Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — lista' ta' xogħlijiet/konsulenzi/rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — lista' ta' xogħlijiet/konsulenzi/rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — lista' ta' xogħlijiet/konsulenzi/rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbad jagħmel l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ħal Għaxaq — Skola Primarja – attività fiżika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ħafna drabi mhux qed issir lezzjoni tal-attività fiżika (PE) barra l-klassi fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-attività fiżika fl-iskola indikata mill-Onor. Interpellant dejjem issir fil-bitħa, għajr għal ġranet ta' xita u meta fil-bitħa tal-iskola jkun hemm xi xogħlijiet għaddejjin li jistgħu jkunu ta' periklu għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal.

Annimali miġbura mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numru ta’ annimali miġbura mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali mill-perijodu li jkopri Novembru 2015 sal-ġurnata tal-lum? Kemm minn dawn l-annimali ngħataw kura veterinarja? Kemm minnhom mietu u kemm minnhom baqgħu ħajjin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi kull annimal li jinġabar mill-uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jingħata l-kura veterinarja meħtieġa. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Spejjeż relatati ma’ servizzi provduti minn veterinarji

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ispejjeż relatati ma’ servizzi provduti minn veterinarji matul il-perijodu li jkopri Novembru 2015 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jelenka dawn l-ispejjeż skont id-data meta ġie provdut dan is-servizz, l-ispeċi tal-annimal u n-numru tal-mikroċippa, u l-ispejjeż dovuti għas-servizz mogħti għal kull annimal?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi mis-17 ta’ Frar 2016 is-servizz veterinarju provdut mill-kumpanija li rebħet il-kuntratt għall-immaniġġjar ta’ Ċentru San Franġisk huwa b’xejn skont il-provvedimenti tal-istess kuntratt. Għaldaqstant, qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Mediċini li nxtraw mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-mediċini li nxtraw mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum segregati sena b’sena inkluż l-isem propjetarju tal-mediċina, il-prinċipju attiv, kif ukoll l-ammonti mixtrija u l-valur tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-mediċina fl-imgħoddi kienet tingħata bi spejjeż addizzjonali minn Ċentru San Franġisk u tgħaddi għand id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali flimkien mal-annimal hekk kif ikun qed jingħata l-kura u t-trattament neċessarju. Ninsab infurmat ukoll li fl-2015 id-Direttorat iddeċieda li jixtri l-mediċina neċessarja bi spiża inqas minn qabel. Għaldaqstant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Park Nazzjonali tal-Inwadar – permess għall-kaċċa u l-insib

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser ikun permess li ssir kaċċa jew insib minn kaċċaturi jew nassaba liċenzjati fil-Park Nazzjonali tal-Inwadar? F’dan ir-rigward saru xi diskussjonijiet mal-organizzazzjonijiet konċernati kemm dwar il-kaċċa u kif ukoll mal-eNGOs?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, wara t-tfassil tal-Qafas ta’ Pjan għat-Tmexxija tal-Park tal-Inwadar mill-isteering committee imwaqqaf b’dan il-għan, dan id-dokument kien miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika u l-kummenti li daħlu qed ikunu studjati mill-istess kumitat. Ninsab infurmat ukoll li kif diġà ngħad, il-Qafas tal-Pjan għat-Tmexxija tal-Park tal-Inwadar jgħid ċar li kemm ix-xogħol fir-raba’ kif ukoll delizzji prattikati fiż-żoni tal-Park se jitħallew isiru, dejjem jekk dawn isiru f’konformità mal-liġi. Matul it-tfassil tal-pjan saru wkoll laqgħat ma’ numru ta’ stakeholders kif ukoll laqgħat oħrajn pubbliċi fosthom f’Ħaż-Żabbar, laqgħa li għaliha kont preżenti jien, kif ukoll fix-Xgħajra u f’Marsaskala.
Leg 12 PQ #24713 Sitting 377 2016-04-18 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Servizz ta’ ambulanza tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta beda jopera s-Servizz tal-Ambulanza tal-annimali f’Għawdex? Kemm-il ambulanza qed topera u minn x’ ħin sa x’ħin din qiegħda tkun operattiva?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li fil-Ministeru għal Għawdex hemm servizz ta’ ambulanza waħda li bdiet topera ġewwa Għawdex fil-5 ta’ Novembru 2015. Il-ħinijiet li din qed topera huma mit-Tnejn sal-Gimgħa, bejn is-7.00a.m. u l-4.00p.m.

Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji – annimali li ddaħħlu f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk annimali li ddaħħlu f’Malta mingħajr id-dokumentazzjoni neċessarja u mingħajr approvazzjoni tad-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji u kif ukoll dawk mingħajr notifikazzjoni fis-sistema tat-Trade Control and Expert System (TRACES) humiex se jitqiesu konformi mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar il-movimenti tal-annimali meta dawn jiġu rreġistrati taħt ir-Regolamenti tal-2016 dwar il-Pussess u ż-Żamma ta’ Annimali Perikolużi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi r-Regolamenti tal-2016 dwar il-Pussess u ż-żamma ta’ Annimali Perikolużi ġew ippublikati taħt is-setgħat tal-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali u jirregolaw il-mod kif l-annimali għandhom jiġu mħarsa, mitmugħa, misqijin, imdewwa u mgħallma u l-kwalifiki tal-persuni li jkunu responsabbli għal dan. Ninsab infurmat ukoll li bħalma huwa msemmi fl-istess Avviż Legali r-reġistrazzjoni taħt dawn ir-regolamenti ma jillimitawx, jissostitwixxu jew jeskludu l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe liġijiet jew regolamenti oħra inklużi dawk relatati mal-kummerċ, il-moviment jew l-importazzjoni ta’ annimali inkluz KE338/97 u KE865/2006.

Annimali li ddaħħlu f’Malta mingħajr dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk annimali li ddaħħlu f’Malta mingħajr id-dokumenti neċessarji tas-CITES (Convention on International Trade in Endangered Species of Wild Fauna and Flora) humiex se jitqiesu konformi mar-Regolamenti (KE) Nru 338/97 u Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 mill-uffiċċju CITES fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) meta dawn jiġu reġistrati taħt ir-Regolamenti tal-2016 dwar il-Pussess u ż-Żamma ta’ Annimali Perikolużi?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal-Mistoqsija Parlamentari 24540.
Leg 12 PQ #24542 Sitting 374 2016-04-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Annimali li ddaħħlu f’Malta mingħajr dokumenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk annimali li ddaħħlu f’Malta mingħajr id-dokumenti neċessarji tas-CITES (Convention on International Trade in Endangered Species of Wild Fauna and Flora) humiex se jitqiesu konformi mar-Regolamenti (KE) Nru 338/97 u Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 mill-uffiċċju CITES fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) meta dawn jiġu reġistrati taħt ir-Regolamenti tal-2016 dwar il-Pussess u ż-Żamma ta’ Annimali Perikolużi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru konċernat .

Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji – nagħaġ, mogħoż u bovini mhux identifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu nagħaġ, mogħoż, u bovini mhux identifikati u rreġistrati mad-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji matul il-perijodu li jkopri Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Servizz tal-1717 – qtugħ fl-operat

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk is-sistema tas-servizz 1717 kenitx operattiva nhar is-Sibt 20 ta’ Frar, bejn is-7 ta’ filgħodu u s-1 ta’ wara nofsinhar? Jekk is-sistema ma kenitx operattiva, inħarġet notifika uffiċjali lill-pubbliku, kif inhu mifhum fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22956?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li l-qtugħ tal-linja 1717 fid-data msemmija ġiet imħabbra lill-pubbliku permezz tal-mezzi tax-xandir u l-mezzi tal-midja soċjali. Ninsab infurmat ukoll li s-servizz tal-ambulanza baqa’ għaddej b’mod normali billi minflok 1717 il-pubbliku beda jċempel fuq in-numru alternattiv li għalih diġà saret referenza fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 22956.

Direttorat tal-Animal Welfare – investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex id-Direttorat tal-Animal Welfare dam fuq xahrejn biex investiga u ma ittieħdux passi propizji f’każ ta’ żiemel li allegatament qiegħed jiġi miżmum ħażin u li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament? Jista’ jaċċerta li jekk s’issa għadhom ma ttieħdux passi, jittieħdu passi biex jiġi investigat dan ir-rapport? Jekk hemm bżonn, jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji biex dan iż-żiemel ma jkomplix ibati? Billi dak li bagħat ir-rapport qed jgħid li ilu xahrejn jirraporta dan l-każ mingħajr ma jittieħdu l-passi neċessarji mill-Animal Welfare, jista’ jitlob lill-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali biex jinvestiga dan il-każ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi d-Direttorat tal-Animal Welfare jkollu diversi sejħiet biex jinvestiga każijiet ta’ allegat moħqrija tal-annimali u għaldaqstant trid tingħata attenzjoni xierqa lil dawk il-każijiet li jkunu jirrikjedu attenzjoni aktar urġenti minn oħrajn. Id-Direttorat sar jaf bil-każ permezz ta’ telefonata nhar il-21 ta’ Jannar 2016 fejn ma kellu ebda deskrizzjoni tas-sitwazzjoni jew ritratti tal-annimal. Minħabba prijoritajiet ta’ każijiet li skont l-informazzjoni li ngħatat ikunu jeħtieġu azzjoni mmedjata u xogħol ieħor relatat ma’ follow ups, l-uffiċjali tad-Direttorat wettqu spezzjoni fuq il-post nhar it-3 ta’ Marzu 2016. Id-debba ma kinitx fi stat ħażin ta' saħħa u fuq il-post ġew innutati xi elementi relatati maż-żamma tagħha u għalhekk is-sid intalab jindirizza din is-sitwazzjoni. L-għada li saret din l-ispezzjoni, jiġifieri il-Ġimgħa 4 ta’ Marzu 2016, raġel Malti, il-persuna li kienet is-sid oriġinali ta' din il-bhima u li kienet għadha rreġistrata fuqu, għamel kuntatt mal-persuna Għawdxija li kienet qed iżżommha f’post fix-Xewkija Għawdex, u għamel l-arranġament neċessarju sabiex din tittieħed lura Malta u tingħata lil organizzazzjoni volontarja li taħdem maż-żwiemel. Fid-dawl ta’ dan kollu, m’hemmx ħtieġa li ssir xi forma ta’ investigazzjoni ulterjuri dwar dan il-każ u għalhekk dan il-każ ingħalaq.

Direttorat tal-Animal Welfare – moħqrija tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex id-Direttorat tal-Animal Welfare dam biex jieħu passi fl-allegat każ ta’ moħqrija ta’annimali miżmuma f’residenza fl-Imsida u li d-dettalji ta’ dan il-każ qed jingħataw separtament? Jista’ jinvestiga dan il-każ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li mhux minnu li l-każ in kwistjoni dam ma jkun investigat. Wara l-intervent li sar mid-Direttorat tal-Animal Welfare l-ammont ta’ annimali li għad fadal fir-residenza in kwistjoni issa naqas għal kelb u tlett iqtates kif ikkonfermat wara spezzjoni li saret fis-16 ta Marzu fejn irriżulta li dawn qed jinżammu b’mod tajjeb u kkurat u dan grazzi għall-ħidma, involviment dirett u superviżjoni tal-familjari ta’ sid l-annimali. Ninsab infurmat li d-Direttorat tal-Animal Welfare ser iħalli ftit ta’ żmien jgħaddi u jerġa’ jżur ir-residenza privata biex jara li l-annimali għadhom jinżammu f’kundizzjonijiet xierqa.

Direttorat tal-Animal Welfare – każ ta’ miżbla f’Ħal Luqa

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’passi qed jieħu d-Direttorat tal-Animal Welfare fl-allegat każ ta’ miżbla f’Ħal Luqa fejn allegatment qed jinżammu klieb fi stat ħażin u li rapport dwar dan il-każ deher ukoll fil-ġurnal The Times of Malta tas-17 ta’ Marzu taħt l-artikolu ntitolat“Animal Welfare Department probing Luqa mystery dump”?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li fis-16 ta’ Marzu qabel ma deher il-każ fuq il-gazzetti, id-Direttorat tal-Animal Welfare kien diġà għamel l-ewwel spezzjoni fuq il-post. Ninsab infurmat ukoll li l-każ għadu qed jiġi investigat u se jittieħdu l-passi neċessarji sabiex ikun żgurat li l-annimali jinżammu kif jixraq.

Bus depots

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bus depots u fejn qegħdin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b'kollox, l-operatur tat-trasport pubbliku jagħmel użu minn tliet faċilitajiet ġewwa Malta u faċilitaà oħra ġewwa Għawdex bħala depots. Dawn il-faċilitajiet jinsabu ġewwa l-Floriana Park and Ride, il-Marsa Park and Ride, iċ-Ċirkewwa u ir-Rabat Għawdex.

Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji– liċenzja ta’ żoo

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk inħargitx liċenzja ta’ żoo skont ir-regolamenti dwar iż-żoos mid-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji għal żoo li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija liċenzja?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi ma nħarġet l-ebda liċenzja mid-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji għal dan l-istabbiliment imsemmi.

Lista ta’ żoos liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ żoos li huma preżentement liċenzjati skont l-Avviż Legali 265 tat-2003?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi sal-ġurnata tal-lum hawn ħames stabbilmenti żooloġiċi li huma liċenzjati skont l-avviż legali 265 tal-2003 kif emendata bl-avviż legali 426 of 2007. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.