Legislature:
Category:
Reset
Active:

Banek — Bank of Valletta

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm ingħataw reklami mill-Bank of Valletta minn Novembru 1996 sa l-aħħar ta' Awissu 1998? Kemm kien il-valur totali ta' l-ispiża għar-reklami f'dan il-perjodu? Jista' l-Ministru ġentilment jagħti breakdown ta' kif inqasmu u kemm intnefaq f'kull sezzjoni tal-Media?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub huwa ta' ċertu valur kummerċjali li jista jkun ta' detriment għall-istrateġija ta' l-istess Kumpanija fil-konfront ta' kompetituri tagħha. Għaldaqstant inħoss li ma jkunx prudenti li nagħti l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #500 Sitting 7 1998-11-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Segretarjat tal-Ministru tas-Saħħa — Infermiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu infermiera jaħdmu fis-segretarjat tiegħu? Jekk ir-risposta hi li m'hemmx, għaliex din l-għażla? Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm infermiera jaħdmu fis-segretarjat tal-Ministru tas-Saħħa bejn Novembru, 1996 u Awissu, 1998?

Response (DEGUARA, LOUIS)

M'hemmx infermiera jaħdmu fis-seġretarjat tiegħi għax inħoss li l-infermiera għandhom jagħmlu xogħol relatat mal-professjoni tagħhom. Bejn Novembru 1996 u April 1998 kien hemm tlett(3) infermiera jaħdmu fis-seġretarjat tal-Ministru tas-Saħħa Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja, filwaqt li bejn l-1 ta' Mejju 1998 u Awissu 1998 kien hemm tnejn (2)
Leg 9 PQ #504 Sitting 7 1998-11-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti li weħlu mir-re-sit

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jikkonferma li studenti Universitarji li weħlu minn xi re-sit, ma ngħatawx ċans ieħor u qed jiġu mitluba jitilqu mill-kors? Billi din qatt ma kienet il-prattika qabel, jaħseb il-Ministru li din is-sena dawn l-istudenti ġew żvantaġġjati? X'wasal lill-Universita' biex tieħu din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li studenti jkunu mitluba li jitilqu mill-kors normalment meta ma jissodisfawx ir-rekwiżiti biex jgħaddu għas-sena ta' wara u jekk huma jkunu diġa' weħlu u rrepetew xi sena fil-kors. Ma kien hemm l-ebda deċiżjoni biex dan il-provvediment li jinsab fir-regolamenti tal-korsijiet kollha jinbidel.
Leg 9 PQ #507 Sitting 7 1998-11-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet — Infermiera

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid fiex waslet ir-riorganizzazzjoni tan-nurses li taħt il-Gvern Laburista baqgħet lura sew? Jaħseb il-Ministru li meta wieħed iqis in-nuqqas ta' nurses li hawn u l-pressjoni ta' xogħol li għandhom hu ta' detriment li din ir-riorganizzazzjoni tħalliet daqstant lura?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat illi s-sitwazzjoni hija illi l-Management and Personnel Office fuq direzzjoni tal-gvern preċedenti kien qiegħed jiddiskuti mad-Dipartiment tas-Saħħa u ma' l-MUMN, eżerċizzju korrettorju biex jiġu ndirizzati certi anomaliji li hemm fil-ftehim eżistenti bejn il-gvern u l-infermiera li kien ġie finaliżżat fl-1993. Għadhom ma fetħux negozjati għal reviżjoni mill-ġdid tal-ftehim eżistenti. Ħafna mill-provedimenti tal-ftehim eżistenti kienu żew implimentati sa l-1996. Baqa biss xi promozzjonijiet ta' Nursing officers u Deputy Nursing Officers li żew miżmuma bħala riżultat ta' mandat ta' inibizzjoni li sar. Naħseb illi l-problema hi il parti waħda ta' deployment u kif ġiet indirizzata l-Isptar Boffa, irridu nkomplu nifirxuha fis-servizzi kollha biex naċċertaw ruħna li kemm jista' l-infermiera jagħmlu dak li hu verament xogħolhom.
Leg 9 PQ #508 Sitting 7 1998-11-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Kors ta' nursing aides

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beda għall-ewwel darba il-kors ta' nursing aides? Kemm ġew trained nursing aides s'issa? Jista' l-Ministru jagħti breakdown għal kull sena għan-nursing aides li ġew trained?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ewwel kors ta' Nursing Aides inbeda fit-28 ta' Novembru 1994 u s'issa ġew ittrenjati 809 (200 student dirett minn barra u 609 Health Assistant skond il-ftehim milħuq mal-Unions). Il-breakdown għall kull sena għan-nursing aides li ġew ittrenjati hu hekk: 1994 - 26 student 1995 - 181 student 1996 - 381 student 1997 - 81 student 1998 - 140 student
Leg 9 PQ #510 Sitting 7 1998-11-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Ward clerks

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk minn Ottubru 1996 sa Settembru 1998 daħlux ward clerks ġodda mad-Dipartiment tas-Saħħa? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, meta ħarġu l-applikazzjonijiet, meta saru l-interviews, kemm applikaw u kemm intgħażlu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minn Ottubru 1996 sa Settembru 1998 daħlu 106 Ward Clerical Assistants mad-Diviżjoni tas-Saħħa. Is-sejħa għall-applikazzjigħonijiet kienet saret fil-Gażżetta tal-Gvern fl-4 t'April 1995. L-intervisti kienu saru bejn it-22 ta' Lulju 1996 u l-14 ta' Ottubru 1996. Kienu applikaw elf, mitejn u disgħa u tletin (1239) persuna li minnhom ħames mija u wieħed u sebgħin (571) kienu għaddew.

Birżebbuġia — Tneħħija ta' arblu tad-dawl

Question

Possibbli li l-Korporazzjoni Enemalta tieħu passi u tneħħi l-arbli tad-dawl fi Triq l-Izbark tat-Torok kantuniera ma' Triq il-Kitarristi f'Birżebbuġia (ħdejn Garage Nru. 55)? Billi dan l-arblu qiegħed hemm għalxejn għax il-wires li kellu miegħu ġew trasferiti għal mal-ħitan, possibbli l-Korporazzjoni Enemalta tieħu passi biex tneħħieħ anki għal fatt li ilu madwar erba' snin jintalab b'mod ripetut biex l-Korporazzjoni Enemalta tneħħi dan l-arblu?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-arblu msemmi fi Triq l-Iżbark tat-Torok B'Buġia ġie mneħħi.

Żabbar — Triq Biċċieni, Sqaq Nru. 3

Question

Billi fil-maltemp li għamel fl-24 ta' Settembru, 1998 reġa' kien hemm bosta djar li għarqu bl-ilma fi Sqaq Nru. 3, Triq Biċċieni, Żabbar, possibbli li d-Dipartiment tat-Toroq jieħu azzjoni biex din il-problema tiġi rimedjata possibbilment b'xi culverts għall-ilma? Jista' d-dipartiment konċernat ġentilment jittratta dan l-ilment b'ċerta urġenza u prijorita' billi dan l-għargħar f'dan l-isqaq qed iseħħ ta' spiss fix-xhur tax-xitwa, u billi f'ħafna każi minnhom familji kellhom iqabbdu pompi u jċemplu fire engines biex jippumpjaw l-ilma minn djarhom? Hu possibbli li jittieħedu passi immedjati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-problema f`din iż-żona tal-Biċċieni qiegħda tiġi kkaġunata peress li bl-iżvilupp li sar fl-għelieqi fil-Lvant ta` din iż-żona, kanali antiki ta` l-ilma li kienu jwasslu sal-wied lejn Wied il-Għajn tneħħew, u l-ilma jiġri f`wiċċ it-toroq. Biex din il-problema tiġi solvuta, jeħtieġ li jsir proġett għat-toroq ġodda kollha f`dawn l-inħawi. Għalhekk, għalkemm il-problema ma` tistax tiġi riżolta f`ħakka t`għajn, tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jagħti bidu għal-ħolqien ta` pjan t`azzjoni.
Leg 9 PQ #351 Sitting 6 1998-11-03 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Surġenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnhom il-courses għal surġenti wara li saru l-interviews f'Marzu, 1998? Hemm il-ħsieb li dan il-kors jibda?

Response (BORG, TONIO)

Sa' l-elezzjoni li għaddiet, il-korsijiet għal surġenti kienu għadhom ma bdewx minħabba li l-Korp kien impenjat fuq ħafna xogħol relatat ma' l-elezzjoni. Il-Gvern il-ġdid qed jivvaluta l-ħtiġijiet tal-Korp tal-Pulizija u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali, qabel ma jiġi deċiż meta jibdew il-korsijiet. 03.11.98
Leg 9 PQ #352 Sitting 6 1998-11-03 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skrivani part-time

Question

Billi l-part-time clerks fl-iskejjel qed jitħallsu biss bir-rata ta' Lm1.45c fis-siegħa, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din ir-rata tiżdied biex tkun tirrifletti kemm il-grad kif ukoll iż-żmenijiet tal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-rata ta' ħlas ta' Lm1.45c4 fis-siegħa li biha huma mħallsa l-Part-Time Clerks li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni timpjega fl-iskejjel ta' l-Istat hi bbażata fuq il-minimu ta' l-iskala numru 16. Din hi l-paga li Clerk regolari ġdid jibda biha meta jidħol fis-servizz.
Leg 9 PQ #484 Sitting 6 1998-11-03 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Flus allokati għall-ospitalita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm flus allokati għall-ospitalita' għas-sena 1998? Kemm intnefqu minn dawn il-flus sa Awissu, 1998? Fiex intnefqu? Baqa' kontijiet pendenti? Kemm mill-flus li ntnefqu intnefqu matul ix-xahar ta' Awissu, 1998?

Response (DEGUARA, LOUIS)

MINISTERU TAS-SAĦĦA - FLUS ALLOKATI GħALL-OSPITALITA' Flus allokati fil-vot tad-dekasteru tas-Saħħa għall-ospitalita għas-sena 1998: Ministeru Lm 3000 Segretarju Parlamentari Lm 2000 D.C.S. Lm 700 Diviżjoni tas-Saħħa Lm 7300 TOTAL Lm 13,000 Nefqa sa l-aħħar ta' Awissu 1998 Ministeru Lm 5616 Segretarju Parlamentari Lm 1311 D.C.S. Lm 58 Diviżjoni tas-Saħħa Lm 2411 TOTAL Lm 9396 Din intefqet kif jidher hawn taħt. ___________________________________________ ______ Ministeru Seg. DCS Div. Parl. tas-Saħħa _______________________________________ __________ Lm Lm Lm Lm ______________________________________________ ___ Drinks 1985 754 58 73 Lunches 1747 282 - 2338 Wreaths/Bouq. 185 175 - - Accom. 1478 100 - - Gifts 221 - - - TOTAL 5616 1311 58 2411 ____________________________________________ _____ Kontijiet Pendenti Ministeru Lm2074 Diviżjoni tas-Saħħa Lm 97 L-infieq għax-xahar ta' Awissu kien Lm1,972
Leg 9 PQ #499 Sitting 6 1998-11-03 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Mobile Blood Donation Unit — Xufiera - Sahra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sigħat f'overtime inħadmu minn xufier/a biex jopera l-mobile blood donation unit minn meta kien introdott dan is-servizz? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm tħallas/tħallsu x-xufier/a ta' dan l-overtime?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif ġej: __________________________________________ _________________ Joseph Joseph Azzopardi Ass. Care Worker Xufier __________________________________________ _________________ Siegħat Ħlas Siegħat Ħlas ____________________________________________ _______________ Dicembru'97 61 141.957 68 149.67 Dic'97 Ħdud _ _ 32 93.91 Jannar'98 70 166.810 136.5 308.08 Jan'98 Ħdud - - 47.5 142.93 Frar'98 75.5 179.917 125.5 283.25 Frar'98 Ħdud - - 47.5 142.93 Marzu '98 36 87.624 130 293.41 Marzu'98 Ħdud 17.25 55.610 60 180.54 April'98 85 206.890 135.5 305.82 April'98 Ħdud - - 48 144.48 Mejju'98 38.5 93.709 154.5 348.71 Mejju'98 Ħdud 19.5 63.297 65 195.62 Ġunju'98 - - 85.0 191.85 Ġunju'98 Ħdud - - 24 72.24 Lulju'98 - - 87.5 197.49 Lulju'98 Ħdud - - 12 36.12 Awissu'98 - - 134.5 303.59 Awissu'98 Ħdud - - 40 120.38 Settembru'98 - - 66.5 150.10 Sett.'98 Ħdud - - 16 48.15 Total 995.814 3709.27 Il-Ħlas totali għall-overtime lil dawn iz-zewg impjegati matul id-9 xhur imsemmija kien ta'Lm4705.804
Leg 9 PQ #144 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pjan ta' Struttura

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet ir-reviżjoni ta' l-istructure plan? Meta bdiet din ir-reviżjoni? Meta hu maħsub li jitlesta u jitressaq quddiem il-Parlament? Kemm dam biex tlesta l-istructure plan oriġinali?

Response (BORG, TONIO)

Jien nfurmat li : 1. Il-proċess formali għar-reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura beda f'Novembru 1997 bl-approvazzjoni mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar tad-dokument 'Structure Plan Review Project Management Plan'. 2. Il-ħsieb ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar sa llum huwa li d-'Draft Replacement Plan' joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika lejn l-aħħar tas-sena 2000 u jiġi ppreżentat lill-Parlament għal nofs is-sena ta' wara. 3. Ix-xogħol fuq l-ewwel Pjan ta' Struttura beda fl-1988 bl-approvazzjoni tat-'Terms of Reference' għal dan il-proġett. Il-pjan ġie approvat mill-Parlament f'Lulju tal-1992. 02.11.98
Leg 9 PQ #145 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — ECG Technicians

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-kors ta' l-ECG technicians li hu ta' madwar sentejn jiġi żviluppat aktar u jkun jinkludi wkoll training biex l-ECG technicians ikunu jistgħu jagħmlu Echo Cardiogram, stress ECG u Holter monitoring? Jaħseb il-Ministru li b'dan il-mod tista' titnaqqas il-waiting list li akkumulat għal dawn it-tip ta' tests? Fil-każ ta' ECG technicians diġa' kwalifikati hemm il-ħsieb li dawn jingħataw aktar training biex anke dawn ikunu jistgħu jibdew jgħinu fl-Echo Cardiogram, Stress ECG's u Holter monitoring?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-technicians li jaħdmu fil-Cardiac Lab. huma perfettament kapaċi jagħmlu 'stress tests' waħidhom u ser ikunu wkoll kapaċi jinterpretaw ir-rapport ta' Holter. Il-'waiting list' tista' titnaqqas biss billi jkompli jsir użu għaqli mill-'equipment' eżistenti. Ninnutaw per eżempju li numru ta' pazjenti ma jżommux l-appuntament u s'issa ma kienx hemm sistema li jissejħu pazjenti oħra flokhom. Permezz ta' sistema kompjuterizzata ta' appuntamenti din id-diffickulta se tingħeleb. Id-Dipartiment bi ħsiebu joħroġ sejħa għal kors ta' taħriġ għal ECG Technician.
Leg 9 PQ #146 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Tindif

Question

Jikkonsidra d-Dipartiment tal-Mużewijiet li wħud mix-shelters tal-gwerra li għandna f'diversi postijiet f'Malta u Għawdex jibdew jitnaddfu u jinfetħu għall-pubbliku u għat-turisti? Jaħseb il-Ministru li billi dawn huma parti mill-wirt storiku ta' pajjiżna, tkun ħasra jekk jibqgħu mirduma?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li preżentement ebda shelter ma hu f'idejn dan id-dipartiment u li d-Dipartiment m'għandux biżżejjed riżorsi biex jiftaħ u jżomm fi stat deċenti xi shelters li jistgħu jkunu ta' interess għall-viżitaturi. Id-Dipartiment se jkompli jikkonsidra s-suġġeriment ta' l-Onor. Membru.

Visas

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid jekk hux possibbli li persuna Maltija li tkun sejra l-Awstralja għal perijodu ta' madwar sitt xhur tingħata visa għal working holiday?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Skond ftehim li ġie ffirmat bejn Malta u l-Awstralja fil-31 ta' Lulju 1995, kull ċittadin Malti jista' japplika ghal working holiday visa, valida sa mhux aktar minn sena. Jista' japplika kull ċittadin Malti bejn it-18 u l-25 sena u f'każi speċifiċi anke sa 30 sena, basta mhux akkompanjati minn tfal dipendenti. L-applikazzjonijiet għal dan it-tip ta'visa jistghu jintlaqgħu fl-uffiċji tal-Kummissjoni Għolja Awstraljana f' Malta.

Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jiġu mpjegati dawk l-istudenti li temmew b'suċċess kors ta' tliet snin f'Holticulture/Agriculture u li kienu ssussidjati mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura?

Response (ZAMMIT, NINU)

Meta sar l-`agreement` ma` l-istudenti ta` l-`Extended Skill Training Scheme` u tat-`Technician Apprentice Scheme` dawn ma` ġewx mogħtija garanzija li jiġu mpjegati mad-Dipartiment. Jekk il-quddiem joħorġu applikazzjonijiet għal `Farmers` jew `Gardeners` jew `Agriculture Technicians` minn barra d-Dipartiment, l-istudenti li jkunu temmew b`suċċess il-kors tagħhom ikunu f`pozizzjoni vantaġġuża li jiksbu dawn l-impjiegi.
Leg 9 PQ #149 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Casual Instructors

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġgħu joħorġu call for applications għal casual instructors? Jekk iva, meta u f'liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li m'hemmx ħsieb li tinħareġ għalissa sejħa għall-applikazzjonijiet għal casual instructors.