Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ terġa' tibda torganizza evening classes fuq panel beating?
Billi jidher li hemm domanda kbira, jaħseb il-Ministru li dawn it-tip ta' courses, li kienu jsiru u issa twaqqfu, għandhom jerġgħu jibdew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ hi impenjata li torganiżża dawk il-korsijiet li jolqtu l-aktar bżonnijiet li jiġu identifikati fil-qasam tax-xogħol f'Pajjiżna. Fl-istess waqt, il-mira tkun li kull persuna tilħaq livell ta' kompetenza kif mitlub fis-sengħa partikolari. Għalhekk, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tippreferi li tħajjar persuni nteressati fil-'panel beating' biex jibdew apprendistat u b'hekk jieħdu taħriġ ħafna aktar estensiv, li jwassal għal ċertifikat ta' kompetenza u li kapaċi jgħinhom jaqdu dmirhom b'mod aktar professjonali.
16.11.98
Jaħseb il-Ministru li inizjattiva li tittieħed ta' kull sena fl-iskola sekondarja taż-Żejtun, fejn għadd ta' għaliema studenti jorganizzaw pantomine flimkien hi inizjattiva tajba ħafna li għandha tiġi nkoraġġita?
F'dan il-kontest, jaħseb il-Ministru li inizjattivi bħal dawn għandhom isibu kull appoġġ u għajnuna mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni anke billi jingħataw xi forma ta' għajnuna, possibilment anke għajnuna finanzjarja?
Response (GALEA, LOUIS)
L-inizjattiva msemmija hija waħda li għandha tiġi inkoraġġita.
Il-Ministeru u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dejjem taw l-appoġġ tagħhom għal inizjattivi bħal dawn billi fejn jiġi mitlub u safejn hu possibbli tingħata għajnuna teknika u artistika.
Fejn jidħlu finanzi, illum l-iskejjel jimmaniġjaw il-voti finanzjarji tagħhom u għalhekk għandhom miżura ta' spazju fejn jiddeċiedu huma kif jallokaw il-finanzi meħtieġa.
Informat li fil-każ partikulari tal-Junior Lyceum Carlo Diacono, Żejtun, l-attivita' ssir bil-flus li tiġġenera l-istess attivita', u meta meħtieġ bl-għajnuna tal-fondi tal-Kunsill Skolastiku.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, talab li jerġa' jidħol il-Mid-Med Bank? Meta ġie aċċettat lura? Taħt liema ftehim u b'liema kriterji? Meta l-aħħar li ħadem il-bank qabel reġa' lura? F'liema grad telaq? F'liema grad daħal lura? Kemm-il promozzjoni ħa u b'liema kriterju?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li pulizija li ġew trasferiti fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti jerġgħu lura f'posthom?
Jaħseb il-Ministru li f'każi fejn dawn it-trasferimenti li saru mill-Amministrazzjoni Laburista kienu ta' detriment kemm għall-individwu trasferit kif ukoll għall-korp innifsu, għandhom jintbagħtu lura fl-iqsar żmien possibbli?
Response (BORG, TONIO)
It-trasferimenti fil-Korp tal-Pulizija jsiru meta u kif ikun il-bżonn fl-aħjar interessi ta` l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali.
Kif espremejt diversi drabi, anke mill-oppożizzjoni, uħud mit-trasferiment li saru fiż-żmien il-gvern preċedenti kienu ta` detriment għall-Korp, speċjalment fejn l-individwi trasferiti kienu nies li kellhom esperjenza kbira jew li għamlu taħriġ speċjaliżżat fuq xogħol partikolari konness mas-sezzjoni jew taqsima fejn kienu jaħdmu. Ta` min ifakkar ukoll li f`każijiet ta` taħriġ, il-gvern jagħmel investiment billi jipprovdi fil-maġġor parti tal-każijiet flus biex jiġi ffinanzjat il-kors relatat.
11.11.98
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid meta hu maħsub li jsiru tal-post numru ta' nurses kwalifikati li tħallew fuq bażi casual mill-gvern preċedenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Għadhom kif ġew ippublikati r-riżultati ta' l-intervisti għall-mili ta'postijiet ta'Enrolled Nurse u Staff Nurse.
Barra minn dan sejħa oħra għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' postijiet ta' Staff Nurse ħierga fil-Gażżetta tal-Gvern tas-6 ta' Novembru 1998 u oħra għall-postijiet ta'Enrolled Nurse ħierga fil-futur qarib.
B'riżultat tal-ħidma msemmija hawn fuq in-numru ta' nfermiera kwalifikati li tħallew fuq bażi każwali mill-Gvern preċedenti ser isiru tal-post fil-futur qarib.
Billi familja li naf jien ilha snin titħabat biex tiċċekkja jekk is-sit Nru 25, Mills Lane, Żejtun, hux qiegħed f'idejn il-Joint Office jew le u billi din il-persuna, minkejja diversi ġiri u ittra, baqgħet bla risposta definittiva, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk fil-fatt dan is-sit hux f'idejn il-Joint Office jew le?
Billi dan il-post qed jaqa' biċċiet jaħseb, il-Ministru li għallinqas għandu jiġi stabilit jekk dan is-sit hux f'idejn il-Joint Office jew le?
Possibbli li din l-informazzjoni tingħata għaliex dan l-individwu ilu ta' l-inqas mill-1994 jitħabat biex jistabbilixxi f'idejn min qiegħed dan is-sit?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fond li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant hu amministrat mill-Uffiċċju Konġunt.
11.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-muturi tal-pulizija tat-traffic ma jibqgħux jisselfu kif kien introduċa l-prattika l-gvern preċedenti?
Jikkonferma l-Ministru li b'din il-prattika għadd ta' muturi spiċċaw bil-ħsara għax ma baqgħux b'sid wieħed?
Kemm fil-fatt hemm muturi tat-traffic bil-ħsara?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 851 f`Seduta 8.
Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li fil-preżent hemm tnax (12) il-mutur bil-ħsara.
11.11.98
Jikkonsidra l-Ministru li fil-budget li ġej isiru emendi biex jipprovdu għall-każ fejn kap tal-familja, li minkejja li jkun qed jaqla' aktar minn Lm10,000 fis-sena, ma jkunx qed isostni l-familja u l-omm xorta waħda ma tieħux iċ-children's allowance?
Jaħseb il-Ministru li jeżistu każi bħal dawn fejn l-omm u t-tfal qed jiġu diskriminati mhux biss mill-kap tal-familja iżda wkoll mil-liġi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-obbligu ta' manteniment f'każ ta' persuna miżżewġa lil parti l-oħra fiż-żwieġ hu fondat fil-Liġi.
Dan ifisser li fejn mara miżżewġa tipprova għas-sodisfazzjon tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali li qiegħda tieħu passi legali għall-infurzar tal-manteniment, din il-persuna tkun intitolata għall-Allowance tat-Tfal jekk tissodisfa t-test tal-mezzi.
11.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il operazzjoni saret fil-main operating theatre u f'Karen Grech operating theatre fl-Isptar San Luqa tul l-1996, l-1997 u l-1998?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fl-Isptar San Luqa u fl-Isptar Karen Grech saru 22,708 operazzjonijiet matul l-1996,23,316-17-operazzjoni matul l-1997, u 14,513-il operazzjoni minn Jannar sa Lulju ta' din is-sena.
L-operazzjonijiet kienu mqassma kif jidher f'din l-iskeda:
Operating Theatre 1996 1997 Jannar-Lulju 1998
____________________________________________ ________________
SLH Main Theatre 6628 7092 4286
SLH Orthopaedic Theatre 2415 2517 1582
SLH A&E Theatre 479 386 151
SLH Endoscopy Theatre 4619 4854 3139
SLH Burns Theatre * * 370
KGH Paediatric Theatre 745 817 502
KGH Gynae Theatre 1388 1395 853
KGH Opthalmic Theatre 1501 1562 892
KGH ENT Theatre 1497 1411 849
KGH Labour Ward Theatre 740 774 408
KGH Gynae Ward Theatre 2696 2508 1481
*: It-tagħrif minn dan it-theatre beda jintbaghat fl-1998.
SLH=St.Luke's Hospital, KGH=Karen Grech Hospital
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm ingħataw reklami mill-Mid-Med Bank minn Novembru 1996 sa l-aħħar ta' Awissu 1998? Kemm kien il-valur totali ta' l-ispiża għal reklami f'dan il-perjodu?
Jista' l-Ministru ġentilment jagħti breakdown ta kif inqasmu u kemm intnefaq f'kull sezzjoni tal-Media?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub huwa ta' ċertu valur kummerċjali li jista jkun ta' detriment għall-istrateġija tal-istess Kumpanija fil-Konfront ta' Kompetituri tagħha. Għaldaqstant inħoss li ma jkunx prudenti li nagħti l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm ingħataw reklami mill-Air Malta minn Novembru 1996 sa l-aħħar ta' Awissu 1998? Kemm kien il-valur totali ta' l-ispiża għar-reklami f'dan il-perjodu? Jista' l-Ministru ġentilment jagħti breakdown ta' kif inqasmu u kemm intnefaq f'kull sezzjoni tal-Media?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm ingħataw reklami mill-Maltacom minn Novembru 1996 sa l-aħħar ta' Awissu 1998?
Kemm kien il-valur totali ta' l-ispiża għar-reklami f'dan il-perjodu?
Jista' l-Ministru ġentilment jagħti breakdown ta' kif inqasmu u kemm intnefaq f'kull sezzjoni tal-Media?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru ġentilment jagħti lista ta' kull coverage li kellu l-ġurnalista tal-PBS, li ismu qed jintbagħat separatament, tul il-kampanja elettorali ta' l-Elezzjoni Ġenerali ta' l-1998?
Jista' l-Ministru jgħid kull coverage x'kien?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru ġentilment jagħti lista ta' kull coverage li kellu l-cameraman tal-PBS, li ismu qed jintbagħat separatament, tul il-kampanja elettorali ta' l-Elezzjoni Ġenerali ta' l-1998?
Jista' l-Ministru jgħid kull coverage x'kien?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Maltacom hux beħsiebha timpjega technicians fuq l-electronics li kienu segwew kors ta' l-ESTS u li kienu sponsored mill-istess Maltacom għal tliet snin sħaħ?
Billi kien hemm technician wieħed li spiċċa l-kors ta' l-ESTS u li kien ir-repair centre u li kien jaħdem u mħarreġ għal tliet snin sħaħ mill-Maltacom u billi dan kien jagħmel xogħol utli, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan jiġi impjegat jew ta' lanqas toħroġlu call for application għal grad tiegħu?
Jaħseb il-Ministru li hu fil-vantaġġ tal-Maltacom li jekk ikun hemm vacancies timpjega l-istess technicians li tkun ħarrġet hi stess?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jingħataw iċ-ċertifikati tan-Nursing Aides li temmew il-kors f'dawn l-aħħar xhur? Għalfejn dawn għadhom ma ngħatawx iċ-ċertifikat? Hemm il-ħsieb li tiġi organizzata ċerimonja ta' l-għoti taċ-ċertifikati biex dawn l-istudenti jiġu ppremjati għall-ħidma li wettqu tul il-kors?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-istudenti li temmew il-kors ta' sena tan-Nursing Aides ngħataw certifikat mit-taqsima ta' l-Institute of Health Care sabiex ikunu jistgħu japplikaw għall-postijiet ta' Nursing Aide fuq bazi permanenti skond is-sejħa għall-applikazzjonijiet li ħarget fil-Gazzetta tal-Gvern tat-28 t'Awissu 1998.
Jista' l-Prim Ministru ġentilment jgħid kemm, bejn wieħed u ieħor, ġiet tiswa l-Elezzjoni Ġenerali 1998?
Kemm ġiet tiswa l-Elezzjoni Ġenerali 1996?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat mill-Kummissarju Elettorali Prinipali li huwa stmat li l-Elezzjoni Ġenerali 1998 ġiet tiswa madwar Lm1,000,000. L-Elezzjoni Ġenerali 1996 ġiet tiswa Lm963,670.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien id-dħul mit-turiżmu ras għal ras fl-1992, fl-1993, fl-1994, fl-1995, fl-1996, fl-1997 u fl-1998?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li d-dħul mit-turiżmu ras għal ras bejn is-snin 1992 u 1997 kien kif ġej:
1992 Lm180.07
1993 Lm218.42
1994 Lm205.64
1995 Lm208.61
1996 Lm217.19
1997 Lm224.84
Jien infurmat ukoll li, fil-waqt li bejn Jannar u Ġunju 1997 id-dħul per capita kien ta' Lm218.49, dak għall-istess xhur fl-1998 kien ta' Lm209.01.
Fuq bażi ta' sena sħiħa, jista' l-Ministru jagħti l-medja ta' kull ajruplan li jinżel u jitla' mill-Ajruport tal-Gudja f'kull xahar tas-sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-medja ta' kull ajruplan li niżel u tela' fl-ajruport tal-Gudja xahar b'xahar matul is-sena 1997 huwa kif ġej:
Tluq Inżul
Jannar 805 803
Frar 764 765
Marzu 1047 1052
April 1276 1283
Mejju 1459 1470
Ġunju 1276 1286
Lulju 1512 1516
Awissu 1713 1732
Settembru 1426 1433
Ottubru 1317 1317
Novembru 944 959
Diċembru 856 858
Total 14395 14474
Billi jidher li hemm domanda biex jitwaħħlu street lighting f'toroq mudlama, jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm twaħħlu bozoz matul Lulju, Awissu u sal-5 ta' Settembru ta'l-1997 u l-1998?
Kemm hi l-waiting list/domanda bħalissa u x'inhi l-proċedura biex jitwaħħal street lighting ġdid?
Response (BONNICI, JOSEF)
In-numru ta' bozoz imwaħħla matul Lulju, Awissu u sal-5 ta' Settembru 1997 u 1998 hu kif ġej:
1/7/97 - 5/9/97 - 79 lampa
1/1/98 - 3/9/98 - 519 lampa
Għat-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talbiet għal bozoz ġodda jmorru għand il-Kunsilli Lokali. Dawn jgħadduhom lill-Korporazzjoni Enemalta. Wara li l-uffiċjali mill-Korporazzjoni jeżaminaw dawn it-talbiet, dawn imorru għand il-Ministeru għall-approvazzjoni.
Ladarba t-talbiet jintlaqgħu mill-Ministeru, il-Korporazzjoni Enemalta tieħu ħsieb li jsir ix-xogħol meħtieg.