Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6250 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — CDs/Videos illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu pirated CDs u Videos bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 1998? Kemm kien hemm individwi li nstabu ħatja fl-istess sena fil-Qorti Kriminali u kemm kien hemm rapporti uffiċjali lill-pulizija fuq materjal pirated fl-istess żmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-1998 il-Pulizija qabdet 1,039 C.D.'s u 599 video cassettes u kien hemm tlettax il-persuna li nstabu ħatja mill-Qorti dwar reati li għandhom x'jaqsmu ma' ksur tal-liġijiet dwar frodi kummerċjali u tal-copyright. Matul l-istess perijodu kien hemm 26 rapport uffiċjali lill-Pulizija dwar dan l-abbuż. 26.04.99

Żabbar — Triq San Duminiku - Tiswija

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jikkonferma jekk Triq San Duminku, f'Ħaż-Żabbar hijiex fil-lista tat-toroq li se jiġu rranġati minħabba li tinsab fi stat ħażin ħafna u hi ferm abitata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-triq imsemmija hija diġa asfaltata u r-`resurfacing` tagħha jrid isir mill-Kunsill.
Leg 9 PQ #5731 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żejtun — Servizz ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se ssir xi estensjoni tas-servizz ta' l-ilma fi Triq Wied iz-Ziju, fiż-Żejtun/Wied il-Għajn?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma m'għandha l-ebda talba għall-provvista ta' l-ilma fil-post imsemmi. Jekk issir talba f'dan ir-rigward, il-Korporazzjoni hija lista li tħejji l-pjanijiet meħtieġa.
Leg 9 PQ #5254 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żabbar — Triq Ħaddin in-Nies

Question

Possibbli li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma taċċerta li tagħti l-provvista ta' l-ilma lir-residenti kollha li joqogħdu fi Triq Ħadd in-Nies, f'Ħaż-Żabbar minħabba li hemm min ilu joqgħod f'din it-triq aktar minn għaxar snin u għadu bla servizz ta' ilma? Jaħseb il-Ministru li din is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli u għandha tiġi rrimedjata fl-iqsar żmien possibbli?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tieħu ħsieb biex twassal is-servizz ta' l-ilma fl-imsemmija triq. Fil-fatt, bħalissa, il-post hemm kuntrattur imqabbad mill-Korporazzjoni biex jinstalla mejn ta' l-ilma u x-xogħol mistenni li jitlesta fi żmien qasir. Pero` ser tibqa' parti żgħira mit-triq, li diġa' hemm nies joqgħodu fiha, li ma jistax jingħatalhom is-servizz ta' l-ilma. Dan għaliex fil-preżent ma jeżistix aċċess għal din il-parti tat-triq ħlief minn proprjeta' privata. Is-servizz lil din il-parti tat-triq ikun jista' jingħata meta jinfetaħ aċċess għal din il-parti.
Leg 9 PQ #5113 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' l-Istat - Canteens

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod jingħataw il-canteens ta' l-iskejjel ta' l-Istat? Dawn jingħataw b'direct allocation jew inkella b'sejħa pubblika għall-offerti? Kull meta jingħataw u liema skejjel bħalissa għandhom bżonn lil xi ħadd biex jimla' canteen li hu vakant?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hija 'policy' tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li t-tmexxija tat-'Tuck Shop' tingħata kemm jista' jkun f'idejn il-Kunsill Skolastiku. Fejn dan ma jkunx possibli kull Kap ta' Skola għandu għażla kif spjegata hawn: Fuq sistema li nbdiet sentejn ilu kull skola sekondarja, tas-snajja' u post-sekondarja tiġi mitluba tiddikjara kif se tmexxi t-'Tuck Shop' fl-iskola rispettiva. Kull skola tista' tagħżel li t-'Tuck Shop' jitmexxa: 1. mill-Kunsill Skolastiku; 2. b'kuntratt wara sejħa pubblika għall-offerti maħruġa mill- iskola flimkien mal-Kunsill Skolastiku; 3. b'kuntratt wara sejħa pubblika għall-offerti maħruġa mid- Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. L-offerti għall-'Canteens' jinħarġu darba kull sena skolastika. Dawn jinħarġu għall-ħabta ta' Lulju. Bħalissa m'hemm ebda skola li għandha bżonn lil xi ħadd biex jimla 'canteen' li hu vakant.
Leg 9 PQ #1640 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għargħur — Super 1 TV

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandhom panelli mwaħħlin ma' l-arblu tal-Għarghur is-Super 1 TV u kemm minnhom qed jintużaw? Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li hemm uħud mill-antenni li m'humiex jintużaw? Kemm huma u ta' min huma? F'każ li dawn l-antenni li m'humiex jintużaw jinqalgħu, ikun possibbli li jitwaħħlu oħrajn minflokhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

B'riferenza għat-tieni parti tal-mistoqsija numru 1640, ninsab infurmat li l-panelli l-oħra mwaħħlin ma' l-arblu tal-Għargħur kollha qed jintużaw minn Maltacom plc, Melita Cable TV plc, Vodafone Malta Ltd, PBS Ltd u l-Bank Ċentrali ta' Malta. Fir-rigward ta' l-erba' antenni wżati mill-Maltacom plc, jiena nfurmat li dawn jintużaw bħala passive repeaters għal żewġ microwave links li waħda minnhom ġġorr trasmissjonijiet televiżivi mis-satelliti ta' l-Intelsat għall-TVM. Peress li l-apparat fl-istudios tal-PBS bħalissa huwa żarmat minħabba xi xogħlijiet li qed isiru, din il-link hija temporanjament wieqfa. Pero tkun tista' terġa' tibda titħaddem hekk kif ix-xogħol fl-istudios jitlesta.
Leg 9 PQ #4620 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Bank kummerċjali — Hold-up

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir inkjesta li r-riżultat tagħha jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dwar l-attentat ta' hold-up li sar illum it-13 ta' Frar fuq bank kummerċjali fejn allegatament l-arma tan-nar tal-pulizija ma' sparatx?

Response (BORG, TONIO)

Peress li hemm Inkjesta Maġisterjali għaddejja dwar l`imsemmi inċident, ma nħoss il-ħtieġa ta` inkjesta ulterjuri. 22.02.99
Leg 9 PQ #4621 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Armi tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' taħriġ jingħataw il-pulizija fuq l-użu ta' l-arma tan-nar li jkollhom u li jkunu għassa ma' dawn il-banek kummerċjali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kull membru tal-Korp tal-Pulizija, matul iż-żmien li jagħmel fl-Akkademja, jingħata taħriġ bażiku fl-użu ta` l-armi. Peress li nħass il-bżonn li dan it-taħriġ irid ikun aktar speċjaliżżat, numru ta` membri tal-Korp għadhom kemm temmew b`suċċess taħriġ ta` Instructors fl-użu ta` l-armi. Qed jiġi mfassal programm sabiex il-membri kollha tal-Korp jiġu mħarrġa u evalwati fl-użu ta` l-armi. Dawk biss li jikkwalifikaw minn din l-evalwazzjoni ser jingħataw ċertifikat ad hoc u jitħallew jużaw tali armi. Huwa ppjanat ukoll li dan it-taħriġ ikun kontinwu, dejjem fid-dawl tal-mezzi finanzjarji li jkollu l-Korp. 22.02.99
Leg 9 PQ #4694 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega kif fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ingħatat Lm10,250 biex tirtira talba għal Lm5,000 kumpens li kienet ressqet quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-persuna li għaliha qed jirreferi l- Onor Interpellant huwa is-Sur Joseph Zammit, li fi żmien l- amministrazzjoni preċedenti kien is-Segretarju tal- Kabinett. Is-Sur Zammit kien ressaq rikors quddiem it-Tribunal għall- Investigazzjoni ta' l- Inġustizzji fil-31 ta' Ottubru 1997. Fir-rikors li għamel, hu talab li jingħata kumpens ta' Lm5,000 li hu l-massimu li jista jgħati t-Tribunal f'każ li jiddeċiedi favur l-applikant. Ir-rikors kien jallega inġustizzji li allegatament twettqu mas-Sur Zammit wara Mejju 1987 peress li hu ma baqax iżomm il-grad ta' Officer in Grade 2 wara li spiċċa minn Chairman ta' l-Awtorita tad- Djar. Is-Sur Zammit baqa jagħmel it-talba ripetutament lis- Segretarju Amministrattiv. Is-Sur Joseph Sammut, li dak iż- żmien kien is-Segretarju Amministrattiv, kien għamilha ċara li hu ma kienx qed jaqbel mat-talba tas-Sur Zammit. Ta' l- istess opinjoni kien id-Direttur Ġenerali tal-Management and Personnel Office li f'Lulju 1993 kiteb lill-Avukat tas- Sur Zammit u qallu li t-talba tas-Sur Zammit kienet bla bażi. Fil-25 ta' Lulju 1997, is-Sur Zammit, permezz ta' ittra, għamel l-istess talba lis-Segretarju Permanenti fil- Ministeru tal-Finanzi u Kummerċ. L-ittra tas-Sur Zammit kellha annessa magħha żewġ ittri bl-iskop li jissostanzjaw l-argument imressaq mis-Sur Zammit. Waħda mill-ittri kienet miktuba mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici, li huwa l-avukat tas-Sur Zammit u li kien Prim Ministru meta s-Sur Zammit ġie appuntat Chairman ta' l-Awtorita tad-Djar. L- ittra l-oħra kienet miktuba mill-Onor Leo Brincat bħala s- Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Housing meta s- Sur Zammit kien appuntat Chairman ta' l-Awtorita tad-Djar. Dawn iż-żewg ittri iġibu d-data tas-6 ta' Mejju 1993. Fit-18 ta' Ġunju 1998, id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Finanzi, f'memorandum indirizzat lill-Ministru tal- Finanzi u Kummerċ kiteb li: it-talba tas-Sur Zammit m'għandhiex bażi f'dokumenti uffiċjali; it-talba tas-Sur Zammit kienet mibnija fuq bażi dgħajfa imma setgħet tissaħħah jekk l-Onor Leo Brincat, bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Housing fi żmien meta s-Sur Zammit kien Chairman ta' l-Awtorita tad-Djar, jikkonferma d-dikjarazzjoni li kien għamel fl-ittra tiegħu tas-6 ta' Mejju 1993, imsemmija aktar il fuq; u li: l-Ministru tal-Finanzi, allura l-istess Onor Leo Brincat, kellu japprova pagament ex-gratia ta' Lm1,034 biex jagħmel tajjeb għat-talba tas-Sur Zammit. Fit-22 ta' Lulju 1998, id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Finanzi, f'memorandum indirizzat lill-Ministru tal- Finanzi u Kummerċ kiteb li: it-talba tas-Sur Zammit kienet ibbażata fuq intenzjonijiet imwassla verbalment u mhux fuq dokumenti uffiċjali; l-Onor Leo Brincat, bħala ex-Segretarju tal-Housing kien ikkonferma d-dikjarazzjoni li hu kien għamel fis- 6 ta' Mejju 1993; is-Sur Zammit ġie mgħarraf li l-Onor Leo Brincat, fil- kapaċita tiegħu bħala Ministru tal-Finanzi, kien diġa awtorizza verbalment li jsir pagament ta' Lm10,250 bħala full & final settlement għat-talba tas- Sur Zammit; il-Ministeru tal-Finanzi tella l-għotja minn Lm1,034 għal Lm10,250 wara li aċċetta numru ta' kunsiderazzjonijiet mressqa mis-Sur Zammit fosthom li Lm7,308 li s-Sur Zammit irċieva fl-1995 mill-Malta Shipbuilding ma jiġux inklużi mad-dħul li s-Sur Zammit fil-fatt ħa mingħand il-Gvern bejn l-1987 u 1996; għalhekk, l-Onor Leo Brincat, fil-kapaċita tiegħu ta' Ministru tal-Finanzi u Kummerċ, kien mitlub japprova uffiċjalment l-għotja ta' Lm10,250. Fit-23 ta' Lulju 1998, għaxart'ijiem qabel xolja l- Parlament, il-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ, l-Onor Leo Brincat, approva l-għotja ta' Lm10,250, net of tax. Il- pagament ta' din l-għotja sar fl-4 ta' Awwissu 1998. Meta sar dan, it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l- Inġustizzji kien lanqas biss beda jisma l-każ tas-Sur Zammit. Ta' min isemmi li għalkemm l-għotja ngħatat bħala full and final settlement għat-talbiet tas-Sur Zammit, dan għadu ma rtitrax ir-rikors li għamel quddiem l-istess Tribunal.
Leg 9 PQ #4375 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali — Bandisti

Question

Fid-dawl ta' dak li jgħid il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista u fid-dawl tad-diskriminazzjoni li kienet saret mill-gvern preċedenti, x'inhi l-pożizzjoni tal-bandisti ta' l-Orkestra Nazzjonali? Wara Ottubru 1999, meta jiskadi l-kuntratt tagħhom dawn il-bandisti, x'se jsir minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħalissa qed nikkonsidra l-kwestjoni kollha ta' l-Orkestra Nazzjonali u nittama li fil-ġranet li ġejjin nibda npoġġi f'posthom miżuri li fuq firxa ta' żmien jagħtu bażi u qafas aħjar għal din l-Orkestra.

Żejtun — Triq il-Minzell - Tiswija

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi ffurmata Triq il-Minzell, fiż-Żejtun għaliex minkejja li din hi abitata għadha fi stat diżastruż tant li n-nies qed ikollhom jgħaddu minn triq privata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jipprepara biex joħroġ sejħa għal offerti għax-xogħlijiet indikati mill-Onor. Interpellant, meta jiġi assigurat li x-xogħol ta` servizzi jkun lest.
Leg 9 PQ #4377 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żejtun — Triq San Ġirgor

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3974 u ċioe' jista' ġentilment jara għaliex Triq San Girgor, Żejtun (b'mod partikolari fuq in-naħa tal-lemin) għadha maqlugħa sal-lum u ilha hekk minn Settembru? X'jista' jsir biex din il-bankina li tiġi wżata minn għadd ta' residenti u anzjani ma tibqax fl-istat li hi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet, jaġixxu skond il-prioritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabbiltajiet tal-Kunsilli.
Leg 9 PQ #3970 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Il-qtil ta' Raymond Caruana

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'informazzjoni waslet għandu dwar il-każ tal-qtil ta' Raymond Caruana fil-Gudja? X'passi ħa l-Kummissarju? Lil min kellem dwar dan il-każ? Min intalab jixhed quddiem il-maġistrat inkwerenti?

Response (BORG, TONIO)

Ma waslitli l-ebda nformazzjoni dwar dan il-każ u għaldaqstant ma kienx hemm passi x'jieħu l-Kummissarju. Barra minn hekk, kif jaf kulħadd, dan il-każ huwa sub judice. 01.02.99
Leg 9 PQ #3971 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Pieni

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jinbidlu l-pieni għal min ikun akkużat u nstab ħati ta' produzzjoni ta' bombi li jkun ċert li l-iskop tagħhom ma jkunx intenzjonat għal skop ta' logħob ta' nar iżda anti personnel?

Response (BORG, TONIO)

Kif hija l-liġi llum, kull min jagħmel jew xjentement iżomm jew ikollu għandu jew taħt il-kontrol tiegħu xi sustanza esplossiva, taħt dawk iċ-ċirkostanzi illi jagħtu għaliex wieħed għandu bir-raġun jaħseb illi hu għamilha, żammha jew kienet għandu għal ħsieb mhux leċitu, jista' jeħel, sa disa' snin priġunerija. Barra minn hekk id-dispożizzjoni ta' l-Att ta' l-1957 dwar il-Probation ta' Ħatjin ma japplikawx. 01.02.99
Leg 9 PQ #3972 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — GWU

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar għaxar snin kienx hemm każi fejn segretarju ġenerali tal-GWU mar jara l-aħbarijiet tal-PBS/Xandir Malta qabel dawn ġew imxandra? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, meta u min kienet il-persuna? Possibbli li l-Ministru jżomm quddiem għajnejh l-istrajk ġenerali tal-GWU dwar il-VAT, waqt li qed jagħti din ir-risposta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma jirriżultax li fl-aħħar għaxar snin kien hemm każi fejn Segretarju Ġenerali tal-GWU mar jara l-Aħbarijiet tal-PBS/Xandir Malta qabel ma xxandru. Dan jgħodd ukoll għall-każ speċifiku msemmi mill-Onor. Interpellant. Napprezza jekk l-Onor. Membru jtarrafli l-bażi tal-Mistoqsija tiegħu biex nara jeħtieġx aktar verifika.
Leg 9 PQ #3973 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Rapporti dwar frame ups

Question

Billi l-Prim Ministru fi tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari preċedenti kien ikkonferma li r-rapporti dwar każi ta' frame-ups naqas mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, Dr Alfred Sant, jista' jgħid jekk għamilx jew hemmx il-ħsieb li jagħmel inkjesta dwar dan?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Għadu qed jiġi mistħarreġ jekk għandhiex issir inkjesta dwar is-suġġett imsemmi mill-Onor Membru.

Żejtun — Triq San Ġirgor - Tiswija

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jara għaliex Triq San Girgor, Żejtun (b'mod partikolari fuq in-naħa tal-lemin) għadha maqlugħa sal-lum u ilha hekk minn Settembru? X'jista' jsir biex din il-bankina li tiġi wżata minn għadd ta' residenti u anzjani ma tibqax fl-istat li hi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li dan il-proġett hu tal-Kunsill Lokali, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #3940 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ġbir ta' karozzi mit-toroq

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid x'passi qed tieħu l-pulizija biex jinġabru mit-toroq karozzi li jkunu abbandunati? Jaħseb il-Ministru li għandu jiġi kuntrattat il-privat biex jagħmel dan jekk il-pulizija għandha nuqqas ta' vetturi biex jaqdu din il-funzjoni? Kemm fil-fatt tneħħew karozzi abbandunati fit-toroq tul l-1999?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ewwel azzjoni li tieħu l-Pulizija fil-każ ta' vetturi abbandunati tkun li tipprova tittraċċa lis-sid tal-vettura sasviex ineħħih. Jekk dan ma jinstabx, il-Pulizija tipproċedi skond ir-Regolamenti għat-Tneħħija ta' Oġġetti ta' Ingombru. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-aħħar żewġ partijiet tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2142 f'Seduta 20. Ninsab infurmat ukoll li matul Jannar, 1999, il-Pulizija neħħiet bil-mezzi tagħha 4 vetturi, filwaqt li 11 oħra tneħħew minn sidhom wara avviż mill-Pulizija. 25.01.99

Pensjonijiet — Pensjoni tal-vittmi tal-gwerra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiżdied il-pensjoni tal-vittmi tal-gwerra li minbarra li huma ftit fin-numru jieħdu ammont pjuttost żgħir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-informazzjoni mogħtija fil-Mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant, jidher li hu qiegħed jirreferi għal skema ta' pensjoni li ma taqax taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali u li titħallas mit-Teżor. Għaldaqstant nitlob lil Onor. Interpellant li jressaq il-Mistoqsija tiegħu lil Onor. Ministru tal-Finanzi. 25.1.99

Impjiegi — Parti time cleaners

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk impjegati li jaħdmu on a parti-time basis ma' kumpanniji ta' cleaners humiex obbligati li jidħlu jaħdmu wkoll is-sibtijiet u l-ħdud u dan mingħajr ebda ħlas żejjed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ħlas lill-ħaddiema meta jkunu morda u ħlas lill-ħaddiema b'rata ta' "overtime" meta jaħdmu aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa hu possibli permezz ta' regolamenti li joħorġu minn "Wages Councils" jew minn kundizzjonijiet miftehma f'"Collective Agreement". Id-ditti tal-"Cleaning Services" ma jaqgħux taħt "Wages Councils" u għalhekk m'humiex koperti b'benefiċċji oħrajn minbarra l-leave b'vaganza u l-paga minima li huma ġa regolati b'"National Standard Orders". Għalkemm hemm "National Standard Orders" li jipprovdu għal-leave pro rata u rata minima ta' ħlas għal "part-timers" għad m'hemmx "National Standard Order" li tipprovdi għal ħlas extra għal "part-timers" li jaħdmu s-Sibt u l-Ħadd. M'hemm xejn xi jżomm employer li jħaddem "part-timers" is-Sibt u l-Ħadd. Qiegħed nara x'jista jsir biex is-sistema ta' "National Standard Orders" tiġi estiża biex tkopri benefiċċji oħrajn minbarra dawk li huma ġa regolati b' "National Standard Orders". 25.1.99