Possibbli li l-iStorm Water Division tara ftit x'jista jsir fi Triq Xrob il-Għaġin, iż-Żejtun fejn f'kull xita li tagħmel qed jinġabar ħafna ilma (aktar minn żewġ piedi ilma) bil-konsegwenza li qed jieqfu għadd ta' karozzi?
Billi din it-triq tgħaqqad iż-Żejtun u Wied il-Għajn ma' Tas-Silġ, Delimara u Marsaxlokk, possibbli l-Ministru jinformani x'xogħol hu meħtieġ li jsir biex din il-problema tissolva u jgħid ukoll meta hu maħsub li jsir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-problema imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet diskussa mal-Kunsilli Lokali taż-Żejtun u Marsaxlokk rispettivament.
Minn studju li sar l-unika soluzzjoni vijabli li hemm hija illi tinbena sistema ta' ġbir ta' ilma mill-post indikat għal Marsaxlokk.
Għadhom qegħdin isiru surveys minn fejn trid tgħaddi din is-sistema u x'impatt jista' jkun hemm sabiex ma tinħoloqx problema fejn tispiċċa din is-sistema.
Il-Ministru jaħseb li għandu jkun hemm liġi li tirregolarizza l-impjieg u l-kondizzjonijiet tas-Security Officers li jaħdmu mal-kumpanniji privati tas-security?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-ditti ta' 'security officers' m'humiex dawk waħdanin li fil-preżent ma jaqgħux taħt 'Waġes Councils'. Il-'leave' b'vaganza u festi pubbliċi, u l-paga minima huma fil-preżent regolati b'national standard orders li japplikaw għall-kull persuna impjegata f'Malta. Qiegħed nara x'jista' jsir biex is-sistema ta' national standard orders tiġi estiża biex tkopri benefiċċji oħrajn minbarra l-leave b'vaganza u l-paga minima li huma ġa regolati b'national standard order.
30.11.98
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandhom panelli mwaħħlin ma' l-arblu tal-Għarghur is-Super 1 TV u kemm minnhom qed jintużaw?
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li hemm uħud mill-antenni li m'humiex jintużaw? Kemm huma u ta' min huma? F'każ li dawn l-antenni li m'humiex jintużaw jinqalgħu, ikun possibbli li jitwaħħlu oħrajn minflokhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena mgħarraf mill-Awtorita' tax-Xandir, li hi
responsabbli mill-liċenzja ta' Super 1 TV kif ukoll mill-
arblu tal-Għargħur, li minn spezzjoni riċenti jirriżulta li
l-istazzjon għandu disa panelli mwaħħlin ma' l-arblu.
Minn dawn, sebgħa qed jintużaw.
Qed jinġabar tagħrif dwar it-tieni parti tal-mistoqsija u
aktar informazzjoni tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'servizzi qed joffri t-torri tal-Għargħur u liema istituzzjonijiet/organizzazzjonijiet qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi? Jista' l-Prim MInistru jagħti informazzjoni billi jgħid kull servizz min qed jagħmel użu minnu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Skond informazzjoni li tatni l-Awtorita' tax-Xandir hija
prorjetarja ta' l-art fejn hemm is-sit tat-trasmissjoni u
tat-torri fil-Għargħur.
L-istess torri joffri servizzi ta' trasmissjoni kemm għall-
mezzi tax-xandir kif ukoll għall-mezzi ta'
telekommunikazzjoni. Dawn l-istituzzjonijiet/
organizazzjonijiet qed jużaw il-faċilitajiet tat-torri:
1. Maltacom plc
2. Master Antenna Ltd
3. Public Broadcasting Services Ltd
4. Vodafone plc
5. Central Bank of Malta
6. Melita Cable plc
7. Rainbow Productions Ltd
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament hux impjegat ta' l-Malta Development Corporation? X'inhi l-pożizzjoni li jokkupa u x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu għax-xogħol li jagħmel?
Jista' jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet li għandu jekk l-impjieg hu wieħed b'kuntratt? Ħarġet sejħa pubblika għal dan l-impjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mhix impjegata tal-MDC.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament kienx impjegat għal xi żmien mal-Metco, x'pożizzjoni kien jokkupa u x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra kellu f'dan l-impjieg?
Jista' jgħid jekk saritx sejħa pubblika għal dan l-impjieg u kemm dam f'din il-kariga?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm saru open heart surgeries fil-main operating theatre ta' l-Isptar San Luqa kemm ilu hawn Malta il-cardiac surgeon li ismu qed jintbagħat separatament?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li tiġi tiswa CABG li ssir Malta minn team Malti u kemm tiġi tiswa li kellek tibgħat il-pazjent l-Ingilterra għall-istess operazzjoni?
Jista' l-Ministru jgħid meta beda jopera Malta s-surgeon imsemmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minn April 1995 sa nofs Novembru 1998 saru b'kollox 1144 open heart surgeries fil-Main Operating Theatre ta' l-Isptar San Luqa. Dawn kollha saru mit-team multidixxiplinarju mmexxi mill-kirurgu msemmi mill-Onor Interpellant. Peress li l-kalkolu ta' l-ispiża jista' jkun meħtieg għal inizjattivi ta' natura kummerċjali fil-futur ma nħossx li għandi nizvela l-informazzjoni dwar l-ispiża. Minn kalkoli li saru jirriżulta illi l-ispejjeż addizzjonali għall-Gvern Malti biex jopera l-istess volum ta' pazjenti barra l-pajjiż kien kif gej-
April 1995 sa Marzu 1996 - Lm 825,505
April 1996 sa Marzu 1997 - Lm 1,101,032
April 1997 sa Marzu 1998 - Lm 1,236,644
Jista l-Ministru ġentilment jgħid għaliex l-aħħar sejħa għall-ingaġġ ta' First Officers saret biss b'mod intern u b'hekk dawk li ma jaħdmux mal-kumpannija ġew diskriminati u tħallew barra, għalkemm għandhom il-kwalifiki meħtieġa jew aktar ukoll biex jitħarġu bħala First Officers?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Air Malta ma tingaġġax First Officers iżda Trainee Pilots li, jekk jinstabu adattati, jkunu għad iridu jikkwalifikaw għal First Officers wara li jtemmu l-kors u jkunu jippossjedu l-'Commercial Pilots Licence'.
Ma naħsibx li l-Kumpanija tkun qed tiddiskrimina ma xi ħadd meta tirriserva xi vakanzi li jista jkollha għall-impjegati tagħha.
Jista' l-Ministru jikkonferma li għall-ewwel darba l-Air Malta ma talbietx suġġetti fil-livell avvanzat bħal (science subjects) biex b'hekk setgħu jiddaħlu nies li ma jipposedux dawn il-kwalifiki?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nippreżumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-sejħa għall-applikazzjonijiet għal Trainee Pilots li ħarġet fis-27 ta' Lulju 1998.
kif jirriżulta mis-sejħa imsemmija fuq, li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, ma ntallbux suġġetti tax-xjenza fil-livell avvanzat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex wara 'il fuq minn 25 sena ta' eżistenza ta' l-Air Malta hemm għadd sostanzjali ta' kaptani barranin (huwa mifhum li hemm 16) li mhux biss qed itellfu l-promozzjoni ta' Kaptani lil First Officers Maltin imma qed ikunu wkoll ta' ostakolu lil żgħażagħ, li għalkemm huma kwalifikati għad ma ġiethomx l-opportunita' biex jiġu ngaġġati mal-kumpannija nazzjonali? Jaħseb il-Ministru li dan qed ifisser ukoll salarji kbar u benefiċċji lil dawn il-barranin, meta jistgħu jiġu mpjegati Maltin minflokhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent il-Cockpit Crews ta' l-Air Malta tikkonsisti f'116 bejn Kaptani u First Officers Maltin u 14-il Kaptan barrani.
Hija l-mira tal-Kumpanija li eventwalment il-Cockpit Crews ikunu komposti minn personnel Malti u għal dan il-għan huwa l-ħsieb tal-Air Malta li fil-futur toħroġ sejħa għal Trainee Pilots.
Issa li tħabbar li l-Air Malta se żżid il-vjaġġi lejn Dubai u wkoll tibda ttir lejn l-Indja u l-Pakistan, jista' l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol żejjed huwiex se jsir permezz ta' Maltin jew inkella jinkrew ajruplani kompluti bil-crews?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li d-dettalji li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant għadhom qed jiġu mistħarrġa u għalhekk ma jkunx prudenti li jingħataw dettalji f'dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li toħroġ sejħa pubblika għall-applikazzjoni ta' ingaġġ ta' First Officers ma' l-Air Malta? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li joħorġu dawn l-applikazzjonijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-tweġiba għall-mistoqsija numru 1599.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Mitħna tax-Xarolla, fiż-Żurrieq hi magħluqa u żarmata? Meta kienet irranġata? F'idejn minn qiegħda, f'idejn il-Gvern jew il-privat? Jekk qiegħda f'idejn il-privat, għand min hi u taħt liema kondizzjonijiet ingħatat? Għaliex m'għadhiex tkun miftuħa għall-pubbliku u t-turisti? Kemm ilha magħluqa issa? Jaħseb il-Ministru li bħala wirt storiku ta' pajjiżna għandha titgawda kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Mitħna tax-Xarolla hija propjeta' pubblika u hija amministrata mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.
Id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet kien responsabbli għar-Restawr ta' dan il-bini storiku kif ukoll tal-makkinarju oriġinali tiegħu. Dan ir-restawr illum tlesta u s'issa l-post jinfetaħ għall-pubbliku fuq appuntament mad-Ddiviżjoni tax-Xogħlijiet. Naf li l-kwestjoni li qed iqanqal l-Onor. Kollega hi importanti u qed tiġi konsidrata aktar mill-Gvern.
Jaf il-Ministru li ċertu kuntrattur qed jarmi kwantita' ta' ħamrija tajba għal ġot-Tarzna fejn wara qed tmur tintrema ġol-baħar?
Billi jien informat li din il-ħamrija hi tajba (għajr għal ftit ġebel li fiha), jista' d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jinvestiga bis-serjeta' ħalli din il-ħela ta' ħamrija ma tkompliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-Dipartiment tal-Agrikoltura diġa ħa passi sabiex dan il-materjal ta' ħamrija mħallta mal-ġebel jintuża bħala 'subsoil' ġo Corradino Grounds li għandhom bżonn xi 6,400 metru kubu. Madwar 4,000 metru kubu ser jiġu maħżuna fil-qrib biex 'il-quddiem jintużaw fil-post stess biex jitħawlu xi siġar u arbuxelli. Materjal żejjed għandu jinġarr għall-mixtla ta' Wied Incita.
Jista' l-Ministru ġentilment jelenka l-prijoritajiet li qed taħdem fuqhom id-direttur tan-Nursing?
Fejn hu l-uffiċċju tagħha llum u fejn ġiet offruta bħala uffiċċju taħt it-tmexxija preċedenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-prijoritajiet li qed taħdem fuqhom id-Direttur tan-Nursing huma:
a. Eżerċizzju biex jiġu utiliżżati bl-aħjar mod ir-riżorsi umani.
b. It-twaqqif ta' sotto kumitat minn kull livell tan-Nursing, biex
għall-ewwel darba fuq livell ta' nursing, jiġu ndirizzati problemi relatati mall-professjoni ta' l-infermiera fil-livell mistenni fil-millenju l-ġdid.
Wara l-bidla fl-amministrazzjoni f'Settembru li għadda, l-uffiċju tad-Direttur tan-Nursing ġie trasferit għall-ewwel sular tad-Dipartiment tas-Saħħa, taħt is-sular li jokkupa l-Ministeru tas-Saħħa.
Taħt l-amministrazzjoni preċedenti, id-Direttur tan-Nursing, kien jokkupa biċċa kamra meħuda minn kuritur fid-Dipartiment tas-Saħħa, mingħajr arja ta' xejn u wisq iktar mingħajr għajnuna ta' ebda impjegat.
Jikkonsidra l-Ministru li jiltaqa' f'laqgħa apposta man-nurses kollha li jaħdmu fl-Isptar San Luqa biex jiddiskuti magħhom il-problemi li qed jiltaqgħu magħhom waqt il-qadi ta' dmirijiethom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-infermiera ta' l-isptarijiet kollha, mhux biss ta' San Luqa, għandhom jirreferu u jiddiskutu mad-Direttur tan-Nursing fuq kull suġġett jew problemi li jiltaqgħu magħhom waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Ninsab infurmat illi, l-infermiera kollha ġew infurmati permezz ta' ittra maħruġa mid-Direttur tan-Nursing, li d-Direttur alloka ġurnata fil-gimgħa biex tiltaqa' ma l-infermiera fuq bazi individwali.
Jista' l-Ministru jidħol fil-każ tal-familja li toqgħod f'Delimara, u li isimha qed jintbagħat separatament, li s'issa għadhom bla dawl elettriku fid-dar tagħhom?
Jaħseb il-Ministru li lejliet is-sena 2000 hu ta' mistħija li għad għandna familja bi tfal żgħar li jridu jgħixu u jistudjaw bid-dawl tal-lampa tal-pitrolju għax ebda amministrazzjoni ma rnexxielha twassal id-dawl elettriku sa ħdejhom?
X'inhi l-problema li qed twassal lil din il-familja biex tibqa' bla elettriku? Billi qabel kien jingħad (inkluż f'diversi rappreżentazzjonijiet li għamilt jien) li kienet qed issir oġġezzjoni mid-Deutsche Welle, issa ladarba dan l-istazzjon għalaq, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li din il-familja għadha bla elettriku?
Jista' l-Ministru ġentilment jintervjeni biex din il-familja ma tibqax tgħix f'dawn il-kondizzjonijiet degredanti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-talba għall-elettriku f'Delimara ġiet mistħarrġa mill-Korporazzjoni Enemalta u jirriżulta li ntbgħatet stima lill-applikant skond kif provdut fir-regolamenti. Meta jkun hemm risposta għal din l-istima, il-Korporazzjoni tkun f'pożizzjoni biex tieħu l-passi meħtieġa.