Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża ta' fergħa li saret ta' madwar 1000 pied minn fuq il-main li tiela' għal Bulebel u li jissupplixxi 2nd class water minn ta' Sant'Antnin? Min awtorizzaha u kemm bdiewa se jinqdew minn din il-fergħa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Dan ix-xogħol fuq il-main sar mill-korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma fuq rikkomandazzjoni tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura wara talba ta' bidwi fl-inħawi iktar kmieni din is-sena. Din il-fergħa tista' tintuża għal bdiewa oħra fl-istess inħawi jekk isiru talbiet bil-miktub.
Sa issa ix-xogħol għadu mhux komplut. L-istima ta l-ispiża tal-fergħa mistennija li tilħaq iċ-ċifra ta madwar Lm3,000.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 151, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk inbediex dan il-pjan ta' azzjoni u fiex wasal? Billi din il-problema li qed tikkaġuna problemi kbar u riskji kull meta tagħmel xi maltempata, possibbli li jittieħdu passi fl-iqsar żmien possibbli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qed isiru arranġamenti biex jittieħdu il-livelli neċessarji fi Triq Lia li hija waħda mit-toroq li djar fiha qed jegħerqu wara x-xita biex l-ilma jkun jista` jgħaddi bla diffikulta. B`hekk ikun jista` jingħata wkoll bidu għax-xogħol tat-triq propja.
Billi fl-Isptar San Luqa kif ukoll fl-isptarijiet l-oħra hemm nuqqas ta' plumbers, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib jiġu mpjegati plumbers li kienu segwew kors fl-iskema ESTS fil-plumbing u kienu sponsored mid-Dipartiment tas-Saħħa u allura jafu sew dan ix-xogħol fl-isptarijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li m'hemmx nuqqas ta' plumbers fl-isptarijiet tad-Diviżjoni tas-Saħħa u għalhekk m'hemmx ħsieb li jiġu mpjegati xi plumbers.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu ngaġġati nies minn barra biex jaħdmu fuq opri tal-baħar li għandu jew se jkollu fil-futur qarib id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li qed isiru diskussjonijiet dwar is-suġġett tal-Mistoqsija ma` l-Armata u aġenziji oħra biex jiġi stabbilit jekk il-Gvern jistax jinqeda bir-riżorsi eżistenti. Skond l-eżitu ta` dawn id-diskussjonijiet jiġi deċiż jekk jinfetaħx l-ingaġġ għal nies minn mal-Gvern kif ukoll minn barra.
04.12.98
Wara diversi rappreżentazzjonijiet mill-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn u wara bosta lmenti mir-residenti, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li s-servizz tal-karozza tal-linja jiġi estiż għan-naħa tar-Ramla ta' San Tumas u n-naħa ta' Triq il-Qaliet f'Wied il-Għajn? Huwa possibbli li dan is-servizz jiġi estiż għan-naħa taz-Zonqor ukoll peress li dawn iż-żewġ naħat jinsabu fil-periferija ta' Wied il-Għajn u għal kollox maqtugħha minn fejn jgħaddi t-trasport bħalissa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qed isiru diskussjonijiet bejn l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku, il-Kunsill Lokali ta` Marsaskala u l-Għaqda tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja biex il-karozza tar-Rotta 20 tibda tgħaddi minn Triq il-Qaliet u toħroġ mir-Ramla ta` San Tumas. L-Awtorita` u l-Kunsill qed jistennew tweġiba finali min-naħa tas-sidien tal-karozzi tal-linja.
Billi naf li hi prijorita' tal-ħidma tal-Ministeru li jtejjeb it-toroq ta' pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib jiġu rranġati Triq Gużeppi Micallef, Triq il-Ġilbiena, Triq l-Għasel u Misrah Alofju Wignacourt f'Ħaż-Żabbar li ilhom ħafna fi stat ħażin u li l-aċċess għalihom kważi jkun impossibbli fix-xhur tax-xitwa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment, naturalment wara li jiġi assigurat li s-servizzi kollha meħtieġa jkunu tqegħdu.
C.Carbonaro School of Hairdressing and Beauty Therapy — Stipendji
Question
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid x'inhi r-raġuni li l-istudenti f'C.Carbonaro School of Hairdressing and Beauty Therapy ma jirċevux l-istipendji? Billi l-istudenti f'din l-iskola post sekondarja għandhom ħafna spejjeż f'equipment u prodotti oħra kosmetiċi, apparti kotba, ma jaħsibx il-Ministru li dawn l-istudenti għandhom jingħataw ukoll l-istipendji?
Response (GALEA, LOUIS)
Hemm diversi studenti bħal dawk ta' Carmen Carbonaro School of Hairdressing and Beauty Therapy li ma jirċevux stipendju.
Bħalissa qed isir studju dwar id-diversi sistemi ta' stipendji u tal-bżonnijiet ta' l-istudenti biex tiġi mfassla sistema kemm jista' jkun ġusta u li tissussidja lill-istudenti fl-ispejjeż konnessi ma' l-istudji tagħhom.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk mill-1 ta' Novembru 1996 sal-lum kienx hemm xi kontijiet tad-dawl ta' xi entitajiet kummerċjali li ġew maħfura kollha jew partijiet minnhom? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv liema kienu dawn il-kontijiet, ta' min kienu, kemm tniżżlu, kif qed jitħallsu u min awtorizza dan it-tnaqqis?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-impjegati ta' l-Enemalta li qabel l-elezzjonijiet ġenerali aċċettaw li jingħataw kumpens minflok ma jkomplu bl-ilment tagħhom kontra l-korporazzjoni? Min kienu dawn il-ħaddiema u x'kumpens ħadu kull wieħed, meta ħaduh u x'kienet is-somma totali li tħallset f'kumpens?
Response (BONNICI, JOSEF)
B`kollox kien hemm 30 impjegat tal-Korporazzjoni EneMalta li aċċettaw li jieħdu kumpens mingħajr ma jkomplu bl-ilment tagħhom kontra l-Korporazzjoni. Ma nħossx li jkun etikament ġust li nxandar l-ismijiet ta` dawn il-ħaddiema. Madanakollu qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-kumplament ta` l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk sarx xi studju dwar jekk hemmx xi korelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u l-qgħad?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Agenżija Sedqa qatt ma għamlet studju dwar jekk hemmx korrelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u l-qagħad.
Iżda, mill-istatistika li tinġabar miċ-Ċentru ta' ditossifikazzjoni ta' l-Aġenzija Sedqa, wieħed jista' jasal għal stampa ċara ta' żviluppi f'dan ir-rigward. Fil-fatt, skond din l-istatistika, 48% (jew 362 individwi li użaw dan is-servizz fl-1997 (jiġifieri 741 persuna), kienu qiegħda.
2.12.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju dwar jekk hemmx xi korelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u t-tip ta' xogħol li jagħmlu dawk li jabbużaw mid-droga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Aġenzija Sedqa qatt ma għamlet studju dwar jekk hemmx xi korrelazzjoni bejn l-abbuż u t-tip ta' xogħol li jagħmlu dawk li jabbużaw mid-droga. Iżda, fl-1996 ġie kkummissjonat studju mit-taqsima Riċerka w Evalwazzjoni fi ħdan l-Aġenzija Sedqa, fuq l-attitudnijiet ta' impjegati fi gradi maniġerjali lejn l-użu tad-droga u l-alkoħol fuq il-post tax-xogħol. Madwar 200 impjegat fi grad maniġeriali minn 666 kumpanija pparteċipaw f'dan l-istudju.
Skond ir-rapport dwar dan l-istudju, 5% tal-parteċipanti qalu li kienu jafu b'ħaddiema li jużaw id-droga fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li 13.6% qalu li kienu jafu b'ħaddiema li jużaw id-droga barra mill-post tax-xogħol.
2.12.98
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk sarx xi studju u jekk hemmx xi korelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u l-lokalitajiet differenti f'Malta u f'Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Aġenzija Sedqa qatt ma għamlet studju dwar jekk hemmx korrelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u l-lokalitajiet differenti f'Malta u f'Għawdex. Iżda, ta' min jinnota li tinġabar statistika b'mod regolari miċ-Ċentru ta' ditossifikazzjoni ta' l-Aġenzija Sedqa, li fost l-oħrajn, tikkunsidra l-lokalita' tar-residenza ta' l-individwi li qed isegwu kura. Filwaqt li f'din l-istatistika hemm xi lokalitajiet li huma aċċentwati, jidher li l-lokalitajiet tar-residenza ta' l-individwi li qed isegwu kura f'dan iċ-Ċentru huma mifruxa prinċipalment fuq iż-żoni l-aktar urbanizzati ta' pajjiżna.
Wieħed, iżda, irid iżomm f'moħħu li f'dan il-każ qed nitkellmu biss fuq individwi bi problema ta' dipendenza li qed jirċievu kura partikolari. M'hemmx dubju li hemm numru sinifikanti ta' dipendenti u nies li jużaw id-droga b'mod esperimentali li mhumiex f'kuntatt ma' l-ebda servizz terapewtiku. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jikkunsidra din l-informazzjoni bħala rappreżentattiva tas-sitwazzjoni totali.
L-validita' ta' din l-informazzjoni hija fl-użu tagħha bħala indikatur ta' l-aspetti demografiċi tal-popolazzjoni ta' individwi li jabbużaw mid-droga.
2.12.98
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kif taħdem l-iskema li tgħin persuni b'diżabilita' li jkunu jixtiequ jingħataw sussidju biex jinstallaw lift f'darhom?
X'inhuma r-rikjesti biex jingħata dan is-sussidju?
Min iżur id-dar ta' l-applikkant meta ssir talba bħal din?
Kemm bejn wieħed u ieħor idum l-applikant minn meta japplikaw sa meta jieħu s-sussidju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar għanda Skema - Skema Wieħed - biex persuni b'diżabilita' jistgħu japplikaw biex jaddattaw ir-residenza tagħhom għad-diżabilita' partikolari tagħhom (Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Iskema).
Minn hu nteressat li jibbenefika taħt din l-iskema għandu jiġbor formola mill-uffiċju ta' l-Awtorita' tad-Djar, il-Furjana jew mill-Kummissjoni għall-Persuni b'Diżabilita', Sta Venera u jirritornaha lill-Awtorita' tad-Djar flimkien mad-dokumenti rikjesti.
Din l-applikazzjoni tiġi proċessata minn Kumitat magħruf bħala 'Kumitat tal-Housing Authority għall-Persuni b'Diżabilita'' li jagħmel ir-rakomandazzjoni tiegħu liċ-Chairman ta' l-Awtorita' tad-Djar fuq il-każ. Normalment, iċ-Chairman jaġixxi fuq din ir-rakomandazzjoni.
Fost dan il-proċess, żewġ Social Workers u l-Manager tal-Physiotherapy jagħmlu assessment dwar il-persuna b'diżabilita' u l-ambjent fejn tgħix din il-persuna. Kif l-Awtorita' tad-Djar tirċievi din ir-rakomandazzjoni tibgħat perit fuq il-post biex jagħti il-parir tekniku u anke jagħmel stima tax-xogħolijiet.
Peress li dan il-Kumitat jiltaqa darba fix-xahar fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali, Sta Venera, l-applikazzjoni tieħu madwar xahrejn biex itġi finalizzata. Il-ħlas tas-sussidju isir hekk kif l-applikanti jipproduċu l-kontijiet tax-xogħolijiet li saru.
2.12.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur jagħti xi żieda lill-part-time clerks fl-iskejjel, imqar lil dawk li jkunu ilhom numru ta' snin impjegati f'dan il-grad? Jaħseb il-Ministru li l-paga li jieħdu ma tirriflettiex biżżejjed ix-xogħol li jagħmlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Jiddispjaċini li f'dan l-istadju ma nistax inwieġeb b'mod definit peress li l-materja ma tiddependix direttament minni. B'danakollu beħsiebni nżomm il-preokkupazzjoni ta' l-Onor. Membru f'moħħi f'kull diskussjoni li tista' ssir f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament hijiex impjegata mad-Dipartiment tad-Dwana? Jista' jgħid x'pożizzjoni tokkupa u jgħid kemm ilha mpjegata f'dan id-dipartiment u x'remunerazzjoni għandha?
Response (DALLI, JOHN)
Il-persuna li għaliha jidher li qed tirreferi l-mistoqsija ilha impjegata bħala `clerk` mad-Dipartiment tad-Dwana mis-6 ta` April 1992. Iżda mit-23 ta` April 1997 hija bdiet `Study Leave` bla ħlas biex tattendi kors full-time ta` tlett snin.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji lill-Kamra dwar ir-remunerazzjoni u l-benefiċċji l-oħra tal-Kap Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services u jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet tal-kuntratt li għandu mal-kumpannija u jispeċifika minn meta beda l-kuntratt u meta jispiċċa?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kuntratt tal-Kap Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services Ltd daħal fis-seħħ fis-16 ta' Diċembru, 1996 u huwa validu għal sentejn minn dik id-data.
Skond il-kuntratt ir-remunerazzjoni annwali hija ta' Lm10,000.
Il-benefiċċji l-oħra stipulati fil-kuntratt huma:
1. L-użu ta' vettura tal-kumpanija bi driver. Il-kumpanija żżomm
id-dritt li d-driver jintuża għal xogħol ieħor meta jkun hemm
bżonn.
2. Faċilita' ta' telefonati lokali bla ħlas.
Il-Ministru jikkonferma li għaxart ijiem qabel l-elezzjoni il-Public Broadcasting Services impjegat bil-kuntratt u mingħajr sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet sitt impjegati ġodda mat-Taqsima ta' l-Aħbarijiet? Huwa normali li l-Public Broadcasting Services timpjega n-nies magħha bil-kuntratt u mingħajr sejħa pubblika? Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlu dawn is-sitt impjegati jekk ma kienx hemm sejħa pubblika u min għażilhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fit-28 ta' Awissu ġew impjegati erba' ġurnalisti u żewġ cameramen/video editors fuq kuntratt ta' sitt xhur. Dan sar wara li saret talba lill-OPM li ġiet aċċettata u ngħata l-permess biex jibdew il-proċeduri.
Skond dawn il-proċeduri fis-7 ta' Awissu saret talba lill-ETC biex tingħata l-lista ta dawk il-persuni li kienu qed jirreġistraw fl-ewwel parti tar-reġistru bħala ġurnalisti u bħala cameramen/video editors. Din il-lista ta' l-ETC kienet tinkludi ħames persuni li kienu qed jirreġistraw bħala ġurnalisti u persuna oħra li kienet qed tirreġistra bħala cameramen/video editor.
Saru interviews lin-nies indikati mill-ETC iżda l-Bord li għamel l-intervisti deherlu li ħadd mill-applikanti bħala ġurnalisti ma kellu esperjenza fil-ġurnaliżmu televiżiv jew radjufoniku ħlief għal perusna li kienet qed tirreġistra fl-ewwel parti bħala cameraman/video editor li kellu l-esperjenza meħtieġa.
Fis-17 ta' Awissu, 1998, l-ETC ġiet infurmata b'din is-sitwazzjoni u mitluba li tibgħat lista oħra ta' ismijiet għall-ġurnalisti b'esperjenza fir-radju u televiżjoni.
Mil-lista li ntbagħtet minn fost dawk li kienu qed jirreġistraw fuq it-Tielet Parti tar-Reġistru irriżulta li l-persuni ndikati kollha kienu ħadmu bħala kontributuri mal-PBS u allura kellhom l-esperjenza u l-kwalifiki neċessarji.
Saru l-intervisti mill-Bord ta' l-għażla li kien kompost mis-Sur Charles Flores (Executive Corporate Affairs), mis-Sur Paul Azzopardi (Manager News and Current Affairs) u mis-Sur Tony Abela (Manager Human Resources).
Minn dawn l-intervisti il-Bord deherlu li dawn il-kandidati kollha ssodisfaw il-bżonnijiet tal-Kumpanija u ġie rakkomandat li jiġu mpjegati fuq kuntratt definit ta' sitt xhur. Intalab permess mill-ETC liema permess ingħata fl-24 ta' Awissu, 1998.
Kien għalhekk li ma saritx sejħa pubblika.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 892, il-Ministru jaħseb li hu inkwetanti l-ammont ta' ilmenti li kien hemm mill-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-Public Broadcasting Services u li kważi 50% minnhom instabu ġustifikati?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. kollega jaf li m'hinix sorpriż bit-tagħrif mogħti fit-tweġiba imsemmija u hu propju għalhekk li nixtieq li l-politika li l-Gvern eventwalment jadotta f'dan il-kamp tkun waħda nazzjonali u li jkollha bħala l-aqwa missjoni tagħha servizz ta' kwalita' aħjar f'kull sens lill-poplu kollu tagħna.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Board tan-Neighbours Complaints hux kostitwit?
Jekk ir-risposta hi fin-negattiv, meta se jiġi kostitwiti?
Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, min huma l-membri?
Kemm hemm każi jistennew il-permess quddiem dan il-bord?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Police Licenses Advisory Board, dan hu kostitut, u l-membri tiegħu huma : -
Is-Sur Paul Ciantar - Chairman
Is-Sur Charles Grima - Membru
Dr Ingrid Young, LL.D. - Membru
Is-Sinjorina Rita Vella Brincat - Segretarja
01.12.98