Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies li għandhom karozza tal-kumpannija fil-Korporazzjoni Enemalta? Min huma dawk li jieħdu l-allowance kull xahar talli jużaw il-karozza tagħhom? Hemm min fil-Welfare Committee tal-Korporazzjoni Enemalta juża l-karozza tal-kumpannija u fl-istess ħin jieħu l-allowance talli suppost qed juża l-karozza tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jikkonferma l-Ministru li l-Maltacom qed tippjana li taqta' eluf ta' linji abbonati li waqgħu lura fil-ħlas?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif spjegajt fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari numru 2934, mhux fl-interess tal-Maltacom li tagħmel restrizzjonijiet jew taqta' l-linji lill-abbonati, pero' tkun kostretta tagħmel dan wara li jkunu ttieħdu l-passi elenkati fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija msemmija fuq.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk Triq Raddet ir-Roti, Santa Margerita, Mosta hijiex taħt ir-responsabbilta' tal-kunsill jew tal-Gvern Ċentrali biex tiġi rranġata?
Billi din it-triq hi forma ta' għalqa u billi fiha hemm għad ta' djar bi trabi, possibbli li jsir xi ħaġa biex din it-triq tiġi rranġata?
Jaħseb il-Ministru li toroq bħal dawn għandhom jingħata priorita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq imsemmija għadha qatt ma ġiet asfaltata u għalhekk hija responsabilita` tad-Dipartiment tat-Toroq li jagħti l-asfalt lil din it-triq wara li jitlesta` l-izvilupp li qed isir fiha u jkunu tqiegħdu s-servizzi neċessarji ta` taħt l-art b`mod permanenti biex it-triq ma terġax tinqala`.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija id-Dipartiment tat-Toroq qed ifassal programm ta` prijoritajiet meħtiega sabiex jitwettqu x-xogħolijiet meħtieġa madwar Malta.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li dehru fil-ġurnali li l-PBS qed tadotta policy li biegħ l-air-time tagħha stess lil bosta individwi u kumpanniji kummerċjali? Jista' l-Ministru jgħid liema programmi qed isiru fuq dawn it-tip ta' ftehim u x'inhuma l-kondizzjonijiet li qed isirulhom sabiex dawn ma jikkompetux mat-taqsima tar-reklami fi ħdan il-PBS stess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-PBS tbiegħ parti mill-airtime tagħha stess lil diversi individwi u kumpaniji kummerċjali.
Programmi li fuqhom sar dan it-tip ta' ftehim huma:
Inservik
Ġejna Koppji
Fiżż
Bonġu Sinjura Borġ
Basta Mhux Weekend
Kraxx
Klinika
Informat ukoll li ma' kull ftehim kien hemm klawsola li tesiġi li l-individwu jew kumpanija li tkun qed 'tixtri' l-airtime mingħand il-PBS trid iżżomm il-livell tal-prezzijiet skond ir-rate card uffiċjali tal-kumpanija.
Kumpanniji kummerċjali — Produzzjoni ta' programmi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ħlasijiet lil kumpanniji kummerċjali u individwi matul din is-sena għall-produzzjoni ta' programmi għall-istazzjoni nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt il-Bord il-ġdid tal-PBS sabiex jikkonsidra t-talba tal-Onor. Membru u jagħtini tweġiba biex inkun nista' nwieġeb f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema kumpannija ħadet ħsieb is-sound fil-party tal-Milied tal-Korporazzjoni Enemalta ta' din is-sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-kumpanija mqabbda mill-Welfare Committee ta' l-Enemalta biex tipprovdi s-sound waqt il-party tal-Milied li sar fil-Lukanda Dolmen fis-17 ta' Diċembru 1998 hija l-Audio Power ta' 'Lyness' Triq l-Għerien, il-Mellieħa.
Il-prezz imħallas għal dan is-servizz kien ta' Lm200.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi korporazzjoni pubblika li fl-aħħar sitt xhur xtrat xi deheb? Jekk iva, x'kien l-ammont u fuq xiex intnefaq dan l-ammont?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-ebda korporazzjoni pubblika li tifforma parti mid-dekasteru tiegħi ma xtrat xi deheb fl-aħħar sitt xhur.
Jista' l-Ministru jara jekk huwiex vera li madwar 2,000 regulator pop-on dan l-aħħar marru għand il-privat minflok għand il-Korporazzjoni Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-aħħar konsenja ta' regulaturi 'pop-on' taċ-ċilindri tal-gass li impurtat il-Korporazzjoni Enemalta kienet ta' 2,000 regulatur.
1,700 minn dawn ir-regulaturi ġew imqassma lil diversi ħwienet ġo Malta u Għawdex, kif ukoll lid-distributuri taċ-ċilindri tal-gass, sabiex il-pubbliku ikun jista' jinqeda aħjar.
300 minn din il-konsenja inżammet fl-istores ta' l-istess Korporazzjoni għal dawk li jiġu biex jinqdew mid-Depot tal-Gass.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-PBS dwar l-użu ta' ġurnalisti bil-kuntratt sabiex jagħmlu xogħol ġurnalistiku regolari għall-PBS? Jista' jgħid minn meta bdiet tintuża din is-sistema, jekk tintuża, u hijiex se tkompli tiġi użata din il-policy?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċ-centru ta' l-Aħbarijiet jagħmel użu mill-ġurnalisti bil-kuntratt kemm fir-rappurtaġġ ta' stejjer lokali, fil-kitba u produzzjoni ta' l-aħbarijiet ta' barra kif ukoll fil-programm ta' ġrajjiet kurrenti għar-radju u t-televiżjoni.
Ġie li ġew assenjati wkoll biex jirrapurtaw seduti Parlamentari.
Informat li l-ħtieġa għal dawn in-nies inħasset meta għadd ta' membri tat-Taqsima ta' l-Aħbarijiet kienu ngħataw promozzjoni u wħud minnhom ħtiġilhom jassumu pożizzjonijiet ġodda fi ħdan il-PBS. Is-sistema bdiet tintuża malli ġie ffirmat il-kuntratt mal-persuni involuti.
Id-direzzjoni l-ġdida tal-PBS se jkollha l-opportunita' tagħti ħarsa mill-ġdid lejn din il-policy.
Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex minnhom rapporti li dehru fil-ġurnali li l-PBS se tispiċċa s-sena finanzjarja b'telf? Kemm qed jiġi stmat li jkun dan it-telf u jgħid x'qed iwassal għal dan it-telf minkejja s-sussidju mil-liċenzji li qed tingħata l-PBS?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt li t-tagħrif jiġi verifikat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju li l-Gvern ta mil-liċenzji tat-televiżjoni lil PBS sena b'sena mill-1994 sal-1998 u jgħid x'inhi l-politika tal-gvern preżenti dwar dan is-sussidju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Gvern għadda dawn l-ammonti f'sussidju mill-liċenzji tat-televiżjoni lill-PBS
1994 - Lm1,519,000
1995 - Lm1,410,000
1996 - Lm1,816,000
1997 - Lm2,265,000
1998 - Lm2,111,000
(Jannar - Novembru)
Ta min isemmi li l-Gvern preċedenti kien bidel l-ammont ta' Lm1,000,000 dovuti lilu mill-PBS f'kapital għall-kumpanija.
Għandu jingħad li l-proċess kollu tal-ġbir, reklamar u aġġornament tas-sistema tal-liċenzji tat-TV isir mill-PBS.
Il-Kumpanija tagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż amministrattivi kif ukoll investiet fit-teknoloġija meħtieġa biex tkun tista twettaq din il-ħidma.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-PBS dwar il-farming-out ta' programmi? Kif jingħataw dawn il-programmi u x'metodi qed jintużaw biex jingħataw dawn il-programmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-policy li segwiet il-PBS s'issa dwar il-'farming-out' ta' programmi fuq Television Malta u Channel 12 tul dawn l-aħħar sentejn kienet u għadha waħda li taħseb għal dawn il-ħtiġijiet:
1. Il-ħolqien ta' spazju (studio) skond in-natura tal-programm u d-daqs ta' l-udjenza intenzjonata, speċjalment fi żmien meta l-istudios tal-PBS kienu qed jiġu refurbished
2. L-użu ta' faċilitajiet alternattivi sabiex il-programmi kollha fl-iskedi taż-żewġ stazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru u b'hekk jintlaħaq l-iskop tal-kumpanija li tagħti prijorita' lill-produzzjonijiet lokali
3. L-akkwist ta' ideat u metodi ġodda fil-kreazzjoni ta' programmi televiżivi
4. It-tkattir ta' l-idea li l-PBS, bħala organizzazzjoni tax-xandir pubbliku, sservi ta' umbrella professjonali fejn taħtha jitwieldu u jikbru programmi, programmaturi u talenti ġodda f'dan il-qasam importanti tal-komunikazzjoni.
Il-'farming-out' tal-programmi jsir wara negozjati interni sabiex qabel xejn jiġi stabbilit il-livell ta' spazju u operat li tkun tista tassumi il-PBS, kif ukoll ma' kumpaniji u individwi li jkunu offrew is-servizzi, faċilitajiet u ideat tagħhom.
Ta' min jgħid li anke fil-kuntratti ta' 'farming-out', il-PBS sikwit tinkludi l-użu ta' l-apparat u l-operat tagħha.
Ġejt assigurat li l-kumpanija tieħu ħsieb li timmonitorja l-programmi li jkunu 'farmed-out' sabiex tassigura li l-kwalita' teknika u tal-preżentazzjoni tkun tajba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-programmi li hemm fl-iskeda preżenti tal-PBS qed isiru mija fil-mija mill-PBS u kemm qed isiru permezz ta' kuntratti ta' farming-out fit-totalita' tagħhom jew parti minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-programmi fuq TVM u Channel 12 maħdumin mija fil-mija mill-PBS huma:
TVM Channel 12
L-Aħbarijiet Nistgħu Ngħinuk
Lenti Il-Kunsill Tiegħek
Ħaddieħor Eta' tad-Deheb
Sebatijiem Programm speċjali (ad hoc)
Goal
Il-Każ
Kotba, Ideat u Ħajja
Tertuqa 35
Vaganza f'Ħalblaras
Pjazza 3
Waltzing Matilda
Naturambjent
Il-quddiesa ta' nhar ta' Ħadd
Basta Mhux Weekend
Ċinkwina
Tiritombla
Lista ta' programmi li huma 'farmed-out' qed tinagħata fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2904.
Informat ukoll li anke fil-każ ta' programmi farmed-out, il-PBS tidħol għal tipi ta'kuntratti, fosthom dawk li permezz tagħhom il-kumpanija xorta waħda tagħmel użu kemm mill-apparat kif ukoll mill-operat tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-kumpanniji jew individwi li ngħataw xogħol mill-PBS fuq bażi ta' farming-out fl-iskeda preżenti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mogħti hu kif ġej:-
MAX MEDIA -------------- Inservik
Ġejna Koppji
Fiżż
ORANGEPEEL
PRODUCTIONS ------------ Bricolage
KOPERATTIVA
EXPRESS ---------------- Kraxx
BONACI
BROTHERS --------------- Ipokriti
PETER
BUSUTTIL --------------- Bonġu Sinjura Borġ
CITADEL
PRODUCTIONS ------------ Għawdex Illum
ENGELBERT
GRECH et al ------------ Ċaqlaq
Jista' l-Ministru jgħid hijiex l-intenzjoni tiegħu li jibgħat membri mill-minsteru jagħmlu żjarat għall-għarrieda fis-satra tal-lejl lin-nurses u t-tobba li jkunu xogħol kif kien isir b'mod regolari fi żmien il-gvern preċedenti?
Jista' l-Ministru jgħid hijiex il-politika tiegħu li jħalli l-istrutturi diġa' eżistenti jikkontrollaw u jagħmlu sorveljanza fuq membri ta' dawn iż-żewġ professjonijiet u mhux ikun hemm idħil minn membri tal-ministeru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-isptarijiet u l-professjonijiet għandhom l-istrutturi maniġerjali tagħhom u dawn l-istrutturi għandhom jiġu msaħħa u mhux injorati. Il-policy tiegħi hi li f'kull livell il-kontroll u s-sorveljanza jiġu eżerċitati minn dawk li huma appuntati biex jagħmlu dan bil-poteri kollha li tagħtihom il-job description u l-istruttura maniġerjali nfisha.
L-attitudni tal-gvern preċedenti dwar din il-materja wasslet biex fl-istrutturi maniġerjali jidħlu d-demotivazzjoni u l-apatija.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk id-Direttur tan-Nursing Services hijiex qed tiltaqa' b'mod regolari ma' membri ta' din il-professjoni li jkunu jixtiequ jiltaqgħu magħha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttur tan-Nursing qegħda tiltaqa' ma'membri ta' din il-professjoni kull nhar ta' Ħamis filgħodu.
Sa issa, diġa' ġew aktar minn erbgħin impjegat sabiex iressqu xi ilmenti jew suġġerimenti, minbarra numru akbar ta' membri li ġew sabiex jitkellmu fi ġranet oħra apparti nhar ta' Ħamis.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt taċ-Chief Executive tal-PBS skadiex? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi d-deċiżjoni tal-Gvern rigward il-kuntratt taċ-Chief Executive preżenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Bi ftehim bejn il-Bord il-ġdid tal-PBS u ċ-Chief Executive, il-kuntratt taċ-Chief Executive ġie mġedded għal perjodu definit ieħor. Sadanittant il-Bord li ġie maħtur ftit ilu jilħaq jagħmel stima tas-sitwazzjoni biex ikun f'pożizzjoni aħjar li jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
Jista'l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet fil-PBS bejn is-26 ta' Ottubru, 1996 u l-5 ta' Settembru, 1998? Min ħa dawn il-promozzjonijiet u fuq liema bażi ngħataw? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kif kienu l-gradi u n-numru ta' persuni li jokkupawhom fil-PBS fis-26 ta' Ottubru, 1996 u kif inhuma fil-preżent?
Response (GALEA, LOUIS)
Jien infurmat li bejn is-26 ta' Ottubru 1996 u l-5 ta' Settembru 1998, ingħataw 99 promozzjoni fil-PBS.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni li ġejja:
- lista mmarkata Doc A li turi min kienu dawk li ngħataw promozzjoni. Il-promozzjonijiet ingħataw bħala riżultat ta' intervisti interni li saru minn Bordijiet ta' Għażla differenti u b'konsegwenza tal-Ftehim Kollettiv ġdid u anke ta' qablu.
- listi mmarkati Doc B u Doc C li jagħtu l-informazzjoni kollha dwar il-gradi u l-għadd ta' persuni li kienu jokkupaw dawk il-gradi fis-26 ta' Ottubru 1996 u li jokkupawhom fil-preżent.