Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #1314 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — Taħriġ għal major disasters

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jorganizza taħriġ koordinat bejn l-armata, il-pulizija u d-dipartiment tas-Saħħa fuq major disasters kif ġieli sar fil-passat?

Response (BORG, TONIO)

Il-quddiem hemm il-ħsieb li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jorganizza taħriġ koordinat fuq l-art u fuq il-baħar bejn id-Dipartimenti li jkunu meħtieġa jagħtu s-sehem tagħhom f'każ ta' diżastri kbar. Dan hemm il-ħsieb li jsir wara li jasal it-tagħmir ta' salvataġġ ordnat, kif ukoll wara li jiġu mpjegati mad-Dipartiment, it-Trainee u Assistance Rescue Officers li preżentament waslu fit-tmiem tal-kors tagħhom. 23.11.98
Leg 9 PQ #1315 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Saħħa — Team ta' emergenza

Question

Jaqbel il-Ministru li minn fost in-nurses ta' l-emerġenza għandhom jintgħażlu team ta' nurses u tobba biex jingħataw taħriġ fuq major disaster? Ma jaħsibx il-Ministru li jekk jinbena team bħal dan li minn żmien qabel ikun imħarreġ, jista' jilqa' aħjar f'każ ta' bżonn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Inħoss illi taħriġ fuq major disaster għandu jinvolvi lit-tobba u n-nurses kollha tad-Dipartiment ta' l-Emerġenza. B'hekk ikollok numru akbar ta' nies li fuqhom tista' tibbaża f'każ ta' bżonn.

Unjoni Ewropea — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi jfissru eżatt għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea is-sentejn ta' friża (ta' l-applikazzjoni) tal-Gvern Laburista? Fejn kienet il-pożizzjoni ta' Malta qabel id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jiffriża din l-applikazzjoni? X'inhi issa l-pożizzjoni ta' Malta fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jerġa jkompli miexi bl-applikazzjoni ta' Malta? F'dawn is-sentejn ta' friża tal-Gvern Laburista, x'ġara ma' pajjiżi oħra applikanti? X'laqgħat kellu l-Ministru f'dawn l-aħħar ġimgħat, kemm reġa' ilu f'din il-ħatra, vis-a-vis l-applikazzjoni ta' Malta għall-Unjoni Ewropea?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Is-sentejn ta' 'friza' ta' l-applikazzjoni ta' Malta għad-dhul fl-Unjoni Ewropea fisser li Malta fil-konfront ta' l-Unjoni giet konsiderata bħala 'third country' jigifieri dik ta' pajjiz, mhux interessat li jsir membru ta' l-Unjoni Ewropea, u trattat bħala tali. Id-deċizjoni tal-Gvern Laburista li ffriża d-dħul ta' Malta ifisser li dak kollu li kienet kisbet Malta, ġie mwaqqaf. Fil-fatt kien ġie dikjarat fil-Kunsill Ewropew ta' Corfu', (Ġunju 1994) u konfermat fil-Kunsill ta' Essen (Diċembru 1994) li Malta kienet ser tkun involuta fl-ewwel tkabbir li jmiss (wara dak tal-1995) ta' l-Unjoni Ewropea. F'April 1995, il-General Affairs Council ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda li n-negozjati ma' Malta, kienu ser jibdew sitt xhur wara li tintemm l-Inter Governmental Conference. Din id-deċiżjoni ġiet konfermata fil-Kunsill Ewropew ta' Cannes (Ġunju 1995), Madrid (Diċembru 1995) u Firenze (Ġunju 1996). L-Inter Governmental Conference intemmet f'Ġunju 1997. Peress li Malta kienet iffriżat id-domanda tagħha, meta fil-Kunsill ta' Lussemburgu ġie deċiż ma liema pajjiżi applikanti, kienu ser jinbdew in-negozjati, Malta lanqas biss ma ġiet konsiderata u dan peress li b'riżultat ta' l-iffriżar ta' l-applikazzjoni, mill-Gvern Laburista, Malta kienet sempliċiment 'a third country'. Permezz ta' ittra datata 10 ta' Settembru informajt il-Presidenza Awstrijaka ta' l-Unjoni Ewropea, li Malta kient qegħda tirriattiva d-domanda tagħħa għad-dħul fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-posiżżjoni ta' Malta llum hija dik ta' pajjiż li jrid jirriattiva l-applikazzjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea. F'dawn is-sentejn ta friża, sitt pajjiżi jiġifieri ir-Repubblika Ceka, il-Polonja, l-Ungerija, is-Slovenja, l-Estonja u Ċipru ġie deċiż li magħhom għandhom jinbdew in-negozjati għad-dħul fl-Unjoni Ewropea. Il-Latvia, il-Litwanja, is-Slovakkja, ir-Rumanija u l-Bulgarija qegħdin jistennew li jkunu konsiderati bħala pajjiżi li magħhom jistgħu jinbdew negozjati. Kemm ili Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, wara l-elezzjoni tal-5 ta' Settembru 1998 kelli okkażżjoni li in-konnesjoni mar-riattivazzjoni, niltaqa mal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Austria (presidenza) ta' l-Italja, tal-Grecja, ta' l-Irlanda, ta' l-Olanda, ta' Lussemburgu, tal-Portugal, tal-Finlandja, ta' Franza (Ministru ghall-Affarijiet Ewropej) tal-Isvezja (Segretarju ta' l-Istat għall-Affarijiet Barranin); għandi appuntament ġia ffissat mal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Spanjol. Irrid ngħid ukoll li l-Prim Ministru ltaqa għall-istess skop mal-Prim Ministru ta' l-Italja, ta' Lussemburgu, tal-Belġju u ta' Spanja, filwaqt li s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi Dott Joe Borg ltaqa mas-Sotto Segretarju għall-Istat tar-Renju Unit. Jien nistenna li jkolli appuntamenti oħra fi żmien qasir. Kif joħroġ minn din ir-risposta t-triq tar-riattivazzjoni li twassal ghal bidu tan-negozjati u għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea hija triq mhux għal wita izda nispera li bil-ħidma ta' kulhadd ir-riżultat li għalih qegħdin nitħabtu, nilħquħ.
Leg 9 PQ #1317 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pittura ta' Caravaggio — Restawr

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid fiex waslet it-tiswija/restawr tal-Caravaggio li qed issir fl-Italja? Min hu l-uffiċjal inkarigat minn Malta biex isegwi u jara l-andament ta' dan ix-xogħol? Meta intbagħtet il-Caravaggio għar-restawr fl-Italja? Meta hu mistenni li jkun lest? X'tip ta' xogħol sar s'issa u kemm hu mistenni li jiġi jiswa?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-pittura tal-Caravaggio li tirrapreżenta Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann telqet minn Malta fid-9 ta' Ġunju 1996 abbord il-Cassiopea provdut mill-Marina Taljana. Jumejn wara waslet l-Opificio delle Pietre Dure ta' Firenza u ftit wara intweriet fis-Salone ta' Palazzo Vecchio. Wara li t-tim tar-restawr ta' l-Opificio għamlu serje ta' indaġini xjentifiċi dwar l-istat tat-tila, tal-pittura, u ta' l-istretcher dawn issottomettew żewġ alternattivi ta' restawr; wieħed pjuttost superfiċjali, u l-ieħor proġett ta' restawr profond u estensiv. Fuq il-parir ta' kummissjoni ta' esperti, il-Gvern Malti għażel it-tieni alternattiva, u ntbagħat Firenze il-Kuratur tal-Mużew ta' l-Arti f'Marzu ta' l-1997 biex iħejji ftehim mad-Direzzjoni ta' l-Opificio. Skond dan il-ftehim, ir-restawr tal-Qtugħ ir-Ras kellu jieħu sentejn, li jagħalqu f'April 1999. Kuntatt kontinwu mad-Direzzjoni ta' l-Opificio inżammet b'mod partikolari mill-uffiċċju tal-Kuratur tal-Mużew ta' l-Arti li rċieva diversi rapporti dwar ir-restawr. Intbagħtu minn Malta diversi persuni biex jaraw ir-rata tal-progress. F'Ġunju 1998, Dott Marco Ciatti, wieħed mid-Diretturi ta' l-Opificio, ġie Malta biex janalizza pjanijiet dwar ċerti preparazzjonijiet u tibdil neċessarju fuq is-sit li tokkupa din il-pittura prestiġjuża fl-Oratorju ta' San Ġwann, xogħol li se jkun lest sa Frar 1999. L-informazzjoni kollha turi li sar progress kbir u impressjonanti, u li l-programm ta' restawr ma kellu ebda ntoppi serji, u se jkun lest skond kif kien ippjanat. L-operazzjoni ta' restawr kienet komplessa ħafna, pero' għandu jiġi ppubblikat rapport tekniku bid-dettalji kollha. Diffiċli ħafna tistima n-nefqa involuta f'din l-operazzjoni li tinkludi spejjeż li sar mid-Dipartiment tal-Mużewijiet, mill-Gvern Taljan, u mill-Comune ta' Firenze - dawn ta' l-aħħar sponsorjaw l-operazzjoni tar-restawr. In-nefqa ċertament għandha tammonta għall-figura tassew rilevanti.
Leg 9 PQ #1318 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Wirt Storiku — Offerta pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi talba/offerta pendenti mill-Italja biex ikun hemm kooperazzjoni f'restawr ta' wirt storiku? Jekk iva, meta saret? X'inhi r-reazzjoni tal-Gvern Malti dwarha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-offerti mill-Italja li bħalissa jinsabu f'diversi stadji ta' konklużjoni huma prinċipalment dawk imsemmija fil-Protocol Finanzjarju Taljan. Dawn ikopru l-krejazzjoni ta' Ċentru tar-Restawr, xogħol konness mar-restawr. Ħlief għal dawn il-proġetti li huma diġa' inklużi fil-protocol finanzjarju Taljan, ma hemm ebda offerta pendenti mill-Italja biex ikun hemm kooperazzjoni f'restawr ta' wirt storiku. Il-Proġetti li jagħmlu parti mill-protocol finanzjarju Taljan huma: i. Ċentru tar-Restawr ii. Laboratorju tar-restawr fil-Mużew ta' l-Arkeoloġija iii. Restawr tal-Kwadru tal-pittura "Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann" ta' Caravaggio iv. Proġett ta' Restawr fl-Altar il-Kbir, fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann v. Kon-Katidral ta' San Ġwann - Restawr tal-Gloria Il-Protocol ikopri ukoll arranġament għar-restawr tal-fortifikazzjoni liema arranġament hu r-responsabilita' tal-Works Division.
Leg 9 PQ #892 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn l-1 ta' Novembru 1996 u l-aħħar ta' Awissu 1998 kemm saru ilmenti lill-Awtorita' tax-Xandir dwar il-PBS mill-Partit Nazzjonalista? F'kemm-il wieħed il-Partit Nazzjonalista ngħata raġun? Fl-istess perjodi kemm saru ilmenti lill-Awtorita' tax-Xandir dwar il-PBS mill-Partit Laburista? F'kemm-il wieħed il-Partit Laburista ngħata raġun?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-perjodu bejn l-1 ta' Novembru 1996 u l-aħħar ta' Awissu 1998, l-Awtorita' tax-Xandir trattat 54 ilment dwar il-PBS. Il-Partit Nazzjonalista kellu 44 ilment, u l-Awtorita' sabet li 20 minnhom kienu ġustifikati, tnejn parzjalment. Fl-istess perjodu, il-Partit Laburista kellu 10 ilmenti li minnhom tnejn kienu ġustifikati, wieħed parzjalment.
Leg 9 PQ #893 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Zabbar — Letter box

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Maltapost tikkonsidra li twaħħal letter box fl-inħawi ta' Triq il-Baħrija, Zabbar, minħabba li f'din l-area li tinkludi wkoll fost oħrajn Triq il-Kappuċċini m'hemmx letter box? Billi dawn l-akkwati huma ferm abitati u billi din id-domanda qed issir f'isem diversi residenti, huwa possibbli li din it-talba tiġi kkonsidrata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li peress li l-eqreb kaxxa taż l-ittri għal Triq il-Baħrija tinsab fi Triq Alessio Erardi, il-Kumpanija ma tarax il-ħtieġa li titwaħħal kaxxa ta' l-ittri fl-inħawi indikati.

Torri tal-Għarghur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi qed joffri t-torri tal-Gharghur u liema istituzzjonijiet/organizzazzjonijiet qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi? Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni billi jgħid kull servizz min qed jagħmel użu minnu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Arblu tal-Gharghur — Panelli għal Super I TV

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom panelli mwaħħlin ma' l-arblu tal-Gharghur is-Super I TV u kemm minnhom qed jintużaw? Jista' l-Gvern ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport jew/u rapporti li għandu fuq il-possibbilta' li jitwaħħlu aktar panelli ma' dan l-arblu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #896 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Anaesthetic nurse — Labour/Gynae Theatre

Question

Jista' l-Ministru jikkonsulta mad-Direttur tan-Nursing u jikkonsidra li jalloka anaesthetic nurse speċifikament għal-labour theatre u l-gynae theatre? Minħabba li fil-labour theatre isiru ta' kuljum għadd ta' ċesarji, fosthom emerġenzi, jaqbel il-Ministru li hemm bżonn ta' anaesthetic nurse f'dan il-post? Billi s'issa f'dan it-theatre tmur nurse (mhux dejjem) minn theatres oħra, jaqbel il-Ministru li l-fatt li f'dawn iż-żewġ theatres ikun hemm anaesthetic nurse allokat hemm, jgħin biex dawn it-theatres jinżammu aktar equipped fejn tidħol l-anaesthesia? Billi l-labour theatre hu post delikat għax ħafna drabi mil-lopju li qed tagħti jiddependu żewġ ħajjiet (omm u tarbija), jaqbel il-Ministru li jkun pass kbir 'il quddiem jekk f'dan il-post ikun hemm aneasthetic nurse tal-post, l-istess kif hemm scrub nurses tal-post?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-idea li jkollna Anaesthetic Nurse speċificament allokat kuljum bejn il-Labour Theatre u l-Gynae Theatre huma l-għan li lejħ qegħdin naħdmu għal-dan l-aħħar żmien. Kien għalhekk li tlabna biex in-numru ta' Anaesthetic Nurses għall-Operating Theatre Karen Grech jiżdied - dan bill l-coverage ta' dawn iz-żewgt theatres isir kważi dejjem minn hemmhekk. Wieħed irid jinnota li mill-ewwel ta' Settembru sa issa allokati żewg nurses ġodda li għadhom qegħdin jieħdu t-training meħtiega wara jara l-potenzjal tagħhom f'dan il-mistier. Nispera li s-sitwazzjoni tkun differenti fi ftit żmien. Nixtieq nenfasiżża li qatt u fl-ebda ħin ma kellna l-okkażżjoni li saret xi ċesarja mingħajr ma kien hemm preżenti l-Anaesthetic Nurse. Għalkemm huwa fatt li ġieli kellna bżonn ingibu Anaesthetic Nurse minn Theatres oħra, dawn l-okkażjonijiet huma rari: Wieħed irid jinnota li jkun hemm ġranet li ma jkollniex ċesarji u għalhekk is-sistema hi li meta jkollna iktar minn żewg ċesarji ppjanati nagħmlu arrengamenti biex ikun allokat Anaesthetic Nurse għal-Labour Theatre biss.
Leg 9 PQ #509 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Nursing aides

Question

Billi l-grad ta' nursing aides qed jgħin bis-sħiħ biex itaffi l-pressjoni minn fuq in-nurses, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu trained aktar nursing aides fix-xhur li ġejjin? Jaħseb il-Ministru li billi l-livell ta' taħriġ ta' dawn in-nursing aides hu ta' ċertu livell, dan il-kors għandu jkompli?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'riżultat tal-ftehim mal-unions fl-1993, madwar 700 Health Assistants ser jiġu appuntati Nursing Aides. Minn barra dan hemm 180 Nursing Aides li ġew impjegati b'rizultat ta' sejħa għall-applikazzjonijiet fil-Gażżetta tal-Gvern tal-28 t'Awissu 1998. Għaldaqstant in-numru totali ta' Nursing Aides jissodisfa l-ħtiġijiet tad-Diviżjoni tas-Saħħa u m'hemmx lok li jidħlu aktar nies f'dan il-grad fis-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #886 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Nursing Aides

Question

Billi f'Awissu, 1997 kienu ħarġu sejħiet għan-Nursing Aides li għalihom kienu applikaw madwar 800 ruħ, jista' d-Dipartiment tas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm xi intake minnhom? Jaħseb il-Ministru li għad hemm il-ħtieġa ta' aktar Nursing Aides għaliex dawn jistgħu jagħmlu diversi xogħlijiet li m'humiex neċessarjament tan-nurses u li s'issa għadhom qed jagħmluhom in-nurses?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall Mistoqsija Parlamentari Nru. 509
Leg 9 PQ #887 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuna b'liċenzja ta' Barber

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid għaliex il-persuna, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, u li għandu liċenzja ta' Barber, qed jiġi mitlub iħallas liċenzja ta' Lm50 minflok Lm15 kif kien iħallas qabel? Billi l-liċenzja ta' Lm50 hi dik ta' Hairdresser, jaħseb il-Ministru li għandha tibqa' issir distinzjoni bejn Barber u Hairdresser u mhux jitpoġġew it-tnejn fl-istess keffa? Billi l-Barber huma l-barbiera tradizzjonali ta' l-irħula li jitħallsu bi prezz ferm u ferm anqas mill-Hairdresser u jagħmlu xogħol differenti mill-hairdresser, jaħseb il-Ministru li hu inġust li dawn jitpoġġew fl-istess keffa fejn tidħol liċenzja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li b'effett mill-1 ta' Jannar, 1994, ma baqgħetx iktar id-distinzjoni bejn parrukier ta' l-irġiel u 'salon' ta' 'hairdresser' tan-nisa, għal dak li jirrigwarda l-ammont dovut bħala liċenzja. Ninsab infurmat ukoll li l-ammont ta' din it-tip ta' liċenzja hu bbażat fuq il-lokalita', il-kategorija u l-kera tal-post/dritt għall-anqas ħlas, kif regolat b'Avviż Legali 186 ta' Att 1993. 17.11.98
Leg 9 PQ #888 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuna mħarka fuq rimi ta' skart

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm-il persuna tressqet il-qorti għax inqabdet tarmi l-iskart barra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Jannar, 1989, u d-9 ta' Novembru, 1998, in-numru ta' persuni li tressqu l-Qorti talli rmew skart barra kien ta' 286. 17.11.98
Leg 9 PQ #889 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Karozzi konfiskati fuq rimi ta' skart

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm-il karozza ġiet konfiskata għax is-sid instab ħati li rema l-iskart barra? Meta s-sentenza għal din l-akkuża kienet ħlas ta' multa, x'inhu t-total ta' multi f'dawn l-aħħar għaxar snin fuq akkuzi ta' rimi ta' skart barra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Jannar, 1989, u d-9 ta' Novembru, 1998, in-numru ta' vetturi li ġew konfiskati għax is-sid instab ħati li rema l-iskart barra kien ta' 7, filwaqt li l-ammont ta' multi fuq akkużi ta' rimi ta' skart barra għall-istess perijodu kien ta' Lm5,552. 17.11.98
Leg 9 PQ #890 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ilma tat-tisqija — Bidni

Question

Jista' l -Ministru ġentilment jara għaliex bdiewa fl-inħawi tal-Bidni, minkejja kull sforz ta' l-uffiċjal inkarigat minn Ħaż-Żabbar, xorta m'humiex qed jieħdu ilma tat-tisqija? Billi din il-problema f'dawn l-inħawi tal-Bidni kompliet iggravat wara xogħlijiet li saru fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir biex l-għadd ta' bdiewa full-time li hemm ma jibqgħux ibatu l-konsegwenzi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Dan jidher li huwa każ ieħor ta' nuqqas ta' ppjanar serju mill-Gvern Laburista. Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għamel l-almu tiegħu kollu sabiex il-bdiewa jinqdew.
Leg 9 PQ #891 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Trobbija tan-naħal — Regolamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi regolamenti li jirregolaw it-trobbija tan-naħal? Min irabbi n-naħal suppost li jkun reġistrat? Hemm xi restrizzjoni biex min irabbi n-naħal ma jagħmilx dan fl-abitant? Jaqbel il-Ministru li n-naħal li jitrabbew fl-abitant jistgħu jkunu ta' periklu għal terzi persuni? Jekk fil-fatt hemm restrizzjoni, kemm jistgħu jitrabbew 'l bogħod mill-abitant?

Response (ZAMMIT, NINU)

1) Regolamenti li jirregolaw it-trobbija tan-naħal jinsabu fil-Gazzetta tal-Gvern Nru 15671 tat-3 ta' Novembru 1992 - Taqsima B Avviż Legali 110/92 Ordinanza dwar it-tħaris mill-mard Kapitlu 36 - Regolamenti tal-1992 dwar it-trobbija tan-naħal. 2) Min irabbi n-naħal għandu jkun reġistrat. 3) Ma hemm l-ebda restrizzjoni fil-kapitli msemmija fl-ewwel paragrafu, biex min irabbi n-naħal ma jagħmilx dan fl-abitant, iżda hemm ligi tal-Pulizija li talludi għal fastidju lill-ġirien. L-ufficjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dejjem iwissu u jagħtu l-pariri lil min ikun ser irabbi li ma għandux jagħti fastidju lill-ħaddieħor anke mhux fl-abitant. 4) Mhux in-naħal biss, iżda dak kollu li jitrabba fl-abitant jista'jkun ta' periklu għal terzi persuni. Billi ma hemm l-ebda restrizzjoni kemm jistgħu jitrabbew 'l boghod mill- abitant, hija l-ħila ta' dak li jrabbi li jara jekk hux ta' periklu jew le.
Leg 9 PQ #733 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — General Anaesthesia

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw General Anaesthesia fl-Isptar San Luqa tul l-1997 u l-1998? F'liema theatres ingħataw u kemm ingħataw f'kull operating theatre?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li matul l-1997 saru 23,316-il operazzjoni fl-Isptar San Luqa. Fil-kaz ta' 14,611 minn dawn gie specifikat li ntużat il-general anaesthesia (GA). Minn Jannar sa Lulju ta' din is-sena saru 14,513 il operazzjoni. Fil-kaz ta'9,025 minn dawn ġie speċifikat li ntużat il-GA. Id-dettalji li talab l-Onorevoli Interpellant fuq il-każi ta GA huma dawn: Operating Theatre 1997 Jannar-Lulju 1998 ____________________________________________ ___________ SLH Main Theatre 5586 3480 SLH Orthopaedic Theatre 1713 1089 SLH Endoscopy Theatre 522 329 SLH Burns Theatre * 74 KGH Paediatric Theatre 737 451 KGH Gynae Theatre 1382 847 KGH Ophthalmic Theatre 444 280 KGH ENT Theatre 1352 822 KGH Labour Ward Theatre 735 381 KGH Gynae Ward Theatre 2140 1272 ____________________________________________ ___________ *: It-tagħrif minn dan it-theatre beda jintbagħat fl-1998. SLH=St.Luke's Hospital, KGH=Karin Grech Hospital
Leg 9 PQ #734 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltcom — Chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ħlas u x'inhuma l-benefiċċji taċ-Chairman tal-Maltcom? Hemm xi klawsola fil-kuntratt tiegħu li jekk jispiċċa minn Chairman irid jingħata xi somma ta' flus? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, kemm hi din is-somma li trid titħallas?

Response (BONNICI, JOSEF)

Għalkemm il-Kumpanija ma qablitx li l-informazzjoni mitluba kellha tingħata, peress li l-PAC kien qabel li informazzjoni simili dwar Kumpaniji Pubbliċi kellha tingħata, qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-kuntratt bejn Maltacom plc u ċ-Chairman ta' l-istess Kumpanija.
Leg 9 PQ #736 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kuntratt għandu ċ-Chairman ta' l-Air Malta? Kemm hu l-ħlas li jirċevi? X'benefiċċji għandu? F'każ li l-kuntratt tiegħu jiġi terminat, il-kumpannija tkun obbligata li tagħtih xi ħlas? Billi din hi kumpannija nazzjonali, jaħseb il-Ministru li din l-informazzjoni għandha tingħata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Is-salarju li qed jirċievi iċ-chairman ta' l-Air Malta huwa Lm15,669, barra l-Bonus annwali tal-Gvern li jammonta għal Lm220. Bħal executives oħra ta' dan il-livell, iċ-Chairman għandu karozza, inkluż il-fuel, għad-dispożizzjoni tiegħu. Iċ-Chairman jibbenifika wkoll minn assikurazzjoni medika, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, kemm g ħalih personali kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu. Il-Kumpanija m'għandha l-ebda obbligu li tagħti xi 'terminal benefits' fil-każ li l-impjieg taċ-Chairman jiġi terminat.