Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni biex jerġa’ jinfetaħ ir-Reeds Club li kien hemm Wied il-Għajn u li issa ilu magħluq għal xi 8 snin? Billi beda x-xogħol ta’ tindif fuq il-post imsemmi, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekksaritx applikazzjoni u jekk inħariġx il-permess?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab nfurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li ma jirriżultax li kien hemm xi applikazzjoni għal żvilupp fl-imsemmi sit f’dawn l-aħħar tmien snin. Għal tindif ta’ lok diġà żvillupat ma hemmx bżonn ta’ permess ta’ żvilupp.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda tal-impjegati mad-Dipartiment tal-Animal Welfare mill-elezzjoni ‘l hawn u għal kull wieħed minn dawn l-impjegati jgħid minn fejn ġie? X'kien ix-xogħol li kien jagħmel qabel kull impjegat qabel ma ġie trasferiet jew impjegat mad-Dipartiment tal-Animal Welfare?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li mill-11 ta' Marzu 2013 sal-5 ta' Ottubru 2016 fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali kien hemm żieda ta’ 10 ħaddiema. Il-kumplament tal-informazzoni mtluba qed titpoġġa f’tabella fuq il-mejda tal-kamra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Transport Malta hux qed tikkunsidra taxxa fuq it-traffiku kif ġie rrapurtat f'sezzjoni tal-istampa? Billi Plan A u Plan B kienu mħabbra mill-istess Ministru, allura din it-taxxa se tkun Plan C?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif imħabbar fid-diskors tal-budget 2017, mhu ser tiġi ntrodotta l-ebda forma ta’ taxxa fuq it-traffiku.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kontra min spara jew qed jispara fuq ħamiem fiż-Żejtun? Apparti li din it-tattika li toqtol il-ħamiem hija kkunsidrata bħala moħqrija u inumana, jista' jgħid jekk hemmx metodri oħra aċċettati internazzjonalment fejn il-ħamiem tagħtih ikel b'kontraċettiv? Jaf li l-ħamiem spiċċa jaqa' nofsu mejjet fi proprjetà tan-nies?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 24335.
Jista’ l-Ministru, permezz tal-iStatementing Board jara u jiddeċiedi fuq każ ta’ tifel autistic li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li sal-lum kellu shared Learning Support Assistant u issa qed issir talba li ilha sentejn pendenti biex ikollu Learning Support Assistant għalih waħdu, liema talba saret kemm mill-ġenituri kif ukoll mill-istess Kap ta’ Skola? Fid-dawl li din it-talba ilha sentejn pendenti, jista’ jara li dan il-każ jiġi deċiż qabel il-bidu tas-sena skolastika li jmiss?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li dan il-każ deher quddiem l-iStatementing Moderating Panel f’Awwissu li għadda u t-tifel ser ikollu Full Time One to One Support.
Żejtun – Triq tal-Barrani – central strip – barrier tal-ħadid
Question
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li ssir barrier tal-ħadid fis-central strip li hemm taqsam iż-żewġ lanes fi Triq tal-Barrani, iż-Żejtun u dan fid-dawl tad-diversi inċidenti li seħħew f’din it-triq fejn karozzi jitilfu l-kontroll u jaqbżu għal-lane l-oħra bil-konsegwenza li jiġu head on ma’ min ikun għaddej għall-affari tiegħu fil-lane l-oħra? Billi s-central strip hi pjuttost baxxa u tinqabeż malajr, jista’ l-Ministru jikkunsidra dan is-suġġeriment?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li xogħlijiet bħal dawn isiru abbażi ta' prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist.
Jista’ l-Ministru ġentilment jara għaliex dan il-pazjent li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li hu insulin-dependent diabetic ma baqax jingħata l-aqueous cream li kien juża għall-saqajh u li ilu jieħu għall-snin twal? Billi dan ir-raġel jgħix bil-pensjoni, jista’ l-Ministru ġentilment jitlob lil xi ħadd jindaga dan il-każ?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2012, l-gvern ta’ dak iz-zmien kien biddel l-entitlement ta’ pazjenti li jbatu bid-dijabete, b’konsegwenza ta’ dan meta skadewlhom l-permessi numru ta’ pazjenti tilfu xi beneficcji li kellhom access ghalihom qabel. Fil-Budget ta’ ftit granet ohra l-gvern bi hsiebu jindirizza din is-sitwazzjoni sabiex pazjenti bid-dijabete jergaw jakkwistaw beneficcji li kienu gew mcahhda minnhom mill-gvern precidenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda mat-tindif tat-toroq mill-elezzjoni ‘l hawn? Xi grad għandhom u x’inhi l-ispiża addizzjonali għad-dipartiment kull sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li fis-sena 2014 iddaħħlu 80 persuna sabiex isir tindif f’żoni turistiċi.
Ftit tal-ġranet ilu ġew ingaġġati 40 persuna oħra sabiex iwettqu xogħol ta’ tindif fuq il-bajjiet u dan qed isir biex tingħata spinta nazzjonali fit-tindif ġenerali tal-pajjiż.
Il-ħaddiema kollha ġew ingaġġati fil-post ta’ labourer, u dan ir-reklutaġġ sar minħabba r-rata tal-irtirar għolja fid-Direttorat, kif ukoll minħabba żieda sostanzjali fit-talbiet għat-tindif mill-pubbliku inġenerali.
L-ispiża kull sena kienet kif ġej :
2014 € 366,320
2015 € 766,000
2016(sas-6 ta’ Ottubru) € 918,153
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26184, jista' l-Ministru jaċċerta li tinstab soluzzjoni immedjata għall-problema ta' klieb li qed jitħallew fil-garaxx tal-Catamaran (l-isem tal-operatur qed jingħata separatament) li jaħdem bejn Malta u Sqallija, minħabba l-fatt li aktar kemm tisħon il-klima, aktar qed jikber ir-riskju tal-klieb li qed jiġu ordnati b'mod abbużiv li jibqgħu fil-karozzi fil-garaxx b'riskju ta' heat stroke li tista' tkun fatali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Kap 439 tal-Liġijiet ta’ Malta dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali jimponi lill-operatur sabiex jevita kull forma ta’ periklu li jista’ b’xi mod joħloq tbatija bla bżonn lill-annimal. Il-liġi tgħid ċar ukoll, li sidien li jkunu qed iġorru magħhom pets huma wkoll responsabbli li jaċċertaw li l-annimali tagħhom huma b’saħħithom biżżejjed biex jivjaġġaw u li jekk dawn jitħallew ġol-karozza għandhom jiżguraw li għandhom ċirkolazzjoni tal-arja. Id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja qiegħed jissuġġerixxi modi sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tat-trasport fil-waqt li jevalwa u jinvestiga każijiet fejn dan ma’ jseħx għad-detriment tal-annimali.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hux infurmat li klieb li jkunu ma' persuni li jivvjaġġaw fuq il-catamaran li jopera bejn Malta u Sqallija, l-isem tal-operatur qed jintbagħat b'mod separat, qed jitħallew fil-garaxx għax l-operatur qed jinsisti li jitħallew biss fil-garaxx fejn ikun hemm sħana kbira u hemm riskju kbir li l-klieb ibatu jew saħansitra jmutu b'heat stroke? Billi dan hu każ ta' moħqrija fuq l-annimali u billi r-riskju fuq dawn il-klieb se jkompli jiżdied fix-xhur sħan li ġejjin, jista' l-Ministru ġentilment jieħu passi li tagħtih il-liġi biex din is-sitwazzjoni tiġi solvuta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja huwa konxju ta’ din is-sitwazzjoni. Bħalissa fil-fatt qiegħda tiġi evalwata l-policy tal-operatur biex jassigura l-aħjar kundizzjonijiet ta’ Animal Welfare waqt it-traġitt bil-baħar.
Jista’ l-Minustru jikkonferma li l-Gvern biħsiebu jkompli jixtri is-sodod mill-privat u li anzjani li huma fuq l-iskema ta’ Public Private Partnership fi djar tal-anzjani se jibqgħu jiġu sostnuti mill-Gvern?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi, il-Gvern ħejja pjan fit-tul kemm biex tkun indirizzata d-domanda preżenti kif ukoll dik li hemm proġettata għal futur.
Animal Welfare –annimali li jitraqqdu mingħajt il-kunsens tas-sid
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn qattusa li nġabret minn St Joseph Ward 10 fir-Residenza San Vinċenz de Paule il-Ħadd 29 ta’ Mejju wara li n-nurses u l-istaff ta' din is-sala li kienu jieħdu ħsiebha ċemplu lill-Animal Welfare għax dehret ma tiflaħx, u fejn l-istess nurses kellhom jerġgħu jċemplu l-għada t-Tnejn biex jaraw kif għaddiet, qalulhom li l-qattusa spiċċat imraqqda mingħajr ma kienu ġew infurmati n-nurses? Ladarba l-istaff ta’ din is-sala kienu qed jieħdu ħsieb din il-qattusa għal żmien twil u ladarba li s-sidien tal-qattusa kienu identifikabbli għaliex din il-qattusa qabdet u traqqdet mingħajr ma ġew infurmati n-nurses? Billi din il-ħaġa qed tiġri ta’ spiss fejn annimal li s-sid tiegħu jkun identifikabbli mill-Animal Welfare, dawn xorta qed jaqbdu u jraqqdu l-annimal (anke jekk dan isir permezz ta’ veterinarju mqabbad minnhom) mingħajr ma jiġi infurmat is-sid, jista’ l-Ministru jinterveni biex jara li din il-prattika li qed tirrabja ħafna nies u NGO's li jħobbu l-annimali, tieqaf minnufih? Japprezza li min ikollu annimal, dan isir parti mill-familja tiegħu u allura għandu jingħata ċ-ċans li jieħu a second professional opinion qabel dan l-annimal jitraqqad mill-Animal Welfare (jew veterinarju imqabbad mill-Animal Welfare) mingħajr ma jiġi infurmat is-sid?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Jidher li l-Onor. Interpellant jew irid jippolitiċizza xi ħaġa li għandha tkun lil hinn mill-politika jew inkella, wara dawn is-snin kollha li ilu mwaqqaf d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali għadu ma jafx li dan id-Direttorat mhux qiegħed hemm biex jagħti servizz ta’ veterinerija lill-terzi iżda qiegħed hemm biss biex jiġbor annimali tat-triq ċioè ‘strays’ li ma jkollhomx sid. Hija ħasra li nippruvaw nirkbu l-karru tas-sensazzjonaliżmu biex nippruvaw niskurjaw punti politiċi.
F’dan il-kuntest kull meta d-Direttorat jiġbor annimal dan jassumi r-responsabbiltà sħiħa tiegħu skont il-liġi u ħadd iktar ma jkollu jedd fuqu, għajr meta persuna li tagħti prova li tkun sid l-annimal tagħmel talba għalih, f’liema każ l-annimal jingħata lura lis-sid wara li dan iħallas l-ispejjeż kollha relevanti inkluż tal-ambulanza. Jekk ma jitħallsux l-ispejjeż l-annimal ma jingħatax lura u, sakemm ikun jista’ jitfejjaq, jinżamm mid-Direttorat sakemm jew jerġa’ jintelaq fl-ambjent naturali fejn instab jew jinżamm sakemm ikun jista’ jingħata lil xi NGO tal-annimali. Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem tajjeb li m’għandux ikun tollerat abbuż fejn sidien ta’ annimal minnflok jikkurawh huma skont il-liġi jċemplu lid-Direttorat tal-Animal Welfare sabiex wara li l-annimal ikun ikkurat dan jintalab lura u b’hekk is-sid jevita l-ispejjeż tal-kura. Min jagħmel hekk ikun qed jikser il-liġi. F’dan il-każ partikolari l-persuni li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant fl-ebda stadju ma qalu li huma kienu s-sid tal-annimal. Sadanittant ta’ min ifakkar li d-Direttorat isegwi protokol ċar meta jiġbor annimal mit-triq fosthom li l-annimal ikun eżaminat minn veterinarju sabiex ikun stabbilit jekk l-annimal hux marid, jekk jistax jitfejjaq u jekk inkella, minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, l-annimal għandux jitraqqad abbażi ta’ prattiċi professjonali ħalli dan ma jibqax ibagħti bla bżonn. Id-deċiżjoni aħħarija hija dejjem tal-veterinarju.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li fil-każ imsemmi l-qattusa sarulha testijiet fejn ġiet iċċertifikata mill-Veterinarju li fost affarijiet oħra rriżultat pożittiva għall-FIV li hi marda terminali li tittieħed minn qattus għal ieħor.
Sadanittant jekk l-Onor. Interpellant għandu xi suġġeriment x’jagħmel dwar kif il-veterinarju għandu jiddeċiedi l-każijiet li jkollu quddiemu, nitolbu jgħaddihomli wara li jkun ikkonferma dan.
Jista’ l-Ministru jara li jkun hemm investigazzjoni serja dwaril-kelb li nstab mejjet fir-Rabat u li rapport dwaru deher fuq The Times online tat-12 ta’ Mejju 2016, liema kelb aktarx ġie fgat? Min qed jinvestiga dan il-każ ta’ moħqrija? Ġie ċċekjat jekk il-kelb kienx chipped u jekk iva s-sid ġie interrogat mill-pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha sabiex tistabilixxi il-fatti dwar ir-rapport ta’ każ ta' moħqrija fuq kelb li allegatament nqatel wara li ġie fgat. Infurmat li peress li l-kelb tneħħa minn fejn kien, minn persuna/i s’issa mhux magħrufa qabel waslet il-pulizija, ma setax jiġi kkonfermat jekk dan kienx iccipjat jew le.
Jista’ l-Ministru jara li l-Animal Welfare u l-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jinvestigaw jew jaċċertaw li l-pulizija qed tinvestiga bis-serjetà l-każ ta’ moħqrija ta’ kelb li aktarx miet fgat fir-Rabat Malta, liema storja dehret fuq The Times Online tat-12 ta’ Mejju 2016? Ġie ċċekjat jekk il-kelb kienx chipped u jekk iva ġie identifikat sidu? Saret awtopsja fuq il-kelb biex tiġi stabbilita eżatt il-kawża tal-mewt?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li peress li l-karkassa tal-kelb laħqet tneħħiet minn xi ħadd mhux magħruf, id-Direttorat tal-Animal Welfare ma setax jara jekk kienx hemm microchip li permezz tagħha seta’ jkun identifikat sid il-kelb. Id-Direttorat għamel rapport lill-Pulizija u għamel ukoll appell sabiex kull min għandu xi informazzjoni jagħmel kuntatt mad-Direttorat jew mal-Pulizija anke b’mod kunfidenzjali, iżda kollu għalxejn. Fir-rigward tal-parti tal-mistoqsija li tikkonċerna lill-Pulizija, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba biex issir spezzjoni ġiet irċevuta mid-Direttorat tal-Animal Welfare sena b’sena minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jispeċifika kemm minn dawn l-ispezzjonijiet saru sena b’sena, u kemm minnhom ittieħdu passi legali dwarhom?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Internal Audit and Investigation Department — awditjar tax-xiri tal-għalf mid-Direttorat tal-Animal Welfare
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex konkluż l-awditjar tax-xiri tal-għalf mid-Direttorat tal-Animal Welfare mill-Internal Audit and Investigation Department (IAID)? Jekk dan l-awditjar ġie konkluż, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport finali maħruġ mill-IAID?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li l-audit għadu għaddej, infakkar li r-rapporti tal-Internal Audit and Investigation Department (IAID) huma intenzjonati għall-użu intern tal-amministrazzjoni pubblika.
Applikazzjonijiet għall-permessi ta’ żamma ta’ annimali perikolużi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet għall-permessi għaż-żamma ta’ annimali perikolużi taħt ir-Regolamenti tal-2016 dwar id-Drittijiet li jitħallsu għall-Pussess u ż-Żamma ta’ Annimali Perikolużi sal-5 ta’ Mejju 2016?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja laqgħa tmienja u għoxrin applikazzjoni valida ta’ siti biex jinżammu annimali perikolużi fihom.
Applikazzjonijiet għall-permessi ta’ żamma ta’ annimali perikolużi – drittijiet imħallsa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu drittijiet għall-applikazzjonijiet għaż-żamma ta’ annimali perikolużi sal-5 ta’ Mejju 2016 taħt ir-Regolamenti tal-2016 dwar id-Drittijiet li jitħallsu għall-Pussess u ż-Żamma ta’ Annimali Perikolużi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi tħallsu €1,340 għall-applikazzjonijiet għaż-żamma ta’ annimali perikolużi sad-data tal-iskandenza li kienet fil-5 ta’ Mejju 2016.
Applikazzjonijiet għall-pussess jew żamma ta’ annimali perikolużi
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dati ta’ meta daħlu l-applikazzjonijiet għall-pussess jew żamma ta’ annimali perikolużi, il-lokalità tal-kollezzjoni privati, u kif ukoll in-numru u l-speċi ta’ annimali li ġew elenkati f’kull applikazzjoni jew kollezzjoni privata?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Applikazzjonijiet għall-permess ta’ żamma ta’ annimali perikolużi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm fost l-istabbilimenti jew kollezzjonijiet privati li applikaw għall-permess għaż-żamma ta’ annimali perikolużi sal-5 ta’ Mejju 2016, għadhom jew kienu suġġetti għall-proċeduri legali minħabba li operaw bħala żoos mhux liċenzjati?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hemm żewġ kollezzjonijiet privati li applikaw għaż-żamma ta’ annimali perikolużi qabel il-5 ta’ Mejju 2016 li għadhom suġġetti għall-proċeduri legali minħabba ksur tal-Avviż Legali 265 ta’ 2003 (Regolamenti dwar Żamma ta’ Annimali Selvaġġi fi Stabbilimenti Zoologiċi).