali mid-Direttorat tal-Animal Welfare? eta ġie iffirmat dan il-kuntratt, meta hi d-data tat-terminazzjoni u kemm hu l-valur globali ta’ dan it-tender? Jista’ jgħid x’inhi l-proċedura biex jinxtara l-għalf mid-Direttorat tal-Animal Welfare? Fejn qed jinżamm l-għalf li qed jinxtara għall-annimali mill-imsemmi Direttorat? Min għandu aċċess għall-post fejn jinżamm dan l-għalf u x’inhi il-proċedura interna ta’ kontroll biex jiżgura li kull ikel li jinħareġ ikun awditjat? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda kopja ta’ prattiċi bil-miktub li jeżistu f’dan ir-rigward?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-kuntratt in kwistjoni kien iffirmat fid-19 ta’ Novembru 2014 u jiskadi fi żmien sentejn minn tali data u għandu valur ta’ €53,565 VAT inkluż. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt in kwistjoni mingħajr l-informazzjoni li hija kkunsidrata ta’ natura kummerċjali u sensittiva. Mgħarraf ukoll li l-għalf jinxtara mill-istore officer abbażi ta’ dan il-kuntratt ħlief fejn ikun hemm ikel speċjalizzat li jinxtara ad hoc. L-animal carers jieħdu l-ikel mill-istore skont il-ħtieġa u jiffirmaw għalih. L-uffiċjal tal-istore jżomm rendikont dettaljat tal-ikel kollu li jinħareġ u ta’ min ħa r-responsabbilità li tali ikel inħareġ kif muri fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Sadanittant ninsab infurmat ukoll li saret talba lill-Internal Audit and Investigations Department (IAID) sabiex jagħmel audit tal-proċessi relatati.

Klieb mikroċippati — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ każijiet ta’ sidien li ma kellhomx klieb mikroċippati (identifkati elettronikament) li ttieħdu passi legali dwarhom mill-Pulizija mis-sena 2013 s'issa bid-data ta’ meta ġew reġsitrai dawn il-każijiet? Kemm kien hemm każijiet li weħlu multa mill-Qorti u kemm kienu l-multi rispettivi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi l-kazijiet ta’ sidien li ma kellhomx klieb mikroċippati u li ttieħdu jew ser jittiehdu passi legali dwarhom mill-Pulizija mis-sena 2013 s'issa kienu tmienja (8) kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. It-tabella turi wkoll f’hiex wasal kull wieħed minn dawn il-kazi.

Uffiċjali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – klieb mingħajr mikroċippa

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 21159 u 21247 jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jagħtini l-informazzjoni dwar dawn is-37 sidien li nstabu li l-kelb tagħhom kien bla ċippa? Għalfejn lanqas l-uffiċjali tal-Animal Welfare ma għamlu surprise visit biex jaraw jekk il-klieb li kienu bla ċippa ġew chipped jew inkella hux qed jinżammu kif xieraq? Jiġifieri għad-Dipartiment tal-Animal Welfare mhux interessati li jsegwu dawn il-każijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 20894 fejn intqal b’mod ċar li fil-każijiet kollha kien konfermat li l-klieb saritilhom il-microċippa. Ninsab infurmat ukoll li l-follow-up li kien hemm bżonn li jsir u li fil-fatt sar kien fuq materji oħra kif diġa indikat fit-tweġiba msemmija. M’hemm xejn x’inżid ma’ dan.

Uffiċjali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – klieb mingħajr mikroċippa

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21159 fejn intqal li xi 37 kelb nstabu bla ċippa, jista’ l-Ministru jgħid għaliex sar follow up biss fuq tmien każijiet u mhux fuq kollha sabiex jiġi assigurat li dawn ġew chipped kif titlob il-liġi? Jista’ jgħid għaliex klieb li nstabu bla mikroċippa, is-sidien ma tressqux il-Qorti meta dan jammonta għall-ksur ta’ liġi? Min ħadha d-deċiżjoni li dawn ma jitressqux il-Qorti?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 20894.

Uffiċjali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – klieb mingħajr mikroċippa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20894 dwar klieb li nstabu mhux chipped,jista' l-Ministru jgħid jekk is-sidien tal-klieb li nstabu bla chip reġax saritilhom follow up visit biex jiġi aċċertat li dawn il-klieb ġew chipped jew inkella s-sidien tagħhom ma' jkunux ħelsu minnhom b'mod illeċitu inkluż hux qed jiġu miżmuma ħażin jew maħqura?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-każijiet kollha in kwistjoni kien verifikat li l-klieb kienet saritilhom iċ-ċippa u ġew reġistrati fid-database relattiva. Minnhom kien hemm 8 każi li kellhom bżonn ta’ viżta oħra minħabba nuqqasijiet żgħar bħal nuqqas ta’ iġjene jew ċinga qasira u dawn ukoll ġew indirizzati.

Uffiċjali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – klieb mingħajr mikroċippa

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19782 jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-data tal-każijiet meta d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali sabu klieb li kienu mingħajr mikroċippa , lokalità b’lokalità? Jista’ jikkonferma każ b’każ, kull darba li ġiet applikata l-proċedura legali kif stipulat f’Regolament 11 tal-Avviż Legali 199 tal-2011 dwar l-Identifikazzjoni Elettronika tal-Klieb?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija. Dwar il-kumplament tal-mistoqsija ninsab infurmat li f’kull każ mis-37 kelb li nstabu barra bla ċippa kien identifikat is-sid tagħhom. F’dawn il-każijiet is-sidien ġew imwiddba u f’kull każ il-kelb kien reġistrat u ċċippjat skont ir-regoli u allura ma kienx hemm il-ħtieġa li jkunu applikati l-proċeduri aktar ħorox li hemm fil-liġi.

Ċentru San Franġisk – stħarriġ indipendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19635, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ tal-istħarriġ indipendenti li sar mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi m’hemm xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19635.

Vetturi utilizzati mid-Direttorat għall-Animal Welfare

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ vetturi u n-numru tal-pjanċa ta’ kull vettura li ntużat mid-Direttorat tal-Animal Welfare minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid għal liema użu tintuża kull vettura? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra x’kien il-konsum ta’ karburanat f’litri għal kull vettura individwalment u l-valur abbinat ma kull konsum u l-kilometraġġ magħmul minn kull vettura b’mod separat xahar b’xahar għall-perijodu li jkopri Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Mediċini tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ mediċina tal-annimali, li turi l-isem proprju kif ukoll l-isem ġeneriku tal-mediċina, li d-Direttorat għall-Animal Welfare għandu fil-pussess tiegħu fil-mument? Jista’ jgħid x’inhi l-kwantità li għandu fil-pussess tiegħu u għal liema użu qed jintużaw? Min hu responsabbli biex jamministra din il-mediċina lill-annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Żamma ta’ Annimali mid-Direttorat għall-Animal Welfare

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn huma l-postijiet fejn fil-preżent qed jinżammu l-annimali kollha li qegħdin fil-pussess tad-Direttorat responsabbli mill-Animal Welfare? Jista’ jgħid fejn fiżikament qed jinżammu l-klieb u fejn qed jinżammu l-qtates miġbura mid-Direttorat? Jista’ jagħti rendikont tan-numru ta’ annimali li qed jinżammu f’kull post separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-annimali li qegħdin fil-pussess tad-Direttorat responsabbli mill-Animal Welfare qed jinżammu f’diversi postijiet fl-Għammieri. L-ammonti ta' annimali sat-13 ta' Novembru huma: klieb (88 b’kollox) qed jinżammu fil-35 pens, qtates jinżammu hekk kif ġej: 128 qattus/a fil-magħlaq, 31 f' Sick Bay li tinsab fl-entratura għall-Għammieri eżattament quddiem San Vinċenz De Paul u 22 qattus/a f’maghlaq biswit l-uffiċċju tal-istess Direttorat.

Għalf u Prodotti Nutrizzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ssegregata skont id-Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, rendikont ta’ għalf tal-annimali u prodotti nutrizzjonali oħra, li nxtraw mill-Ministeru tiegħu u jagħti l-isem tad-ditta, it-tip, il-forma, l-ammonti f’kilogrammi u l-valur tagħhom, xahar b’xahar mis-sena 2013 sal-lum? Min kien il-fornitur ta’ dawn il-prodotti nutrizzjonali u jekk inxtrawx permezz ta’ tender jew direct order?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 tabelli: Tabella A tad-Direttorat tal-Agrikoltura, Tabella B tad-Direttorat tal-PARKS u l-Inizjattivi, Tabella Ċ tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u Tabella D tad-Direttorat ta' Regolazzjoni Veterinarji. Ninsab infurmat ukoll li l-informazzjoni miġbura fit-tweġiba hija dik li setgħet tinġabar għaliex mhux l-informazzjoni kollha mitluba kienet tinżamm minn kull Direttorat.

Servizzi ta’ Veterinarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-veterinarji li qed jiġu mqabbda biex jagħtu servizz veterinarju fl-Għammieri, fil-Petting Farm f’Ta’ Qali, fil-Family Park f’Marsaskala kif ukoll, fil-Farm Sperimentali tal-Għammieri? Kemm saru visti mis-sena 2013 s’issa u kemm ingħata ħlas lil kull veterinarju li offra servizz?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mis-Segretarjat Parlamentari mill-2013 sal-lum, fl-Għammieri, fil-Petting Farm f’Ta’ Qali, fil-Family Park f’Marsaskala, saru disgħa u sebgħin (79) il-vista veterinarja, kollha minn Dr Gareth Grech. Ħamsa u sebgħin (75) swew €6,299.50, filwaqt li l-erbgħa l-oħra li saru għadhom ma ġewx miltuba l-ħlas (invoiced). Fir-rigward tal-klieb u l-qtates li ddaħħlu ġewwa l-Għammieri mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u li ntuża s-Servizz ta Ċentru San Franġisk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 19645

Miżura tal-Baġit – ħlas għall-kontribuzzjoni għall-fond ta’ maternità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19902 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza għall-miżura mħabbra fil-baġit li ġie ppreżentat fis-sena 2014 fejn employers fis-settur privat qed jiġu obbligati jħallsu kontribuzzjoni għall-fond ta’ maternità, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma ġewx esklużi ċertu intrapriżi, speċjalment dawk żgħar li fihom diffiċli jekk mhux impossibli li jkunu jaħdmu nisa bħal xogħol ta’ bennejja, panel beaters, ħaddieda u xogħol ieħor simili li ma ssibx nisa jaħdmu fih? Jaħsibx li b’din il-miżura qed jgħabbi intrapriżi inkluż dawk żgħar bi spejjeż żejda meta dawn ma jimpjegawx nisa mhux b’għażla imma għax ix-xogħol tagħhom huwa xogħol li minħabba n-natura tiegħu jsir mill-irġiel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-miżura saret biex jiġi assigurat li l-att diskriminatorju kontra n-nisa jitneħħa. Fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropeja l-leave tal-maternità jitħallas kollu mill-Gvern, liema spiża tiġi ffinanzjata mill-ħlas tal-bolol. Tajjeb li jiġi nnutat li l-piż li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għalih huwa ta’ ftit ewro fis-sena. Jekk bħala eżempju nieħdu ħaddiem li għandu paga medja ta’ madwar €16,400, il-ħlas addizzjonali ta’ bolla fis-sena minn min iħaddmu huwa ta’ €49, iġifieri anqas minn €1 fil-ġimgħa.

Petshops bla liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn petshops sal-lum f’Malta li qed joperaw bejn Marzu 2015 u Settembru 2015 fil-preżent irrispettivament ġewx liċenzjati jew le?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jżomm biss informazzjoni dwar dawk il-petshops li huma reġistrati miegħu skond l-Avviż Legali 244 tal-2013 li ġie fis-seħħ fit-2 ta’ April 2014. Fil-fatt minn Marzu 2015 sa Settembu 2015 id-Direttorat irċieva 16 –il applikazzjoni għal-liċenzja. Minn dawn l-applikazzjonijiet saru 4 spezzjoni, u minn dawn inħarġu 3 liċenzji. Hemm 1 minnhom li l-ispezzjoni saret u l-liċenzja ser tinħareġ f’dawn il-ġranet, u hemm 12 –il liċenzji li għadhom qed ikunu ipproċesati. Wieħed minn dawn il-petshops irtira l-applikazzjoni għax iddeċieda biex ma jkomplix ibiegħ annimali fl-istabbiliment tiegħu. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-kamra li turi l-lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet li għad trid tinħarġilhom il-liċenzja.

Petshops bla liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm petshops li qed joperaw bla liċenzja applikaw għal-liċenzja bejn Marzu 2015 u Settembru 2015? Kemm minnhom ġew spezzjonati u kemm inħarġu liċenzji?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19935.

Petshop bla liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk baqax applikazzjoni ta’ petshops li għadhom ma nħarġitilhomx liċenzja bejn Marzu 2015 u Settembru 2015? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-data ta’ meta ġew sottomessi?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19935.

Ta’ Qali – Ċentru San Franġisk – pariri

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew kuntratti mogħtija lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ rapporti, rakkomandazzjonijiet u pariri maħruġa bħala parti mis-servizz li ngħataw s’issa lill-kumpanija dwar il-proposti għaċ-Ċentru San Frangisk f’Ta’ Qali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, peress li l-operatur taċ-Ċentru San Franġisk infurmana li kien ser jieqaf f’qasir żmien, kien hemm urġenza sabiex ikun imfassal qafas ta’ kuntratt ġdid. Kuntratt li jkun jirrifletti aħjar x’rid il-Gvern sabiex joffri iżjed aċċessibiltà għall-NGO’s u jkun hemm iżjed garanziji favur il-Gvern milli kien hemm kif kien il-kuntratt li kien sar taħt l-amministrazzjoni l-oħra. Il-kumpanija in kwistjoni kellha l-ħiliet u r-rekwiżiti neċessarji biex tgħin lis-Segretarjat Parlamentari fiż-żmien qasir rikjest u l-ħatra tagħha kienet taqa’ wkoll fil-parametri tar-regoli. Saru diversi laqgħat ta’ diskussjoni u ngħataw pariri sabiex sussegwentement setgħet tinħareġ is-sejħa għall-offerti mid-Dipartiment tal-Artijiet. Id-dokument relatat huwa pubbliku u qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #19902 Sitting 316 2015-10-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Miżura tal-Baġit – ħlas għall-kontribuzzjoni għall-fond ta’ maternità

Question

B’referenza għall-miżura mħabbra fil-baġit li ġie ppreżentat fis-sena 2014 fejn employers fis-settur privat qed jiġu obbligati jħallsu kontribuzzjoni għall-fond ta’ maternità, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma ġewx esklużi ċertu intrapriżi, speċjalment dawk żgħar li fihom diffiċli jekk mhux impossibli li jkunu jaħdmu nisa bħal xogħol ta’ bennejja, panel beaters, ħaddieda u xogħol ieħor simili li ma ssibx nisa jaħdmu fih? Jaħsibx li b’din il-miżura qed jgħabbi intrapriżi inkluż dawk żgħar bi spejjeż żejda meta dawn ma jimpjegawx nisa mhux b’għażla imma għax ix-xogħol tagħhom huwa xogħol li minħabba n-natura tiegħu jsir mill-irġiel?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill=Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat

Kelb f’qagħda kritika fuq il-katamaran

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19569 fejn kelb miet fuq il-katamaran fi traġit bejn Malta u Sqallija minħabba heat stroke, jista' l-Ministru jgħid jekk: (a) il- policy issa inbidlitx fuq il-katamaran tal-Virtu Ferries u l-klieb issa jistgħu jitilgħu fuq biex ma jibqgħux fis-sħana tal-garaxx; u (b) qabel dan l-inċident fatali kienx jaf id-Dipartiment tal-Animal Welfare li l-klieb qed jitħallew fil-garaxx u jekk kien jaf ħax passi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, sal-lum l-entità in kwistjoni ma tat l-ebda konferma li bidlet il-policy tagħha sabiex waqt it-traġitt l-annimali jitellgħu fuq u ma jibqgħux fil-garaxx. Ta’ min ifakkar illi skond ispezzjoni li saret mid-Dipartiment għar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti fl-aħħar ta’ Awwissu instab li l-annimali m’ghandhomx jinżammu fil-garaxx tal-katamaran bejn il-15 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Settembru. Għalhekk id-Direttorat qiegħed jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li sas-Sajf li ġej l-entità in kwistjoni ikollha policies fis-seħħ. Sadanittant infurmat ukoll li għalkemm qabel dan l-inċident kien magħruf li l-klieb kienu jinżammu fil-garaxx waqt it-traġitt bejn Malta u Sqallija qatt ma kien hemm xi indikazzjoni li dan seta’ kien ta’ periklu u l-anqas qatt ma kien irrapurtat xi każ ta’ sofferenza u għalhekk ma kienx hemm għalfejn tittieħed xi forma ta’ azzjoni.

Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali – pariri lill-Ministru

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19574, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-pariri li ngħataw mill-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’għandi xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19574.