Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz tal-1717 – qtugħ fl-operat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux vera li riċentement is-sistema tal-linja 1717 mhux qed tkun operattiva fuq bażi frekwenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, mhux minnu li s-sitema tal-linja 1717 ma kinitx operattiva riċentament.

Servizz tal-1717 – qtugħ fl-operat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex meta s-sistema tal-linja 1717 ma tkunx operattiva, il-pubbliku mhux qed ikun infurmat b’mod professjonali permezz ta’ notifika uffiċjali imma qed jkun infurmat minn fuq is-siti soċjali privati tal-impjegati tad-Direttorat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-Ministeru jaqbel li meta jkun hemm waqfa fit-tul tal-1717 għandha tinħareġ notifika uffiċjali, għaldaqstant ingħataw struzzjonijiet f’dan is-sens. Sadanittant l-uffiċjali tal-ambulanza tal-annimali għandhom mobile ad hoc u meta jkun hemm waqfa fil-1717 ikun jista’ jintuża dan il-mowbajl number li huwa 79969918.

L-Għammieri – numru ta’ klieb

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21563 u għal risposta għall-mistoqsija parlamentari 21676, jista’ l-Ministru jispjega għaliex hija attribwita din iż-żieda qawwija ta’ kważi erbgħin kelb miżmuma ġewwa l-Għammieri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali joffri assistenza lil dawk l-annimali kollha fil-bżonn u wieħed ma jistax jattribwixxi raġuni partikolari li tiġġustifika ż-żieda ta’ 34 kelb ġewwa l-Għammieri bejn Settembru u l-14 ta’ Diċembru 2015.

Klieb – numri tal-mikroċippa

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista’ bin-numru tal-mikroċippa tal-106 kelb imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21676?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Animal Welfare – Ambulanza tal-Annimali – awditjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ awditjar jeżisti għas-servizz mogħti mill-Ambulanza tal-Annimali fi ħdan id-Dipartiment tal-Animal Welfare? X’tip ta’ records qed jinżammu tat-telefonati li jidħlu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lil-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-vetturi tal-ambulanza tal-annimali huma mgħammra bis-sistema tad-Datatrack u għaldaqstant, f’każ ta’ bżonn, l-użu tal-ambulanza jiġi awditjat u/jew sorveljat skont il-ħtieġa permezz ta’ dan il-mezz satellitari. It-telefonati relatati mal-ambulanza jitniżżlu fuq formoli apposta msejħa ‘Call Logs’ u dawn jiġu miżmuma fir-records tad-Direttorat.

Animal Welfare – Ambulanza tal-Annimali – log elettroniku tas-sejħiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jinżamm xi forma ta’ log elettroniku tas-sejħiet għall-assistenza biex ikun hemm traċċabilità rapida għal kull sejħa, u jekk humiex jinżammu d-dettalji kollha? X’mekkaniżmi superviżorji jeżistu, u kif qed jiġi vverifikat li s-sejħiet ikunu mwieġba mill-uffiċjali responsabbli mill-ambulanza tal-annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretajat Parlamentari d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali qed iżomm log elettroniku tas-sejħiet għall-assistenza u dan abbażi tal-informazzjoni kollha meħtieġa li tiġi miġbura mill-istess uffiċjali li jkunu fuq xogħol ta’ ambulanza ta’ emerġenza għall-annimali. Ġeneralment, kull telefonata li tidħol tiġi mwieġba jew mill-iskrivani waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju jew inkella mill-uffiċjali tal-istess ambulanza, madankollu hemm okkażjonijiet fejn iż-żewġ uffiċjali jkunu fuq xi operazzjoni ta’ salvataġġ u għal dawk il-ftit minuti mhux dejjem ikun possibbli li t-telefonata titwieġeb. Jekk wieħed jibqa’ jippersisti billi jerġa’ jċempel m’hemmx raġuni għalxiex l-uffiċjali ma jirrispondux it-telefonata. Il-verifika tal-ħidma tal-uffiċjali tal-ambulanza ssir permezz li wieħed ikun jista’ jqabbel il-log tat-telefonati mar-rapport tad-‘datatrack’ sabiex hekk wieħed jistabilixxi li x-xogħol seħħ hekk kif ġie rrapurtat. Qed inpoġġi Formola fuq il-Mejda tal-Kamra li turi d-dettalji kollha li jistgħu jintalbu b’rabta mas-sejħiet ta’ ambulanza ta’ emerġenza għall-annimali.

Ambulanzi tal-Annimali — uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika kemm-il uffiċjal ikun hemm jaħdmu f’kull ambulanza tal-annimali, il-grad tagħhom u kemm-il ambulanza tal-annimali jkun hemm operattiva waqt il-ħin tal-uffiċċju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari waqt il-ħin tal-Uffiċċju, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jkollu vettura waħda f’Malta b’żewġ uffiċjali li jservu l-eżiġenzi ta’ Ambulanza ta’ Emerġenza għall-Annimali. Madankollu, jekk ikun hemm uffiċjali oħra fuq ispezzjonijiet u jinqala’ xi każ li jirrikjedi l-preżenza ta’ jew aktar uffiċjali, allura vettura ambulanza oħra u t-tagħmir tagħha jiġu utilizzati skont il-bżonn sabiex l-għan aħħari jintlaħaq. Normalment, l-uffiċjali mqabbda mid-Direttorat għal dan il-għan ikollhom grad ta’ skala 12 iżda jkun hemm ċirkostanzi fejn uffiċjal fi gradi ta’ livell anqas jew għola jiġu mqabbda jassistu u jwettqu servizz b’rabta max-xogħol tal-ambulanza taħt direzzjoni u struzzjonijiet mogħtija mis-superjuri tagħhom abbażi ta’ Kapitlu 439 tal-Liġijiet ta’ Malta. Sadanittant tajjeb wieħed jgħid li ftit tal-gimgħat ilu t-tielet ambulanza li kellu d-Dipartiment ingħatat lill-Ministeru għall-Għawdex sabiex dan ikun jista’ joffri s-servizz ġewwa Għawdex.

Ambulanzi tal-Annimali – uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika kemm-il uffiċjal ikun hemm jaħdem f’kull ambulanza tal-annimali, il-grad tagħhom u kemm-il ambulanza tal-annimali jkun hemm operattiva wara l-ħin tal-uffiċċju, is-Sibtijiet, il-Ħdud u fi btajjel Pubbliċi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari s-sistema użata mill-Animal Welfare għal wara l-ħinijiet tax-xogħol, Sibtijiet, Ħdud u festi hija simili għal dik użata waqt il-ħin tax-xogħol u li dwarha diġa ngħataw dettalji fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22950.

Annimali – assistenza – proċeduri dwar maniġġjar tas-sejħiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux proċeduri bil-miktub dwar kif għandhom jiġu mmaniġġjati s-sejħiet għall-assistenza lill-annimali mill-ambulanza tad-Direttorat? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja ta’ tali proċeduri fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi dokument forma ta’ Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Servizz tal-1717 – receptionists

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tal-1717 humiex immaniġġjata minn receptionists il-ħin kollu? Fejn jidħlu s-sejħiet għall-assistenza u kif jiġu mmaniġġjati s-sejħiet tal-assistenza li jidħlu fuq din il-linja?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, f’dan l-istadju s-Servizz tal-1717 li ġie mniedi taħt din l-amministrazzjoni, b'inizjattiva tal-istess Segretarjat fi ħdan dan il-Ministeru, m’għandux bżonn li jkun immaniġġjat minn receptionist ad hoc u lanqas m’hemm il-bżonn li wara l-ħin tal-uffiċċju u nhar ta’ Sibtijiet, Ħdud u Festi Pubbliċi, ikun hemm uffiċjali stazzjonati ġewwa xi uffiċċju nkarigati biex jirrispondu t-telefonati li jidħlu. Fost il-ġimgħa bejn 08:00 u 16:00, meta wieħed iċempel 1717, it-telefonata tgħaddi fuq xi wieħed min-numri tal-uffiċċju. Mill-uffiċċju, l-iskrivani li jieħdu t-telefonati jevalwaw il-każ u dawk il-każijiet relatati ma’ emerġenzi jgħadduhom direttament lill-uffiċjali tal-ambulanza. Wara l-ħin tal-uffiċċju, it-telefonati jgħaddu direttament fuq il-mowbajl tal-ambulanza bin-numru 79969918.
Leg 12 PQ #21679 Sitting 341 2015-12-16 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – DNOs u Full Development Permits – xelter għaż-żwiemel fi Ġnien Howard fl-Imdina

Question

Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi kollha inkluż id-Development Notification Orders (DNOs) u l-Full Development Permits maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-istallazzjoni ta’ xelters għaż-żwiemel u xogħlijiet oħra relatati ma’ xelters għaż-żwiemel matul il-perjodu li jkopri Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, li l-istess Awtorità approvat full application waħda u erbatax-il Developement Notification Order għal żvilupp relatat ma’ xelters għaż-żwiemel minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal –Kamra l-permessi ta’ kull waħda.

Tħaffir u xogħlijiet għall-istallazzjoni ta’ xelters għaż-żwiemel

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-permessi jew awtorizzazzjonijiet maħruġa mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali għal tħaffir u xogħlijiet oħra relatati ma’ stallazzjoni ta’ xelters għaż-żwiemel matul il-perjodu li jkopri Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Bejn il-perjodu Marzu 2013 u l-11 ta’ Diċembru 2015 s-Sovrintendenza awtorizzat 10 permessi għal tħaffir u xogħolijiet relatati ma’ stallazzjoni ta’ xelters għaż-żiemel. Disa’ awtorizzazzjonijet minn dawn kienu għal trial pits esploratorji biss. Dawn id-disa’ permessi jirrigwardjaw road work permits maħruġa minn Transport Malta. F’kull każ kien impost monitoring. Każ wieħed minn dawn l-għaxra kien DNO għal xelter u settling tank. Dan ix-xelter sar ħdejn bieb l-Imdina u sar mid-Dipartiment tar-Restawr għan-nom tal-Kunsill Lokali tal-Imdina. Dan il-permess kien approvat b’kundizzjoni ta’ monitoring. Kopja tad-DNO qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Fl-2012 is-Sovrintendenza approvat erba' permessi u rrifjutat applikazzjoni waħda. Mill-erba' permessi approvati, tlieta kienu road works permit ta’ Transport Malta għal trial pit biss, u ieħor kien full development permit tal-MEPA għal xelter, fossa u sinjali tat-triq (road markings). Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-approvazzjonijiet maħruġa mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali għal tħaffir u xogħolijiet oħra relatati ma’ stallazzjoni ta’ xelters għaż-żwiemel għall-perjodu bejn l-2012 u l-2013.

Annimali perikolużi – Lista

Question

B’referenza għall-intervista li ngħatat minn uffiċjal fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali u li ġiet ippublikata fil-ġurnal lokali Times of Malta tad-9 ta’ Diċembru 2015 dwar annimali perikolużi li ż-żamma tagħhom se tiġi pprojbita permezz ta’ regolamenti li se jinħarġu, jista’ l-Ministru jispjega għaliex ġiet elenkata l-ispeċi Thylacine iktar magħrufa bħala t-Tasmanian Tiger jew Tasmanain Wolf bħala speċi perikolużi meta din l-ispeċi ilha estinta mis-sena 1937? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, abbozz ta’ din l-istess lista ta’ annimali perikolużi? Min hu responsabbli biex ifformula din il-lista?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-lista li qed jagħmel riferenza għaliha l-Onor. Interpellant għadha fi stadju ta' abbozz u għalhekk mhijiex finali. Però jkun tajjeb jekk l-Onor. Interpellant jinnota li fl-amministrazzjoni preċedenti, proprjament fl-2010, legiżlazzjoni simili bħal din kienet abbozzata u kienet tinkludi lista ta' annimali li l-esperti ta' dak iż-żmien u li għadhom hemm illum, inkludew dan l-annimal. Hija stramba u ħasra l-ħaġa li, minkejja li f'dak iż-żmien bdew ifaqqsu stabbilimenti u kollezzjonijiet privati għaż-żamma ta' dawn it-tip ta' annimali, għal xi raguni jew oħra, din il-liġi qatt ma rat id-dawl tax-xemx. Naħseb li l-Onor. Interpellant jaqbel illi kieku l-amministazzjoni preċedenti kellha l-kuraġġ li timbotta biex l-affarijiet ikunu regolati kif suppost kieku llum qiegħdin f’pożizzjoni aħjar. Dan il-Gvern għandu l-kuraġġ li l-Gvern ta’ qabel ma kellux u għalhekk qed jimbotta din il-liġi. Iżda li l-Onor. Interpellant jaqbad fuq xi ħaġa purament teknika sabiex jipprova b’xi mod joskura jew joffuska x-xogħol siwi li qed jagħmel il-Gvern mhix aċċettabbli. Jien qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-abbozz li għandna s’issa fuq il-materja iżda nistenna li l-Onor. Interpellant japprezza li din il-lista għadha abbozz u fl-istess waqt nistiednu sabiex jekk għandu xi rakkomandazzjoni x’jagħmel iressaqilna u nwiegħduh li din tingħata il-kunsiderazzjoni li jixirqilha.

Santwarju tal-Annimali — definizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi d-definizzjoni ta’ Santwarju tal-Annimali? Kemm hemm santwarji tal-annimali li s’issa applikaw għal-liċenzja? Kemm-il liċenzja għal santwarju tal-annimali nħarġet s’issa? Kemm saru spezzjonijiet f’santwarji tal-annimali s’issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 439.14 tiddefinixxi santwarju ta’ annimali f'regolament 2. Infurmat ukoll li m’hemm l-ebda santwarju tal-annimali li applika għal-liċenzja u ma saret l-ebda spezzjoni f’santwarju tal-annimali s’issa.

Boarding Kennels — definizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi d-definizzjoni ta’ boarding kennel? Kemm hemm boarding kennels li s’issa applikaw għal-liċenzja? Kemm-il liċenza ta’ boarding kennels inħarġet s’issa? Kemm saru spezzjonijiet f’boarding kennels s’issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-Legiżlazzjoni Sussidjarja 439.15 tiddefinixxi ’boarding kennels’ f'regolament 2 . Infurmat ukoll li hemm stabbiliment wieħed li kien applika għal-liċenzja u nħarġitlu liċenzja ta’ ‘boarding kennel’. S’issa saru żewġ spezzjonijiet fuq l-istess stabbiliment.

Annimali – speċi fil-petting farms ta’ Ta’ Qali, Family Park u fl-Għammieri

Question

Jista’ l-Ministru jagħti separatament, kemm hemm speċi ta’ annimali, is-sess, bl-età u n-numru tagħhom fl-Għammieri, fil-petting farm f’Ta’ Qali u fil-Family Park f’Wied il-Għajn fil-preżent? Min hu s-sid ta’ dawn l-annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

MEPA – permessi għat-tħaffir għal Xelter għaż-Żwiemel fi Ġnien Howard fl-Imdina

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi kollha inkluż il-permessi tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), il-permess ta’ tħaffir fit-toroq maħruġ minn Transport Malta, kif ukoll il-permess maħruġ mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali relatat mal-istallazzjoni ta’ xelters għaż-żwiemel inkluż dawk relatati ma’ xogħol li qed issir preżentament fi Ġnien Howard fl-Imdina matul il-perjodu li jkopri Marzu 2014 sal-ġurnata tal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Transport Malta – permessi għat-tħaffir għal Xelter għaż-Żwiemel fi Ġnien Howard fl-Imdina

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi kollha inkluż il-permessi tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), il-permess ta’ tħaffir fit-toroq maħruġ minn Transport Malta, kif ukoll il-permess maħruġ mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali relatat mal-istallazzjoni ta’ xelters għaż-żwiemel inkluż dawk relatati ma’ xogħol li qed issir preżentament fi Ġnien Howard fl-Imdina matul il-perjodu li jkopri Marzu 2014 sal-ġurnata tal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – annimali miġbura

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19649, fid-dokument impoġġi fuq il-mejda Tabella C, kolonna ħmistax u kolonna għoxrin, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu il-201 “annimali oħra” fil-bidu tax-xahar u kif ukoll 201 “annimali fl-aħħar tax-xahar” imsemmija f’kull xahar minn Mejju 2013 sa Diċembru 2015 miżmuma mid-Direttorat tal-Animal Welfare? Jista’ l-Ministru jipprovdi lista’ ta dawn il-201 annimali speċi bi speċi u kif ukoll jgħid fejn huma miżmuma fil-preżent? Jista’ l-Ministru jispjega kif dawn il-201 annimal ma ġewx imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20891 fejn il-Ministru intalab jagħti rendikont tan-numru ta’ annimali li qed jinżammu f’kull post separatament u li qegħdin fil-pussess tad-Direttorat tal-Animal Welfare?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-Tabella korretta għall-Mistoqsija Parlamentari 19649.

Għalf u Prodotti Nutrizzjonali

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 20892, jista’ l-Ministru jispjega għaliex kien hemm żieda daqshekk sostanzjali fl-ispejjeż relatati max-xiri tal-għalf mid-Direttorat tal-Animal Welfare fejn il-kontijiet telgħu għall-€5,111.76 f’Diċembru 2104, €4,677 f’Marzu 2015, €3,285.20 f’Mejju 2015, €4,638.60 f’Lulju 2015, €6,079.40 f’ Awissu 2015, € 4,566.20 f’Settembru 2015, u €4,176.60 f’Ottubru 2015 rispettivament? Kif jista’ il-Ministru jiġġustifika dawn l-ispejjeż meta n-numru ta’ annimali fil-pussess tad-Direttorat, il-figuri jindikaw li spiża ta’ għalf b’rata ta’ €27.51 kull annimal fix-xahar f’Marzu 2015 u €25.76 kull annimal fix-xahar f’Awissu 2015 meta kkumparat ma' rata ta’ €7.75 kull annimal fix-xahar f’Settembru 2014? X’passi ser jittieħdu f’dan r-rigward? Ser issir investigazzjoni indipendenti mill-Internal Audit and Investigations Department (IAID) biex tivverifika din id-diskrepanza sostanzjali u biex tivverifika jekk kienx hemm abbużi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li skont id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ż-żieda fl-ispejjeż tal-ikel hija primarjament dovuta għall-bidla fir-reġim ta’ kif jingħataw l-ikel l-annimali li jżomm id-Dipartiment li b’riżultat t’hekk l-annimali qed jingħataw aktar ikel. Sadanittant saret talba lill-Internal Audit and Investigations Department (IAID) sabiex jagħmel audit tas-sistemi relatati.